Ħsieb tal-25 Ħadd matul is-Sena – B

Minn D. Edward Vella

Wieħed mill-aktar aspetti ta’ ħajjitna li ma tantx nifhmuh u li ninfixlu meta nikkonsidraw kif jolqot il-Fidi tagħna huwa bla dubju l-libertà tagħna. Il-libertà tant hija marbuta mal-identità tagħna u tant neħduha ‘forgranted’ li ma tantx nikkonsidrawha u ma tantx nifhmuha. Alla ħalaqna liberi, jiġifieri li aħna, għax maħluqa intelliġenti, għandna r-responsabiltà li nagħmlu deċiżjonijiet tajbin għall-ġid tagħna u tal-oħrajn. Il-bniedem ma tistax timmaġinah mingħajr libertà, għax mingħajr din il-kwalità ma jkunx bniedem.

Il-problema tinħoloq meta l-bniedem jiddeċiedi li juża l-libertà tiegħu b’mod ħażin, jiġifieri li jagħżel li flok jagħmel il-ġid, jiddeċiedi li jagħmel il-ħażin kemm lilu nnifsu jew lil għajru. Il-problema kbira hija: ‘Alla lil min jiddeċiedi li jagħmel il-ħsara lil għajru, lil min jiddeċiedi li jweġġa u jkisser lill-proxxmu tiegħu għaliex ma jwaqqfux?’ Din hija domanda kbira li xi ftit jew wisq ilkoll nitfixklu quddiemha. Ir-rispett li Alla juri lejn il-libertà tal-bniedem u l-paċenzja li jieħu biex forsi l-bniedem jibdel ħajtu huma kultant ‘skandalużi’.

‘In-nies il-ħżiena qalu: “Nonsbulu lill-ġust għaliex hu ta’ xkiel għalina fi triqitna… . Ħa naraw hux veru kliemu, naraw fl-aħħar x’se jsir minnu. Jekk il-ġust hu iben Alla, jaqbeż għalih Alla, u jeħilsu minn id l-għedewwa tiegħu. Inġarrbuh bit-tagħjir u l-moħqrija,… Naqtgħuhielu għall-mewt b’mistħija…’. Alla ma jistax iwaqqaf lill-bniedem il-ħażin li jiddeċiedi li juża l-libertà tiegħu biex iweġġgħa lil ħaddieħor, mhux għax mhux kapaċi jagħmel dan, iżda jekk Alla, kull darba li nużaw il-libertà tagħna ħażin jeħodhielna naħseb li lkoll kemm aħna nitilfuha, u minn naha l-oħra x’libertà tkun jekk Alla jagħtihielna meta nagħmlu t-tajjeb u jeħodhielna jekk nagħmlu l-ħażin?

Alla x’jagħmel quddiem il-bniedem li jiddeċiedi li juża l-libertà tiegħu biex iweġġgħa lil għajru? L-ewwelnet Alla ma jrid qatt u ma jieħux gost li nużaw il-libertà tagħna għall-ħażen, u f’din id-dinja jew l-oħra, kull wieħed minna jrid ipatti għal għemilu jekk jiddeċiedi li jweġġgħa lil għajru. Dak li hu żgur hu li, filwaqt li ma tagħmilx sens li naħsbu li Alla jista’ jwaqqaf id il-ħażin meta dan jerfagħha kontra għajru, però Alla, fl-imħabba infinita u fl-għerf infinit tiegħu kapaċi joħroġ it-tajjeb mill-ħażin li jagħmlu l-ħżiena lill-bniedem tajjeb. It-tbatija għat-tajjeb xorta tibqa, iżda Alla joħroġ minnha ħafna grazzja, barka u mħabba għalih stess u għal ħafna oħrajn permezz tiegħu. Dan kollu narawh x’ħin nikkontemplaw is-salib ta’ Ġesù.

Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jibda jispjeġa dan lid-dixxipli tiegħu: bħalna huma sabuha ħafna diffiċli biex jifhmu. ‘Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.’ L-akbar żball li għamlu huwa li x’ħin ma fehmuħx ma staqsewħx u tkellmu miegħu: aħna nagħmlu l-istess żball meta nitfixklu quddiem it-tbatija u flok nitkellmu Miegħu, nitbegħdu minnu jew ma nistaqsuħx. Ġesù kien jaf x’ġej għalih, u kif Alla l-Missier, l-akbar inġustizzja li qatt saret mill-bnedmin, jiġifieri li joqtlu lil Sid il-ħajja, lil dak li huwa l-aktar innoċenti, Alla kien ser joħroġ mis-salib l-akbar grazzja li qatt ingħatat, jiġifieri s-salvazzjoni tal-bnedmin kollha. Dan hu l-misteru l-kbira tal-Fidi tagħna: jekk quddiem it-tbatija noqgħdu ngħidu ‘għaliex jien’, nispiċċaw mhux biss nitilfu l-fidi iżda nitkissru; jekk minn naħa l-oħra naċċettaw il-misteru tas-salib bil-fidi ta’ tifel żgħir, Alla jagħmel fina u permezz tagħna ħwejjeġ kbar. Nistaqsu lilna nfusna: meta xi ħadd iġalni nbagħti x’nagħmel jien, inpattilu, nixtieqlu d-deni, jew nitlob għalih u nemmen li Alla kapaċi mill-ħażen li sarli joħroġ minnu ħafna ġid? Kemm nirrifletti u nitfa ħarsti ta’ sikwit fuq is-salib ta’ Ġesù, li huwa l-Ktieb il-Kbir li jgħallimna l-misteri tal-Ħajja?

Mulej Ġesù inti taf kemm huwa diffiċli għalina naċċettaw it-tbatija b’mod speċjali meta din tkun frott inġustizzja li jkun wettaq bniedem ieħor: għenna Mulej ħalli nifhmu li jekk inpattu nġustizzja bi nġustizzja ma nkunux wisq aħjar minn min ġalna nbatu; minn naħa l-oħra jekk nagħżlu t-triq li turina int inkun nissieħbu miegħek fil-misteru tas-salvazzjoni li int toffri lill-bnedmin kollha. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading