Xbieha t’Alla! Niċċelebraw l-Evanġelju tal-ħamsa u għoxrun Ħadd matul is-sena.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Il-Mulej hu dak li jżommni.

1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla   

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”. Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.

Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?”. Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.

Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”.

U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”. (Mk 9:30-37)

2. Riflessjoni/talba: 

i. Ma ried li ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu … Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.

Waqt li mexjin fit-toroq tas-soltu

jagħmel mezz li jurihom stil ieħor ta’ kif iterrqu

l-istil tal-ħajja tiegħu, l-istil tad-dixxiplu.

Iżda l-biża’ jżommni milli nistaqsi:

il-biża li nitlef il-mod li mdorri bih

il-biża minn stil ta’ ħajja li ‘l bogħod wisq minn kif timxi d-dinja

il-biża li nammetti li l-mod tiegħi mhux bilfors l-aħjar.

Irrifletti:

  • Fejn titħabat mal-biża’ li tinbidel?

ii. meta kienu d-dar staqsiehom … Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.

Ġesù ma jibżax jistaqsi –

anke jekk jagħti l-libertà li wieħed ma jweġibx;

għax il-mistoqsija hija forma oħra ta’ mħabba

li tgħin biex persuna tmiss il-ġerħa sabiex tibda tfiq.

Mal-mistoqsija waqa’ s-skiet.

skiet li ġej minn mistħija?

skiet li ġej minn distanza bejn l-istil tagħhom u l-istil tiegħu?

skiet għax forsi iħossu li hemm baħar jaqsam bejnhom u bejnu?

Skiet li jista’ jkun il-bidu tal-fejqan.

Skiet li jista’ jqarreb dinjiet ‘l bogħod minn xulxin.

Skiet li jipprepara għal kelma-azzjoni ta’ ħolqien ġdid.

Irrifletti

  • Fejn kellek esperjenza ta’ skiet? X’tinnota?

iii. Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed … U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi …

Bħalma fil-bidu Alla qal …
“Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna. … U hekk sar”;
bħalma “sawwar il-bniedem mit-trab ta’ l-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja”;
hekk issa mad-dixxipli u miegħi.

Jekk trid tkun xi ħaġa
jekk trid tkun bniedem
kun xbieha t’Alla
taħrabx miċ-ċokon u mil-limiti tiegħek
ħalli l-Mulej iħaddnek … m’għandekx bżonn timpressjona
tużax lil ħaddieħor bħala sellum
ilqa’ t-trab u l-limiti ta’ min hu ċkejken:
hemm l-id ta’ Alla, hemm in-nifs ta’ Alla.

Irrifletti

  • Xi tfisser għalik li int maħluq xbieha t’Alla?

3. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading