Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni
O Maħbub tiegħi, nirringrazzjak talli sejjaħtli biex noqgħod ftit għal kwiet miegħek. Ma għandi l-ebda dubju, li l-imħabba tiegħek għalija hija nfinità. Int tajt kollox; saħansittra tajt ħajtek, ċarċart demmek, biex terġa’ tħabbibna mal-Missier.
O Sinjur, kull meta nħares f’dik id-daqsxejn ta’ Ostja Mqaddsa, jiena nagħraf u nemmen, li Int qiegħed hemm, ħaj u preżenti. Hemm nikkonferma l-imħabba enormi li għandek għalija, għax trid li tkun dejjem miegħi u fija; biex jien inkun fil-grazzja tiegħek. (3 sek pawsa)
X’titlob minni Int, o Ġesù? Li jien inħobbok lura. Li nħobbok fil-persuna li nqatta ħajti magħha; li nħobbok fil-persuni li tlaqani magħhom, b’mod speċjali l-aktar dawk li jeħtieġu l-għajnuna tiegħi. Dan iseħħ, meta l-imħabba tiegħi, tkun għotja totali: li nagħti lili nnifsi lir-raġel jew il-mara tiegħi; li nagħti lili nnifsi lil uliedi, lil ġenituri tiegħi. Iva Mulej, Int trid li l-imħabba tagħna, ma tkunx waħda egoistà, limitata; imma għotja sħiħa u bla riservi.
Silenzju 3 min
Innu:__________________
Qari mill-Evanġelju skond San Mark Mk 10:2-16
F’dak iż-żmien, resqu xi Fariżej lejn Ġesù u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?”. Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha”. Imbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.
“Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.
Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju”.
Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha”. Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Illum naraw il-Fariżej jersqu lejn Ġesù, biex jistaqsuh fuq il-kwistjoni tad-divorzju: jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Fiż-żmien Ġesù, din kienet kwistjoni taħraq. Imma fil-verità, l-Fariżej ma kinux interessati fil-veritajiet l-iktar profondi ta’ Alla; imma kienu nteressati biss, biex jinsbu lil Ġesù; kif ukoll biex idawwru l-veritajiet ta’ Alla, f’tentattiv biex jiġġustifikaw lilhom infushom, u l-ħajja mqalba tagħhom.
U Ġesù, jikkwota l-awtur sagru tal-Ktieb tal-Ġenesi; qisu bħal donnu, Ġesù kien iqis li l-ewwel kapitli tal-Ewwel Ktieb tal-Kotba tal-Antik Testment, bħala stejjer li jittrasmettu l-veritajiet fundamentali fuq il-bniedem, u fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ bnedmin oħra; kif ukoll fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. Għalhekk Ġesù, juri x’kien il-pjan oriġinali ta’ Alla fuq iż-żwieġ, meta jgħid: “Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed”. U jkompli Ġesù: “Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”. (2 sek pawsa)
Mulej, aħfrilna, għax aħna wkoll, mhux l-ewwel darba li għamilna bħal Fariżej u dawwarna l-veritajiet ta’ Alla, biex niġġustifikaw id-dnub tagħna. Għinna Mulej, ħa nfittxu biss li nfasslu ħajjitna fuq il-Kelma Tiegħek.
Silenzju 3 min
Mulej, bl-interċessjoni tal-Omm tagħna Marija, f’dan ix-xahar hekk għażiż, nitolbuk biex tbierek u tqaddes il-familji tagħna. Qanqal fina, li nerġgħu nibdew nsibu ħin u nitolbu flimkien, b’mod speċjali t-talba tar-Rużarju Mqaddes. Nitolbuk o Ġesù, biex tħarisna mit-tnassis tax-xitan, li jgħoxa jkisser u jfarrak iż-żwieġ, il-familji, u r-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Ħu ħsieb il-familji tagħna u għaqqadhom aktar flimkien fl-imħabba vera lejn xulxin.
U fl-aħħar O Sinjur, ħu ħsieb f’tant familji li qegħdin ibatu minħabba raġunijiet differenti. Għinna biex ma niġġudikaw lil ħadd, imma użana biex inkunu ta’ għajnuna għalihom.
Is-Sultana tal-Familja żżommna dejjem taħt il-ħarsien tagħha.
Silenzju/ soft background music 3 min
Kant: ________________
Talbiet tal-Komunità
Waqt li nfaħħruk li ġbartna flimkien f’mixja waħda, nitolbuk li tisma’ t-talba tagħna.
Għall-Knisja, biex tkun sinjal li jidher tal-għaqda ta’ mħabba li Kristu ġabilna meta offra ħajtu għalina. Nitolbu
Għal-leġiżlaturi ta’ pajjiżna biex jibnu soċjetà li fiha l-għaqda fil-familja tibqa’ mħarsa bħala l-ogħla valur. Nitolbu.
Nitolbu għall-koppji miżżewġin u għall-għarajjes li qegħdin iħejju ruħhom għaż-żwieġ nisrani. Nitolbu
Nitolbuk Mulej, għalina dixxipli tiegħek, biex inkunu xhieda tal-Qdusija tas-Sagrament taż-Żwieġ, u biex nagħrfu nakkumpanjaw lill-koppji fil-fraġilità tagħhom, ħalli bil-grazzja tiegħek, jgħixu mill-aħjar li jistgħu l-isfidi li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja. Nitolbu
Agħti fejqan Mulej lill-morda kollha tagħna, u sabar lil dawk li jduru bihom. Nitolbu
Fis-skiet nagħmlu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali:
Kant: Dal Misteru