Minn Dun Mikiel Galea Apap
DAK LI GĦAQQAD ALLA M’GĦANDUX JIFIRDU L-BNIEDEM!
Ħa nibda l-omelija tal-lum billi npoġġi għar-rflessjoni tagħkom l-esperjenza ta’ Mimmo u Silvana. Sibtha f’rivista Taljana. Jgħidu Mimmo u Silvana: “Aħna m’aħniex xi koppja perfetta, iżda dejjem ippruvajna ngħixu l-ħajja ta’ bejnietna b’mod uman ħafna u anki b’mod nisrani. Hemm sentenza minn San Pawl fl-ittra tiegħu lill-Efesin li narawha tgħodd ħafna għaż-żwieġ tagħna; is-sentenza hija din: ‘Aħna konna magħżula, iddestinati minn qabel skont il-pjan imfassal minn min imexxi kollox skont il-fehma tar-rieda tiegħu…(1,11)’ Matul l-għerusija tagħna staqsejna lilna nfusna u tlabna ħafna biex naraw kinitx verament ir-rieda t’Alla li aħna niżżewġu. Illum nemmnu li meta aħna għedna ‘iva’ lil xulxin u bdejna l-avventura tal-ħajja miżżewġa, aħna għidna wkoll ‘iva’ lil Alla. Il-familja tagħna kienet fil-moħħ t’Alla sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja. Il-Kelma t’Alla fl-Iskrittura hija l-gwida spiritwali tagħna. Tgħinna nħobbu ħafna lil xulxin u bħala koppja, imbagħad, inħobbu wkoll lill-oħrajn. Mingħajr dil-Kelma t’Alla, faċilment nibdew nimxu max-xejra ta’ din id-dinja. Għamilna proponiment li l-quddiesa tal-Ħadd ma nitilfuha qatt. Fiha nsibu għajnuna u qawwa kbira. Ippruvajna nifhmu, naċċettaw u ngħixu (anki b’sagrifiċċju) il-morali nisranija dwar l-imħabba u s-sesswalita’. Il-Mulej għoġbu jagħtina tifel u tifla u qegħdin nippruvaw nedukawhom mill-aħjar li nistgħu, kemm spiritwalment kif ukoll umanament…”
Din l-esperjenza kemmxejn twila tintroduċina għal-liturġija tal-lum: iż-żwieġ nisrani. Mimmo u Silvana qalu: “Aħna m’aħniex xi koppja perfetta…” Meta qrajt din l-esperjenza għidt: Għall-grazzja t’Alla, anki f’Malta u Għawdex tagħna għandna koppji għarajjes u miżżewġin li qegħdin igħixu bħalhom!. Kultant ukoll xi koppji jistiednu lis-saċerdot iqaddsilhom f’għeluq il-25 sena, jew f’għeluq il-50 sena miż-żwieġ tagħhom. Ngħid jien: “Dan mhux għax bnew iż-żwieġ tagħhom fuq il-blat?! Ġie l-maltemp, wasal il-wied, imma d-dar tagħhom baqgħet wieqfa.”
Mill-banda l-oħra, minħabba l-materjaliżmu u l-edoniżmu li daħlu fin fin fostna, (tinsewx li kif qal xi ħadd: “Id-dinja saret villaġġ globali”) xi koppji għarajjes u koppji miżżewġin qabdu t-triq tan-niżla: hekk kien iħobb jgħid il-mibki Arċisqof ta’ Malta Ġużeppi Mercieca… U biex nuża l-istess parabbola li għadni kemm irreferejt għaliha ftit ilu, qegħdin jibnu darhom fuq ir-ramel. Ġie l-maltemp, wasal il-wied u d-dar iġġarrfet.
Pero’ ħa niġu għas-silta mill-vanġelu li għadna kemm smajna. Jgħidilna San Mark: “Resqu xi Fariżej lejn Ġesu’ u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu.” Kienet mistoqsija nasba…riedu jaraw jekk Ġesu’ hux se jillaxka jew hux se jissikka l-liġi. Imma biex jaħrab minn din in-nasba, Ġesu’ jweġibhom b’mistoqsija oħra. Staqsihom u qalilhom: “X’ordnalkom Mose’?” Qalulu: “Mose’ ta’ permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju u jibgħatha.” Il-fissiera tal-Iskrittura jgħidu li Mose’ “mhux ta’ permess” kif qegħdin jgħidu dawn il-Fariżej imma “ordna”. Hemm qabża kbira bejn “tagħti permess” u “tordna”. Fl-istess nifs, Ġesu’ jmur għall-għeruq ta’ dak li xtaq Alla. Ġesu’ jagħmel tiegħu u jistqarr dak li qal il-kittieb sagru fil-Ktieb tal-Ġenesi: “Għalhekk mela jħalli raġel lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma, ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla m’għandux jifirdu l-bniedem.”
San Mark jgħidilna li xħin daħlu d-dar, id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan u hu qalilhom: “Min jitlaq ‘il martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju.” Nistaqsi: tgħid l-adulterju tal-fatt ikun beda bl-adulterju tax-xewqa? Għax barra mill-adulterju tal-fatt li qed isemmi Ġesu’, hemm l-adulterju tax-xewqa. F’wieħed mid-diskorsi tiegħu, Sant’ Wistin jgħidilna: “Meta ragel żieni jħares lejn mara biex jixtieqha b’għajn ħażina, ukoll jekk hija tibqa’ safja, hu ikun għamel iż-żina…ma jkunx wasal sa kamritha, imma ġol-kamra ta’ ġewwa tiegħu hu jkun għodos fiż-żina!”
Nispiċċa b’erba’ suġġerimenti prattiċi għal dawk fostkom li huma miżżewġin. Tistgħu tgħadduhom ukoll lil uliedkom jew lill-ħbieb tagħkom. 1. Ikkomunikaw ma’ xulxin. B’onesta’ kbira, għidu lil xulxin kif tħossukom; qatt tassumu li s-sieħba jew is-sieħeb tagħkom ikunu jafu dak li għandkom f’qalbkom. 2. Aħdmu biex il-jien jew int jinbidlu f’aħna. Meta l-jien jew int jinbidlu f’aħna naħseb li fil-familja tagħkom jsiru ħafna mirakli. 3. Kunu lesti biex tgħidu “sorry” jew bil-Malti “skużani jew jiddispjaċini ta’ dak li ġara. Il-kritika, meta l-miżżewġin jagħtu tort lil xulxin jew meta dawn il-miżżewġin jagħmlu żmien ma jitkellmux fuq dak li jkun ġara…dan kollu huwa velenu li jħażżen u joqtol kull tajjeb li jista’ jkun hemm fil-familja. 4. Fl-aħħarnett tinsewx li mal-koppja dejjem hemm it-tielet Persuna (capital P) Qed nirreferi għal Alla. Meta l-miżżewġin iħallu spazju għal Alla, jiġifieri meta jitolbu flimkien, id-diffiċli jsir ħafif u l-problemi jinħallu bħal silġ fis-sħana tax-xemx! L-aħħar kelma…Għall-grazzja t’Alla, illum hawn ħafna tagħlim għall-għarajjes u miżżewġin u meta jkollhom diffikultajiet hawn ħafna fejn jistgħu ifittxu għajnuna. Il-mard jista’ jżur iż-żwieġ u l-familja imma allaħares kull marda twassal għall-mewt. Alla għadu jibdel l-ilma f’inbid u jħoll l-għoqiedi tal-ħajja miżżewġa.
BIEX TITLOB INT LI QED TAQRA JEW LI SE TWASSAL DIN L-OMELIJA.
Marija, Omm Alla u Ommna, bierek il-familji tagħna; nissel fihom spirtu nisrani u sentimenti ta’ tjieba, rispett u mħabba. Żur il-familji tagħna, o Marija: fejn hemm id-dwejjaq, agħti l-faraġ; fejn hemm il-ġlied, ġib il-paċi; fejn hemm il-firda, oħloq il-għaqda u fejn hemm il-għira, itfa l-vera mħabba. Aqsam magħna l-ferħ u n-niket tal-ħajja: meta nkunu ferħanin bierek il-hena tagħna biex ikun dejjem kif irid Alla. Meta nkunu mdejqin, agħtina l-kuraġġ u l-għajnuna biex inġorru s-salib tagħna. Verġni Marija, żomm il-familji tagħna magħqudin fl-imħabba. Agħmel li fehmietna jkunu jaqblu mat-tagħlim ta’ Kristu u l-Knisja tiegħu. Agħtina l-għajnuna biex ma jonqsux fina l-fidi, it-tama u l-imħabba. La twarrabna qatt minn taħt il-ħarsien tiegħek. Ammen