Livell ieħor. Niċċelebraw l-Evanġelju tal-erbgħa u tletin Ħadd matul is-sena – Kristu Sultan.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Il-Mulej isaltan; il-kobor libes.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Pilatu sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?”. Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok, jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?”. Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”.

Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”.

Pilatu qallu: “Mela int sultan?”. U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”. (Ġw 18:33b-37)

  1. Riflessjoni/talba:

i. Pilatu sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?”. Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok, jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?”.

Pilatu jinterroga lil Ġesù:
f’moħħu għandu l-idea ta’ poter li jrid iservi (lir-Rumani)
f’moħħu għandu l-idea ta’ poter tal-poplu (Lhudi):
li jkollhom sultan li jaqleb il-poter ta’ Ċesari.
Iż-żewġ “ideat” ma joqogħdux flimkien:
xi ħadd irid jiġi eliminat.

Ġesù jinterroga lil Pilatu:
f’qalbu hemm perspettiva oħra tħabbat:
li joħloq djalogu
li jistiednu jqum biex jimxu biċċa triq flimkien lejn il-verità:
il-verità li teħles lil kull naħa!

Irrifletti:
• Fejn għandek stedina biex timxi lejn il-verità?

ii. Pilatu wieġeb: “X’għamilt?”. Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”.

X’għamilt? X’kien ir-reat tiegħek? Liema liġi ksirt?

Li ġejt fid-dinja
li b’ħajti, bil-ġesti, bi kliemi indikajt li hemm mod ieħor kif tista’ tgħix;
mhux l-idolatrija tal-“jien” fejn kollox idur miegħi,
fejn alla jadura lili,
fejn min ma jadurax lili irid jiġi eliminat.

Hemm stil ieħor, saltna oħra, mod ieħor ta’ tmexxija:
fejn l-inizjattiva tittieħed biex toħloq, tagħmel spazju għal ħaddieħor, u spazju sabiħ
fejn il-qawwa tidher mhux fid-distanza u l-ħakma iżda f’imħabba li tiċċekken, toqrob, terfa’
fejn l-ispirtu li jmexxi mhux dak li jġib firda u qtil iżda Spirtu li jagħti l-ħajja.

Għalhekk tawni f’idejk.
Biex nuri l-Missier li tista’ tintelaq f’idejH, imħabba li tista’ kollox;
biex nistgħu nimxu flimkien bħal aħwa;
biex nagħti l-Ispirtu li jagħti l-ħajja.

Irrifletti
• Fejn apprezzajt b’mod ġdid l-istil ta’ Alla?

iii. Pilatu qallu: “Mela int sultan?”. U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”.

Is-sbuħija ta’ dak li hu veru, ta’ dak li hu tajjeb!
Sbuħija li tattira mhux timponi.

Kemm persuni ħabbew il-verità u rebħu l-biża,
ma baqgħux skjavi tal-idolatrija tal-jien
ma baqgħux maħkuma minn stil li jeqred il-ħajja

Kemm persuni ħabbew
u b’ħajjithom taw ħjiel kif isaltan Alla
anke meta ma nftehmux.

Irrifletti

• Ftakar f’xi persuna li ħalliet impatt sabiħ fuqek. Liema kwalitajiet ta’ Alla tħaddan?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading