Il-ġimgħa li għaddiet nixtieq li nlaqqamha “l-ġimgħa ta’ Patri u nofs Patri”. Dan l-għaliex, nhar il-Ħamis 11 ta’ Lulju 2024 iċċelebrajna l-festa ta’ San Benedittu, wieħed mill-qaddisin padruni tal-Ewropa filwaqt li fl-istess ġimgħa l-Mulej fakkarni fil-kanzunetta tal-grupp magħruf mal-erbat irjieħ tad-dinja Boney M u li ġġib l-isem “Rasputin”.
San Benedittu
Dan il-qaddis, li kien ġej miċ-ċentru tal-Italja, fil-Belt ta’ Norcia, li tinsab fil-qalba tal-Muntanji ta’ dawn l-inħawi, twieled għall-ħabta tas-sena 480. Dan il-qaddis kien wieħed mill-aktar persuni importanti li ġabu bidla u tiġdid sħiħ fil-kultura Ewropeja wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman fil-Punent li seħħet fis-sena 476.
Benedittu kellu l-għerf mis-sema li jiżviluppa ħajja monastika li ġabet qawmien sħiħ fit-talb u fl-ospitalità qalb il-kontinent Ewropew. Il-monasteri Benedittini ma kienux biss ċentri ta’ spiritwalità u kultura imma saru wkoll ċentri ta’ għajnuna għall-fqar u għall-pellegrini.
San Girgor il-Kbir, li kiteb l-unika bijografija ta’ San Benedittu fil-qedem u li s’issa għandna f’idejna, sejjaħ lil San Benedittu “dawl jiddi”, fi żmien immarkat minn kriżi mill-aktar serja. Miż-żgħożija tiegħu, ħajjet Benedittu kienet immarkata bit-talb. Il-ġenituri għonja tiegħu bagħtuh Ruma biex jistudja. Madankollu, f’Ruma, Benedittu sab ma saqajh żgħażagħ li kienu qed jgħixu ħajja mtajra. Quddiem din id-dgħjufija kollha li ġġib magħha l-ħajja tal-vizzju, Benedittu ħass fih innifsu li kellu iħalli Ruma u jmur f’post li jismu Affile, fiċ-ċentru tal-Italja. Hemm Benedittu għex bħala eremita għal tlett snin f’għar f’Subiaco li, mal-medda taż-żmien, kellu jsir il-qalba tal-monasteru Benedittin tas-Sacro Speco. Dan il-perjodu ta’ solitudni ġie qabel żmien importanti fil-mixja ta’ Benedittu: il-miġja tiegħu f’Monte Cassino. F’dan il-post, qalb il-fdalijiet tal-akropoli pagana qadima, San Benedittu u xi dixxipli minn tiegħu bnew l-ewwel monasteru tagħhom.
Benedittu kiteb ir-Regola tiegħu madwar is-sena 530. Din ir-regola hi, essenzjalment, manwal u ġabra ta’ liġijiet għall-ħajja monastika. Il-lingwaġġ tar-Regola hu familjari għall-aħħar. Matul il-prologu tagħha flimkien mat-73 kapitlu li tħaddan, din ir-Regola tħeġġeġ lill-monaċi tiegħu biex joħorġu minnhom infushom u “jisimgħu bil-widnejn ta’ qalbhom” ħalli “qatt ma jaqtgħu qalbhom mill-ħniena ta’ Alla”. Hekk tgħid ir-Regola ta’ San Benedittu fil-Prologu tagħha fin-numru 1: “Ibni, isma’ mit-tagħlim tal-Imgħallem, u iftaħ il-widnejn ta’ qalbek; ilqa’ l-pariri ta’ Missierek li jħobbok u wettaqhom (Prov 4:20). B’hekk, bil-ħidma iebsa tal-ubbidjenza, tkun tista’ terġa’ lura għand Dak li minnu biegħdek l-għażż tad-diżubbidjenza”.
Fir-Regola tiegħu, eżattament meta jitħaddet fuq “ix-xogħol ta’ kuljum,” f’kapitlu 48 fin-numru 1, San Benedittu jikteb li “l-għażż huwa l-għadu tar-ruħ: u għalhekk, l-aħwa, f’ċerti ħinijiet għandhom jagħmlu xi xogħol tal-idejn, u f’oħrajn, stabbiliti wkoll, jagħtu ruħhom għall-qari spiritwali”. It-talb u x-xogħol m’humiex kontra xulxin imma jwaqqfu relazzjoni reċiproka. Mingħajr it-talb mhux possibbli li wieħed jiltaqa’ mal-Mulej. Madankollu, il-ħajja monastika, li Benedittu fissirha bħala “l-iskola tal-qadi tal-Mulej”, ma tistax tkun hekk tassew jekk ma jkunx hemm impenn konkret. Għalhekk, ix-xogħol hu estensjoni tat-talb. Benedittu jfakkarna fil-Prologu tar-Regola numru 35: “Għaldaqstant, il-Mulej, kuljum jistenna bla heda li bil-għemil tajjeb inwieġbu għas-sejħat qaddisa tiegħu u nikkoreġu ruħna mill-vizzji”.
Grigori Rasputin
Nistħajjilkom tgħiduli: “U minn webblek Patri b’Rasputin?” Il-biċċa hi li waqt li kont qed inqalleb naqra You Tube ġie quddiem għajnejja dan il-clip li jismu: “Boney M. – Rasputin (Sopot Festival 1979)”. Dan il-clip rawh mal-577,159,135 darba! X’popolarità dik eh!
Id-diska tal-Boney M. fuq Rasputin hi mill-isbaħ! Il-“hit” li għamlet mad-dinja u, partikularment, fil-Belt Pollakka ta’ Sopot, fin-naħa tat-tramuntana tal-Polonja fuq il-Baħar Baltiku, hi tal-għaġeb. Interessanti wkoll li din il-Belt hi magħrufa għal spas tas-saħħa, għandha xtajtiet imramlin u l-marina tal-injam tagħha tasal saħansitra sal-Bajja fi Gdańsk. It-triq ewlenija ta’ Sopot tissejjaħ Monciak jew Monte Cassino. Mela tfakkarna mhux biss f’Monte Cassino ta’ San Benedittu imma wkoll f’Rasputin.
Grigori Yefimovich Rasputin (Bir-Russu Григо́рий Ефи́мович Распу́тин) twieled nhar il-21 ta’ Jannar 1869 u miet nhar it-30 ta’ Diċembru 1916. Rasputin kien mistiku Russu u bniedem li jfejjaq. Kien mis-Siberja u kien miżżewweġ b’erbat itfal. Imma mbagħad ħalla familtu u għex ħajja ta’ raħeb imur f’postijiet qaddisa u santwarji u jimxi għal mili sħaħ. Insomma “ħajja ta’ nofs Patri” jekk tista’ tgħidilha hekk. L-istorja tpinġieh bħala dak li kien tħabbeb mal-familja rjali tal-Kżar Nikola II, l-aħħar Imperatur tar-Russja. Kien bis-saħħa tal-Kżar Nikola li Rasputin kiseb influwenza kbira fl-aħħar nifsijiet tal-Imperu Russu.
Fid-diska tagħhom “Rasputin”, il-Boney M. jagħtuna dehra negattiva tiegħu. Jgħidulna li Rasputin kien twil, b’saħħtu, b’għajnejh itajru x-xrar. Ħafna nies kienu jibżgħu minnu imma mhux għan-nisa ta’ Moska li kien jinżlilhom għasel. Kien jippriedka l-Bibbja daqs l-aqwa predikatur b’ħafna emozzjoni u anki qilla. Imma ħej kien għalliem taz-zokkor li n-nisa kienu tant jixtiequ.
Il-Boney. M ma jonqsux jgħidulna li Rasputin kien il-maħbub tal-Kżarina Russa. Din il-passjoni kollha li kellu għan-nisa li kien imur magħhom għamlitu “l-akbar magna tal-imħabba fir-Russja”. Il-Boney. M ma jiddejqu xejn jgħidulna li “kienet tassew tal-mistħija kif dan baqa’ għaddej”. Minkejja l-burdellati li kien jagħmel u t-taħwid li kien iħawwad Rasputin baqa’ imexxi l-art Russa mingħajr ma jagħti każ lill-Kżar. Rasputin kien jogħġob lill-Kżar imma ma’ xi mara ma kienx hawn ieħor aħjar minnu. Il-Kżarina, għalkemm semgħet x’kien qed iħawwad Rasputin, xorta waħda baqgħet temmen li kien dak li jfejjaq u kien qaddis għax kienet ċerta li kien hu li kien se jfejjaq lil binha u l-futur Kżar tar-Russja Alexei.
Skont il-Boney M. Rasputin spiċċa ħażin. Tant kemm il-poter telgħalu għal rasu li bdiet tinħass il-ħtieġa li dan jiġi mwaqqaf darba għal dejjem. U hekk ġralu avolja n-nisa, li kien jinżlilhom għasel, qalu: “Jekk jogħġobkom tippruvawx toqtluh”. Lejla minnhom xi nies ta’ influwenza kbira nasbuħ. Qalulu: “Ejja żurna”. U Rasputin mar. Poġġewlu l-velenu fl-inbid, xorbu kollu, u qal: “Inħossni sewwa”. U dawn baqgħu baqgħu sakemm qatluh. Mhux bil-pasti u bl-inbid ivvalenati li kiel imma wara li sparawlu tlett tiri. Għalkemm xi dokumentarji jgħidu li Rasputin miet meta waddbuh fix-xmara u għereq wara dak il-velenu u anki t-tiri tal-arma tan-nar li soffra.
Imma Rasputin veru kien playboy, mistiku li jfejjaq u manipulatur politiku? Dan il-ħabib u konsultur tal-Kżar Nikola II tar-Russja u tal-familja tiegħu veru kien, kif ikkonkluda d-dokumentarju li tisgħu issibuh fuq You Tube bl-isem “Rasputin – The Real Rasputin: Documentary”, xitan qaddis?
Il-karattru kontroversjali ta’ Rasputin jibqa’ iqajjem ħafna mistoqsijiet. Il-Knisja Ortodossa Russa ċaħdietu. Rasputin kien ukoll membru ta’ setta imsejħa “Khlyst” li kienet fil-moħbi u li nqagħtet mill-Knisja Ortodossa. Interessanti nsemmu li skont artiklu miktub mill-arċipriet ortodoss Andrew Phillips, bit-titlu “The Real Gregory Rasputin,” dan jgħid li kuntrarju għall-gideb li jingħad kontrieh, Rasputin kien bniedem ta’ fiduċja. Kellu bi ħbieb tiegħu lill-isqfijiet Barnabas Nakropin u Isidore Kolokolov. Il-ġeneral Kurlov qal li baqa’ imbellaħ bit-tagħrif li Rasputin kellu tal-Bibbja u tat-teoloġija. Skont Kurlov, Rasputin kien raġel tajjeb li “dejjem wera s-sens Nisrani tal-maħfra tal-għedewwa tagħna”. Anki xi qassisin u nies devoti jgħidu dan u kienu jirrispettawh bħala wieħed mix-xjuħ. Skont l-arċipriet Phillips l-idea ħażina li għandna ta’ Rasputin ġiet maħduma minn nies li kienu jgħiru għalih.
L-aħħar kelma
Iż-żewġ karattri ta’ San Benedittu u Rasputin ifakkruni f’ħaġa waħda: “F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi: mingħandu tiġini s-salvazzjoni. Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,
hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni” (S;62:2-3). Imbagħad, kif jgħid Ġesù: “Mill-frott tagħhom tagħrfuhom” (Mt 7:16).
Patri Mario Attard OFM Cap