Minn Fr Jimmy Bonnici
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Għannu lill-Mulej għanja ġdida, għax għamel l-għeġubijiet!
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien: L-anġlu Gabrijel kien mibgħut minn Alla f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija. Daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”. Għal dan il-kliem tħawdet, u bdiet titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sa tnissel fi ħdanek u jkollox iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem”.
Iżda, Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Weġibha l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla. U ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, hija wkoll nisslet iben fi ħdanha, u dan huwa s-sitt xahar għaliha li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal; għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.
Imbagħad qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn ħdejha. (Lq 1: 26-38)
- Riflessjoni/talba:
i. L-anġlu Gabrijel kien mibgħut minn Alla f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija.
Jekk Alla li jista’ kollox
li hu fuq kollox
huwa mħabba li tikkomunika
f’raħal ċkejken imma li għandu isem (Nażaret)
f’ħajja ta’ persuna fraġli li għandha storja (Marija)
Mela nista’ nagħraf is-sinjali tal-presenza tiegħu
hawn f’dan il-post
fija u f’dawn ta’ madwari.
Irrifletti:
• Liema post jimmarka l-ħajja tiegħek bħalissa? Liema sinjali tal-presenza t’Alla?
ii. Daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”.
“Sliem għalik, mimlija bil-grazzja”.
F’dinja miġruħa minn elf konflitt
ta’ taħwid li joħloq tbatija
ta’ dnub li donnu jirrenja bla ma jissemma
Marija tagħraf li l-grazzja t’Alla diġà ħadmet fiha
li t-taħwid qatt m’hu se jwaqqaf il-pjan ta’ Alla,
li Alla kapaċi … isib mod … jiftaħ possibilità ġdida.
Il-Mulej miegħek …
u miegħek ukoll.
Irrifletti
• Il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni kif tnissel tama quddiem il-ħażen li niltaqgħu miegħu?
iii. Imbagħad qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn ħdejha.
Jekk Alla huwa s-Sid tal-istorja
jekk il-ħażen ma jwaqqafx lil Alla
Ma hemmx bżonn ninħela nfittex f’min ser inwaħħal
ma hemmx bżonn inħalli l-ħtija tipparalizzani
ma hemmx bżonn nipprova nimpressjona lil Alla
mhux veru li “kollox għalxejn”.
Hemm mod ieħor kif nieqaflu l-ħażin:
ngħid iva għat-tajjeb
ninfetaħ għall-ġdid ta’ Alla.
Irrifletti
• Ieqaf ftit fuq il-kliem: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek”
- Missierna