Hawn Bro!

Min minna ma semax lil xi ħadd jgħidlu: Hawn Bro? jew Kif inti Bro? Il-kelma Bro tfisser Brother, jiġifieri ħija.

Dil-kultura ta’ Bro hi subkulturali fejn fiha ż-żgħażagħ iqattgħu ħin jiddevertu ma’ oħrajn bħalhom. Għalkemm ix-xbieha oriġinali tal-istil Bro hi marbuta ma’ libsa sportiva u fraternitajiet, il-kelma Bro m’għandhiex definizzjoni konstanti. Ħafna mill-aspetti tagħha ivarjaw, bħalma jseħħ, ngħidu aħna f’California, fejn titħallat mal-kultura tas-surf. Imma, fil-verità, x’jagħmel il-kelma Bro speċjali?

Illum ngħid ir-responsabbiltà li, bħala bnedmin, għandu jkollna lejn xulxin. Fid-dinja, f’pajjiżna, fil-familji, fil-kunventi, fuq il-postijiet tax-xogħol u tad-divertiment tagħna għalhekk hawn ruxxmata tbatija: għax kulħadd jaħseb għal rasu. Tajjeb jien tajjeb kulħadd. Illum donnu hawn intossikazzjoni tal-jien f’kollox. Hekk, ngħidu aħna, li jgħid it-tali, anki jekk hu ħażin, dejjem jiġbed l-ammirazzjoni. Għax warajh, dak għandu klikka li aqta’ kemm trewwaħlu, tfisdu, iċapċaplu, insomma tal-qalba. Ara meta jitħaddet l-ieħor miskin, dak li jgħid dejjem ħażin. U għandu jkun ħażin għax qalu hu. Niskanta u nitnixxef kull darba li rajt dal-ġrajja faħxija u kriminali jseħħu quddiem wiċċi. U fejn seħħu? Aħjar nagħlaq ħalqi għalkemm naf li tafu. Għalhekk fil-ħajja ma nistgħu qatt nieħdu ruħ.

Imma l-Mulej, f’dit-tbatija kollha, dejjem jibgħatilna l-profeti tiegħu li jfakkruna fit-triq tal-ħelsien. Wieħed minnhom hu l-Papa Franġisku li xejn ma jinżel tajjeb ma’ tip ta’ nies li tihom jiġġudikaw lill-proxxmu tagħhom minn filgħodu sa filgħaxija u xejn aktar. Dawn l-aħwa għadhom ma tgħallmux li, kif kienet tgħid tant tajjeb Madre Tereża: Jekk lin-nies tiġġudikahom m’għandekx ħin biex tħobbhom.

Issa għiduli ftit l-aħwa, jekk jien ma jibqagħlix ħin biex lil ħaddieħor ma nħobbux, ħini f’hiex qed nużah? Tgħidli: Nieħu ħsieb tiegħi nnifsi. Imma b’daqshekk allura qed tgħidli li ma jimpurtak minn ħadd? Jekk dan hu minnu allura merħba bik għall-mewt u mhux għall-ħajja. Aħna ġejna maħluqa mhux biex ngħixu għal rasna imma għall-Mulej u għall-oħrajn. Hu, kif tħobb tgħid tant tajjeb Ophrah Gail Winfrey, li ġiet imlaqqma “is-Sultana tal-Midja kollha” fl-Amerika u biljunarja tal-biljunarji, il-ferħ veru jinstab f’dawn il-ħames kelmiet: Do something for someone else, jiġifieri: Agħmel xi ħaġa għal xi ħadd ieħor.

Ġesù kien aktar avventuruż minn Oprah Winfrey għax dan qalilna biex nagħtu ħajjitna kollha għall-oħrajn: Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu (Ġw 15:13). U l-eżempju tahulna hu stess meta ta ħajtu għalina l-ħin kollu. Qalilna: Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra (Mk 10:45).

Ejjew inkunu aħwa ta’ Ġesù billi nieħdu ħsiebu f’xulxin. Imbagħad inkunu nistgħu tassew ngħidu lil xulxin: Hawn Bro!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading