O Qaddisa Trinità inti l-Iskola tal-karità!

Nhar il-Ħadd li għadda iċċelebrajna s-solennità tat-Trinità Qaddisa, Alla wieħed fi tlett persuni. Mhux il-każ li noqgħodu nidħlu f’ħafna ideat ikkumplikati fuqha. Biżżejjed il-ħajja ikkumplikata! L’Alla l-Imbierek jonqosna issa li nikkumplikaw.

Imma hawn qiegħed il-bużillis: il-kumplikazzjoni. Il-ħażen iġib kumplikazzjoni. Li kieku kollox baqa’ sewwa kieku l-ħajja mhi ikkumplikata xejn. Imma meta l-ħażen jiġi mgħotti u mġebbed sakemm wieħed bilfors ikollu jsejjaħlu tajjeb, għax hekk jaqbel lis-sitwazzjoni, allura l-ħajja tikkumplika ruħha. F’dan kollu ma nistax ma nagħtix raġun lil Santa Tereża t’Avila meta tgħid: Aktar ma wieħed jersaq lejn Alla aktar isir sempliċi. Għalfejn mela l-kumplikazzjoni? U x’qed turini dil-kumplikazzjoni? Mhux fuq x’fiduċja għandi fil-Mulej? Kemm qed nafdah u nafdalu lil ħajti? Humiex dawn mistoqsijiet li wieħed ta’ min jistaqsihom għallinqas f’kull jum li jgħaddi minn fuqna?

Imbagħad, xi ħaġa oħra li qatt ma stajt nifhem: l-għaliex ‘l Alla naħsbuh daqshekk ‘il bogħod minna? Tafu li aħna l’Alla ngħixuh il-ħin kollu! Kif? Tħoss bħali l-bżonn li tħobb u tkun maħbub u maħbuba? Jekk tħoss fik dal-bżonn daqshekk bażiku tal-eżiżtenza tagħna l-bnedmin allura nasal ngħidlek li l-Mulej jgħix fik! Għax Alla hekk jaħdem miegħu nnifsu. Fih hemm dan il-bżonn li jħobb u jiġi maħbub. Naf x’ħa tgħidli: Allura jekk hemm dal-bżonn fih ifisser li hemm nuqqas? Illum, bl-umiltà kollha ngħidlek “le!” Ir-raġuni hi l-għaliex din mhix kwistjoni ta’ nuqqas imma kwistjoni ta’ qsim. L-imħabba ssejjaħ għall-imħabba. Għax l-imħabba mhux biss ma tintemm qatt imma dejjem tfur bħal xmara.

Mela Alla Trinità, fih innifsu, jingħata għax hu imħabba li ssejjaħ għal aktar imħabba, bħax-xmara tfur. Il-Missier iħobb lill-Iben u lill-Ispirtu daqskemm l-Iben iħobb lill-Missier u lill-Ispirtu u l-Ispirtu iħobb lill-Missier u l-Iben. U dawn iħossu li għandhom iħobbu u fil-fatt iħobbu lil xulxin għax misjuqa minn din l-imħabba ta’ bejniethom li tagħmilhom iħobbu lil xulxin bla ma jgħejjew. Mhux biss. Imma dawn tant hemm iħobbu lil xulxin li moħħhom biex jaqsmu l-imħabba ta’ bejniethom miegħek, miegħi u mal-univers kollu!

Huma jħeġġuna biex naħfru, inħennu, nisimgħu, nagħdru, nistabru, nuru ħlewwa, infarrġu, inqawwu qlub xulxin u nkunu hemm għal xulxin fis-siegħa tal-hemm u n-niket. Għax huma ma jafux jagħmlu ħaġa oħra għajr li jħobbu mingħajr waqfien. Huma l-Mediċina biex id-dinja li ninsabu fiha tfiq minn dal-ħażen li qed jeqridna. Huma joħduna għand min qed ibati ħa ngħinuh. Għax fit-Trinità hemm il-Paternità, il-Filjolanza u l-Akkumpanjament: tlett ħwejjeġ li huma tant importanti għalina bħala bnedmin.

O Qaddisa Trinità, Inti l-Iskola tal-karità. Amen!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading