X’għandna nagħmlu? Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tielet Ħadd tal-Avvent.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, in-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”. U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”. Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?”. U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu”. Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?”. U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom”.

Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”. U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba. (Lq 3: 10-18)

  1. Riflessjoni/talba:

i. In-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”. U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”

It-triq tal-hena tibda billi tiftaħ il-bieb
biex titlob parir
biex tinfetaħ għan-nar tal-Ispirtu t’Alla
biex tħallih jibdlek.

Agħmel l-ewwel pass:
aqsam minn dak li għandek.

Dak li int u dak li għandek
użah biex tibni relazzjoni
żviluppah biex tagħti ħajja.

Irrifletti:
• X’tixtieq tagħmel illum?

ii. Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?”. U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu”.

Il-pubblikani jiftħu l-bieb u jmorru jsaqsu flimkien –
għandhom identità partikulari,
għandhom forom ta’ poter
hemm nies li jiddependu minnhom.

“Tużawx il-poter ħażin
Tgħawġu jdejn ħadd biex tiggwadanjaw intom
warrbu kull forma ta’ korruzzjoni
kun ġusti fis-servizz li tagħtu”.

Irrifletti
• Liema huma n-nies li jiddependu minnek? Kif tħaddem l-awtorità tiegħek?

iii. Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?”. U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom”.

Is-suldati wkoll fetħu l-bieb u ħadu parir flimkien.
Għandhom il-forza –
forza intiża biex tieħu ħsieb l-ordni
biex mhux min hu b’saħħtu imma wkoll min dgħajjef jista’ jgħix.

“Għixu b’mod awtentiku:
tkunux intom li ġġibu d-diżordni!
L-ewwelnett ħudu ħsieb li jkun hemm ordni f’ħajjitkom,
tinħakmux mill-kilba li tavvelena kull azzjoni tagħkom.
Issirux skjavi tal-ġid.”

Irrifletti

• Liema sentiment iġib diżordni fik? X’inhu dak li jnissel paċi?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading