Kritika kostruttiva

L-ebda ħaġa mhi perfetta fil-ħajja. Kull ħaġa għandha bżonn tgħaddi mill-lenti tal-kritika bil-għan li ssir aħjar u tħalli l-frott.

Hemm żewġ għamliet ta’ kritika: dik kostruttiva u dik distruttiva. Il-kritika kostruttiva tibni filwaqt li l-kritika distruttiva, isimha magħha, tħott ħa teqred. Il-kritika distruttiva ħażina imma l-kritika kostruttiva tajba l-għaliex tagħti l-frott. Il-kritika distruttiva hi magħmula biex tkun mifhuma b’attakk personali. Tiġi magħmula biex tweġġa’ is-self-esteem ta’ xi ħadd. Il-kritika distruttiva hi pubblika u mhux speċifika jew inkella ma toffrix wieħed x’jista’ jagħmel fis-sitwazzjoni li jkun fiha. Dit-tip ta’ kritika hi wisq kritika u tagħmel plejtu fuq ix-xejn għax teħel mad-dettalji li m’għandhomx importanza.  

Jeżiżtu xi għajnuniet li jgħinuna nagħmlu kritika kostruttiva. L-ewwel, nuża’ sentenzibil-pronom ‘jien’ biex nesprimi l-opinjoni tiegħi billi niffoka fuq is-sitwazzjoni. Sentenzi bħal naħseb, inħoss, huma aħjar milli nibda’ b’sentenzi għax int għedt jew int għamilt. It-tieni, qatt ma nikkritika billi nibda’ u nispiċċa b’nota pożittiva għax il-kritika titlef qawwietha. Dal-metodu, li nsejħulu sandwich method, irid jitbiddel ħalli nqatta’ aktar ħin biex nagħmel il-feedback tiegħi aktar speċifiku u li jgħin, irrispettivament kemm-il biċċa feedback għandi nagħti. It-tielet, il-feedback li nagħti għandu jinkludi fih għemejjel li jġibu bidla. U jekk le ħa nistenna sakemm ikolli wieħed f’idejja. Ir-raba’, ma naqsamx fuq il-Facebook tiegħi l-kritika. Fuq Facebook m’hemmx djalogu. Ħa nsib lill-persuna u niddjaloga magħha wiċċ imb’wiċċ.

Il-ħames, ninkludi kummenti pożittivi fejn hu l-każ. Li nfaħħar lill-persuna l-għaliex għamlet xi ħaġa sewwa hi ta’ għajnuna kbira. B’hekk il-persuna, minkejja d-dgħjufijiet tagħha, jkollha aktar ċans taħseb fuq it-tajjeb li hemm fiha u ssaħħu.Is-sitta, ma nisfurzax il-pożittività. Ħa niftakar li feedback mhux sinċier mhuwiex t’għajnuna u jfixkel kull żvillupp veru. Is-seba’, il-kritika kostruttiva nagħmilha f’konverżazzjoni. Ħa nagħtihom ċans jistaqsu mistoqsijiet dwar l-għaliex inħoss b’dal-mod u kif il-persuna l-oħra tista’ titjieb b’riħet il-feedback tiegħi. L-aqwa feedback hu dak kollaborattiv u mhux dak mogħti b’ordni. It-tmienja, ma naħsadx bil-feedback tiegħi. Jekk f’daqqa waħda ferrajt il-feedback tiegħi bla ma avżajt dan jiffrustra, jgħarraq u jġiegħel lill-persuna l-oħra tħossha attakkata. Ħa navża minn qabel lill-persuna li nkun se nagħtiha feedback.

Id-disa’, nagħti l-feedback tiegħi f’ħinu. Il-kritika kostruttiva tħalli l-frott meta tingħata kemm jista’ ikun malajr wara li l-għemil ikun seħħ. B’hekk ix-xenarju jkun frisk għaż-żewġt imħuħ. L-għaxra, ma nagħtix feedback jekk qabel ma nkunx ħsibt fuqu sewwa. Ħa nistenna mqar ġurnata imma mhux aktar minn ġimgħa biex nagħtih. Il-ħdax, inżomm ton ta’ ħbiberija kemm f’leħni u anki fil-lingwaġġ fiżiku tiegħi.

Għinni Mulej ħa nikkritika b’mod kostruttiv. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading