It-tfajjel qassis

Dan l-aħħar il-Mulej tani l-grazzja li xi ħadd jibgħatli TikTok veru ħelu. Dan it-TikTok jismu “BabyPriest.”

Meta rajtu tassew li ssaħħart warajh. Rajt tifel ta’ mhux aktar minn tlett snin li kien qed jilgħab il-parti tal-qassis waqt il-quddiesa. Dak il-kamżu abjad, l-istola vjola u l-kant li kien ħiereġ minn fommu, tassew li kienu jixirqulu. Biex inkun għidt kollox, lanqas naf jekk ngħidlux patri inkella qassis. Tonka jew suttana qabel il-quddiesa ma kellux. U aħna, mill-ħajja ta’ kuljum, ilkoll nafu li l-qassis u l-patri jaf ikun liebes pajżan qabel jilbes il-każmu u l-istola biex iqaddes jew jikkonċelebra. Barra minhekk, kemm il-patri u kif ukoll il-qassis huma saċerdoti.

Dan it-tifel fakkarni f’uħud li jqaddsu bl-istola biss fuq il-kamżu. Għalhekk, meta rajtu, ma stajtx ma nitbissimx xi naqra jiena wkoll.

Ħadni fi tfuliti

Kull darba li l-Mulej jagħtini l-grazzja li nċempel u nżur lil għażiża ommi fil-home mhux l-ewwel darba li d-diskors jaqa’ fuq meta kont żgħir u kont nilgħab tal-patri li qed iqaddes. Jien kont dħalt abbati nista’ ngħid b’mod mirakoluż. Għalkemm dejjem kont imħeġġeġ biex inkun abbati, madankollu ma kien hemm ħadd li kellu l-gazz li jistedinni.

Imma dak li qatt ma kont noħlom li jsir f’ħajti seħħ. Tifel sena akbar minni, u li kien joqgħod faċċata tagħna, fettillu jiġi jħabbtilna l-bieb tad-dar.  

Niftakar li kien is-Sibt filgħodu. L-għażiża ommi marret tiftaħ il-bieb u ssibu quddiem il-bieb. “Mario jrid jidħol Patri?” staqsieha. Kien f’dak il-mument li omm it-tifel, li illum qiegħdha għand il-Mulej u kelli l-grazzja li nakkumpanjaha qabel marret għand Missierna tas-Sema fl-isptar u li anki iċċelebrajtilha l-funeral, qalet lil ommi minn naħa l-oħra tat-triq: “Marija, trid li t-tifel tiegħek jibda’ imur ma’ tiegħi bħala abbati?” U ommi, bil-lajma kollha, weġbitha: “Ħa nsaqsi naqra lit-tifel”.

Meta omm ġiet tgħidli fil-bitħa niftakarha tgħidli hekk: “Mario, trid tmur ma’ … l-abbatini?”Dan kien li ridt nisma’ għax aqta’ kif ħriġtlu bil-first! “Iwa Ma! Immur!” ħtaftha minnufih. U minn hemm, kull nhar ta’ Ġimgħa, fl-erba’ bum, dat-tifel kien jiġi għalija biex immorru flimkien l-abbatini. Niftakarni li Patri Pupul lanqas libsa sħiħa ma kellu għalija. Id-dublet tal-libsa sewda kien għalih, iż-żewġ biċċiet tal-idejn kienu għalihom u l-ispellizza bajda kienet għaliha. Insomma, l-importanti kien li, minn hawn u minn hemm, kien ikolli libsa sħiħa maqgħuda.

Kont domt għaxar snin abbati. Niftakarni meta tellgħuni prefett tal-abbatini. Ir-riżultat tal-elezzjoni kien erba’ bi tlieta. Kienu ivvutaw is-seba’ viċi prefetti. Jien biss kelli l-kurdun l-abjad li jilbsu l-patrijiet. Il-viċi prefetti kienu qishom kardinali żgħar. Min bil-faxxa l-ħamra bl-arma tal-Vatikan, sintendi għax kien mar Ruma jgħin lil Papa u min le. Is-sabiħa kienet li din l-esperjenza meraviljuża kienet saħħet esperjenza oħra li kont diġà bdejt ngħix id-dar t’ommi u missieri fil-kwiet.

Il-qassis tad-dar

Ta’ erba’ snin kienet nibtet fija din is-sejħa ħelwa li nqaddes il-quddiesa fil-kċina tad-dar t’ommi. Niftakarni nieħu lil ommi biċċa ħobż żgħira tal-Malti biex tkun hi l-ħobż tal-quddiesa. Magħha kont inħejji t-tazza tal-plastik oranġo. Din kellha tkun il-kalċi. Minflok inbid, għax ma kontx narah b’nemes u ma kienx permess li mmissu, aħseb u ara li nduqu, kont nimla t-tazza bl-ilma. Dan kien it-taparsi nbid.

U mbagħad niġu għall-ħwejjeġ tal-quddiesa. Kuntrarju għal dan it-tifel tat-TikTok, li għandu l-ħwejjeġ sagri tiegħu, jiena kont nara nieħux xi biċċa ħwejjeġ milli kellha ommi u nużaha bħala lbies tal-quddiesa. F’idejja kont nuża wkoll il-messalin. Dan kien naħa bil-Latin u l-oħra bil-Malti. Tgħidulix x’kien fih. Naf li lilu kont nuża għax kont sibtu komdu issemmix.

Imbagħad x’kont nagħmel bħala l-pulptu jew l-ambone? Anki dik ma kelliex tkun problema. Niftakarni nuża s-siġġijiet l-bojod tal-injam li ommi kellha fil-kċina. Kemm kont inħobb nitla’ fuqhom biex nagħmel il-magħrufa priedka. Ma niftakarx x’kont ngħid. Ġieli kont nirrepeti xi ħaġa li kont nisma’ mill-quddiesa li kont immur għaliha l-knisja, u aktar tard li ngħin. U ġieli kienet tiġini xi ħaġa f’moħħi f’dak il-ħin. U ejja ħa mmorru.

L-isbaħ kienet meta kont nagħmel il-festa tal-parroċċa tiegħi. Kemm kont naqlagħlha affarijiet lil ommi miskina! L-ewwel nett, kont nagħmel użu minn dawk it-tazzi tal-luminata tal-plastik li kien ikollha. Dawn kont nużahom bħala bradelli għall-istatwi li kont narma barra l-knisja. Kienu jitilgħu fuq dawn il-magħrufa bradelli l-istatwi ta’ Santa Anna bit-tifla Marija u San Ġwann Bosco. L-istatwa tat-tafal ta’ San Mikiel li kont noħroġha purċissjoni.

Lil dan il-qaddis ma ninsieh qatt. Kien hu l-ewwel statwa li kelli bħala tifel. Niftakar lil għażiża oħti Josephine, Alla jaħfrilha, tixtrihuli mill-Belt. Prezzu kien żewġ liri u nofs. Għal dak iż-żmien kienu flus. Għadni qisu issa qed nara ttella’ u tniżżel jekk tixtrihulix jew le. Ovvjament, il-qried tiegħi biex jieqaf kellu biss soluzzjoni waħda: li tixtrihuli.

Kemm għadda minn avventuri dan San Mikiel miskin. Kien tat-tafal u veru mirqum. X’ħin wassal id-dar sofra l-ewwel weġgħa ta’ ħajtu. Idu l-leminija, li fiha kellu l-ħatar biex isawwat lix-xitan bih, inqalgħet minn postha, jew aħjar ħabbatha naqra mal-art u ġiet f’idi. Il-kolla kellha tagħmel tajjeb għaliha. Wara, waqt il-purċissjoni, oħti Josephine baqgħet għaddejja mingħajr ma rat lil San Mikiel. Miskin l-arkanġlu sventurat! Spiċċa tlett madumiet ‘il bogħod minn fuq il-bradella, li ma kinitx għajr il-kaxxa l-oranġo li soltu ommi kienet tpoġġi fiha l-perżut, il-lanċinmit u l-ġobon. Fuq il-bradella kien baqa’ biss brejbes, ħieles u ħafif daqs farfett u mingħajr ħadd ma jgħassislu.

Quddiem din id-dehra, minbarra l-bikja li kont bkejt, mill-ewwel insistejt biex San Mikiel jissewwa minnufih. Erġa’ oħroġ l-istoċċ tal-kolla mill-kabort oranġo tal-kċina, li kien jinsab fil-bieba tal-lemin, in-naħa tal-friġġ. Wara li ssewwa għalaqt ħalqi u qgħadt kwiet. U l-festa issuktat qisu qatt ma ġara xejn.

Biss ħaġa waħda kien hemm nieqsa: il-qniepen u n-nar! Mhux problema. Mort fil-kċina, fejn kienet issajjar ommi, u mill-ewwel kexxun abjad ħadt żewġt iskieken. X’ħin ħareġ San Mikiel bdejt inħabbathom mal-art. Hekk, dawn iż-żewġt iskieken, bdew jagħmlu ħoss tassew ħelu qisu ta’ żewġt iqniepen żgħar u ħelwin.

U n-nar? Kif ħa nagħmluh? Lanqas din ma kellha tkun problema. Niftakarni li nħabbat bil-manku taż-żewġt iskieken mal-wiċċ aħmar tas-sajdbord l-abjad. It-taħbita kienet tixbaħ eżatt lil dik tal-murtaletti. Għalhekk, meta San Mikiel ħareġ għall-pjazza, aqta’ xi storbju kien hemm! Madankollu, il-parroċċa li kelli fid-dar t’ommi ma kinitx tikkuntenta ruħha bil-ftit. Għall-kuntrarju, riedet aktar u aktar. F’kelma waħda kienet qed togħkrob għall-murtali! U dawn kif kelli nagħmilhom? Kont inġerri u nħabbat bis-siġġijiet bojod tal-injam tal-kċina u hekk kelli murtali tal-bomba u tal-ftuħ ukoll.

Fi kliem ommi, kont nagħmel l-isbaħ ġranet nilgħab tal-qassis u l-patri li jqaddes u jiċċelebra l-festa tar-raħal. Din l-esperjenza tassew ħelwa u importanti f’ħajti kienet qed tiftaħli l-bieb biex nidħol għas-saċerdozju mqaddes u għall-ħajja ikkonsagrata.

X’urietni

L-esperjenza tiegħi ta’qassis jew patri nqaddes fakkrittni f’dak li jikteb San Pawl fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin 9:16-19, 22-23:

“Jekk jiena nxandar l-Evanġelju ma għandix biex niftaħar; jien obbligat nagħmlu dan. Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju. Jekk dan nagħmlu minn rajja, ikolli dritt għall-ħlas; imma jekk nagħmlu għax obbligat, dan ifisser li qiegħed nagħmel ix-xogħol li Alla fdali f’idejja. X’inhu mela l-ħlas tiegħi? Li meta nxandar l-Evanġelju, inxandru b’xejn, bla ma nfittex id-dritt li jagħtini l-Evanġelju stess. Għax għad li ma jiena marbut ma’ ħadd, jien għamilt lili nnifsi lsir ta’ kulħadd biex nirbaħ lil ħafna… Sirt dgħajjef mad-dgħajfin, biex nirbaħ id-dgħajfin. Sirt kollox ma’ kulħadd, biex insalva lil kulħadd. Nagħmel dan kollu minħabba l-Evanġelju biex ikolli sehem minnu”.

Bħalma qaluli għal dan it-tifel ngħid għalija wkoll: Xi ħlewwww! Hi din il-ħlewwa, il-ħlewwa ta’ Ġesù, li hi l-qawwa tal-ħajja reliġjuża u saċerdotali tiegħi. Uriehulhom lil uliedek u lin-neputijiet tiegħek it-TikTok “BabyPriest”.Min jaf, forsi tinbtilkom xi vokazzjoni fil-familja tagħkom. Għal Alla kollox jista’ ikun!

Mela, uriehulhom!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading