Malta sabiħa

Fl-aħħar jiem tas-sena 2023 u fl-ewwel jiem tas-sena 2024 kelli l-grazzja li xi nies minn barra jżuruni. Nixtieq ngħid li dawn il-jiem għalija kienu tabilħaqq ta’ grazzja mill-kbar nett. Fihom stajt nara l-ġmiel ta’ pajjiżna u anki l-grazzja kbira li jien Malti.

Il-Belt u l-Konkatidral ta’ San Ġwann

F’dawn il-jiem kellna l-grazzja nżuru l-Belt Valletta. Hu dejjem sabiħ li tidħol il-Belt. Meta wieħed jidħol fiha ma jistax ma jħoss xi ħaġa speċjali.

Bħala Malti u anki Nisrani, ma stajtx ma nħoss it-tgħannieqa tal-Kristjaneżmu, li hu r-ruħ tal-Belt għażiża tagħna. Ma ninsewx il-bust li hemm fejn il-bini tal-qorti, jiġifieri dak tal-Papa qaddis Dumnikan San Piju X. Kemm qiegħed sabiħ fuq dak il-bust! Dan il-Papa kbir u riformatur mill-aqwa Dumnikan, b’rasu kważi baxxuta b’sinjal ta’ umiltà. Ma kellux għalfejn joqgħod jiddandan u jiffanfra kemm ġid il-Mulej għamel bih lil Malta u lill-Maltin. L-istruttura tal-Belt għażiża tagħna u kif inhi maqsuma juru biżżejjed imħabbtu kbira lejha. Ix-xogħol tal-perit tiegħu Francesco Laparelli jitħaddet waħdu wkoll. Kemm hi mqassma sabiħa Beltna!

F’dan id-dawl irrid insemmi l-Konkatidral ta’ San Ġwann. Kemm ħadt gost nisma’ dak is-servizz mill-isbaħ fuq din il-ġawhra ta’ arti barokka mill-apparat li ngħatalna! Dawk il-clips kienu tassew sbieħ, informattivi u formattivi għall-aħħar. Ma’ dan nixtieq inżid ukoll il-ħlewwa tal-ħaddiema li jaħdmu f’din il-Knisja-Mużew. Hu tabilħaqq importanti li f’postijiet bħal dawn jinstabu persuni li jafu juru rispett u ħlewwa lil min qed iżur dawn il-postijiet. Filwaqt li nfaħħar lil min jaħdem hemm nixtieq nagħmel l-appell tiegħi biex aktar ħaddiema Maltin jaħdmu f’dan il-post. Aħna Maltin u ħadd minna ma jista’ japprezza u jħobb lil pajjiżna daqsna. Barra minhekk, hu ta’ inkoraġġiment liema bħalu meta ssib barranin li tant daħlu fil-kultura Maltija li jagħmlu dan ix-xogħol minn qalbhom, qisu kienu Maltin sa minn żgħorithom. Għalhekk, l-appell sempliċi tiegħi hu li nsiru nafu aktar l-istorja ta’ Malta, ibda minna l-Maltin, u mmiddu idejna ħalli f’dawn il-postijiet nibdew naħdmu aħna fihom, filwaqt li nagħtu wkoll spazzju għal min mhuwiex Malti imma jrid jagħmel reklam tajjeb għal pajjiżna li qed jospitah u jqallgħu l-ħobżna ta’ kuljum. Hemm eżempju mill-aktar ċar u sabiħ ta’ integrazzjoni li kellimna fuqha Papa Franġisku meta ġie fostna f’April tas-sena 2022?

Il-klima Maltija

Meta wieħed jitħaddet fuq il-klima Maltija abbli moħħu mill-ewwel imur fuq it-temp li jagħmel f’pajjiżna. Għalkemm dan hu importanti biss hemm xi ħaġa li tiżbqu bil-bosta.

Il-klima Maltija hi dik tal-“ospitalità”. Taqbel jew ma taqbilx, aħna poplu ospitabbli. Dan stajt narah quddiem għajnejna stess f’dawn il-jiem tal-mawra li qattajt ma’ dawn ħuti. Kemm kienu milqugħa minn ħuti l-Maltin u l-Għawdxin! Il-qalb Maltija u Għawdxija għadha tħabbat. Se nsemmi eżempju ċkejken ħafna. F’dawn il-jiem aħna ivvjaġġajna ħafna bil-karozza tal-linja. Sibnieha komda u qdietna mill-koxxa. Taqta’ għal rotta partikulari, il-karozzi kienu dejjem fil-ħin u wassluna fil-post fejn xtaqna mmorru. Hawnhekk irrid ngħid prosit għall-uffiċju li hemm fl-ajruport proprju għal dawk li jridu jużaw tal-linja. Apprezzajt bil-bosta l-għajnuna u l-ħlewwa li sibt mingħand waħda mill-impjegati. Alla jbierek, fi ftit ħin, dawn ħutna kellhom biljett ta’ ġimgħa u li bih setgħu jivvjaġġaw fejn iridu bil-karozzi tal-linja.

Apprezzajt bil-kbir li rajt xi ħuti Maltin iqumu lin-nies xjuħ li kienu bil-wieqfa. Qed ngħid dan apposta. Ejjew inwasslu dawn il-valuri sbieħ li nqumu lin-nies li ma jifilħux joqgħodu bil-wieqfa ħa joqgħodu bilqiegħda huma. Dawn huma ġesti li jagħmlu ħemel ġid. Tant hu hekk li dawn in-nies, li għalija huma familja, tant kemm intlaqtu minn dan l-eżempju sabiħ li qaluli: “F’pajjiżna ħadd ma jqumlek biex toqgħod bilqiegħda f’tal-linja. Jibqgħu inkullati mas-seat tal-karozza”.

Għandna x’nirraġnaw

B’dan kollu ma rridx nagħti l-impresssjoni li kollox għaddej fuq ir-rubini. Bħala poplu għandna fejn nirranġaw. L-aktar ħaġa li għokrittni hi d-dagħa. Għalfejn għandna nidgħu qisna qed nixorbu l-ilma jew it-tè? Ma ninsa qatt x’qalli raġel f’ħanut tat-tè fejn stqarrli li kien jidgħi dagħa faħxi u li jfarrak il-ġebel. Qalli: “Għamilt wegħda li nibdel ħajti u ma nidgħix aktar. Id-dagħa mhux sabiħ. Id-dagħa jbaxxik”.

Minbarra li d-dagħa jġib saħta saħtun għax hu l-ilsien li bih jitħaddtu x-xjaten tal-infern li minflok ifaħħru lill-Mulej li ħalaqhom aqta’ kemm jidgħulu, id-dagħa juri kemm m’aħniex iċċivilazzati u li għandna minn xiex nistħu. Le! Ma nidgħix! L-ewwel għax ma rridx ninsteħet għax ninfetaħ għal Satana u x-xjaten tiegħu li jagħmluli ħajti rmied u t-tieni l-għaliex bid-dagħa arja tqila nġib madwari.

Maqgħud ma’ dan irrid insemmi xi ħaġa oħra mportanti: ħallina milli nilbsu l-qrejjen. Il-qrun la tad-deheb, tal-fidda, tal-bronż u ta’ xiex ikun, m’għandna qatt nilbsuh. Il-qrun ma jneħħiex is-saħta. Iżidha jista’. Il-qrun hu tax-xitan. Kif jista’ ix-xitan ineħħi xitan? Tagħmel sens? Żgur li le! Mela, ejjew narmu dak il-qrun u immorru għand eżorċista ħalli jitlob fuqna biex ninħelsu mill-konsegwenzi negattivi ta’ dak il-qrun u minfloku nilbsu s-salib u d-domna mirakoluża tal-Madonna. Inkella l-labtu tal-Madonna tal-Karmnu. Kemm ħadt gost nara nies li meta ħadu d-domna mirakoluża dlonk libsuha fil-ġiżirana. Dik id-domna mhux “lucky charm” jew xi ħaġa li ġġib il-fortuna imma tiftaħna għall-mirakli kbar tal-Mulej bit-talb qawwi ta’ Ommna Marija kif hi stess wegħdet lil Santa Catherine Labouré.

Is-sehem importanti tal-Knisja fil-ħajja Maltija

F’dawn iż-żjajjar li l-Mulej tani grazzja li nwettaq ma’ dawn ħuti aktar issuktajt napprezza l-kontribut imprezzabbli tal-Knisja f’Malta. Jekk żorna l-Belt Valletta l-Konkatidral ta’ San Ġwann min bnieh? Mhux il-Knisja. U jekk żorna l-Katakombi fir-Rabat, il-Mużew ta’ Wignacourt, il-Knisja ta’ San Pawl, il-Madonna tal-Għar bil-Knisja, il-kunvent u l-Mużew tal-Patrijiet Dumnikani, frott min huma dawn? Mhux tal-Knisja. U jekk żorna s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu f’Għawdex dan frott min hu? Mhux tal-Knisja. U jekk morna l-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu dan frott min hu? Mhux tal-Knisja.

Jekk nibqgħu sejrin hekk żgur li se nispiċċaw għaddejjin b’litanija sħiħa bl-invokazzjoni “mhux tal-knisja”. U jekk il-Knisja tat dan kollu lill-poplu tagħna l-għaliex għandna nitħaddtu kif ġie ġie kontrieha? Il-Knisja mhux int u jien, l-imgħaddmin fi Kristu Ġesù? Il-Knisja mhux Ommna? Int titħaddet kontra ommok? Żgur li le. U tagħmel sewwa! Allura l-għaliex inparlaw fil-vojt kontra l-Knisja? Li, wara kollox, hi int u jien?

Jien inħobb insemmi lil Beatu Papa Ġwanni Pawlu I, Albino Luciani, li kien ġej minn familja soċjalista. Isimgħu x’qal fuq il-Knisja fil-katekeżi li ta dwar li “ngħixu l-fidi” tal-Erbgħa 13 ta’ Settembru 1978: “Hija omm ukoll il-Knisja. Jekk inhija kontinwatriċi ta’ Kristu u Kristu huwa twajjeb: il-Knisja wkoll hija twajba; twajba ma kulħadd; imma jekk kumbinazzjoni, kultant ikun hemm fil-Knisja xi ħżiena? Aħna għandna, l-omm. Jekk l-omm tkun marida, jekk ommi kumbinazzjoni ssir zoppa, jien nixteqilha iktar ġid minn qabel. L-istess, fil-Knisja: jekk ikun hemm, u hemm, xi difetti u xi nuqqasijiet, qatt m’għandha tonqosna l-ġibda lejn il-Knisja”. X’Papa ta’ veru hux!

Ġesti żgħar

Dan kollu jwassalni għal dak li jiktbilna l-Papa kbir ta’ żmienna Papa Franġisku, fl-ittra appostolika tiegħu dwar is-sejħa għall-qdusija fid-dinja tal-lum, Gaudete et Exsultate: “Ifirħu u thennew”, meta jgħid: “Din il-qdusija li għaliha l-Mulej qed isejjaħlek tkompli tikber b’ġesti żgħar” (Gaudete et Exsultate, nru.16). Ejjew inħobbu lil xulxin u lil kulħadd, hu min hu, b’ġesti mimlija bi mħabba kbira u mill-qalb!

Din hi l-vera Malta! Poplu li jaf iħobb hekk bir-raġun li għalih, dawk li jżuru artu, jgħidu, bħalma qaluli dawn ħuti l-għeżież fil-mawra tagħhom fostna: “Malta sabiħa”.

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading