Nhar l-Erbgħa 4 t’Ottubru 2023 hu jum li mhu ħa ninsieh qatt fl-istorja ta’ ħajti. Kien il-jum fejn il-Mulej tani l-grazzja li mmur inqaddes fl-eks Parroċċa ta’ Marija Reġina, il-Marsa. Kif ilkoll tafu l-għaliex kienet fuq il-midja, din il-parroċċa, li aħna l-Kapuċċċini ħdimna minn qalbna fiha u tajna ħajjitna għaliha għall-ħamsin sena sħaħ issa għaddiet f’idejn l-Arċidjoċeżi ta’ Malta.
Apprezzajt ferm il-fatt li l-Provinċjal tiegħi avviċinani biex nibda’ nqaddes hemm kull nhar ta’ Erbgħa fit-8.00 am. Kif tħadditt miegħu u, fuq kollox, kif ilu fuq li ilu jurini l-Ispirtu s-Santu fil-fond ta’ qalbi, din l-inizjattiva hi sabiħa, qaddisa u Franġiskana sa minn ġuf ommha. Ma ninsewx li San Franġisk, fit-Testment tiegħu, wera mħabba kbira lejn il-qassisin djoċeżani. Kliemu jkellimni bil-bosta u aqta’ kemm iħeġġiġni biex aktar nikkollabora ma’ ħutna l-qassisin u l-Arċidjoċeżi! Wara kollox, aħna Knisja waħda!
Isimgħu x’jgħid Franġisku fuq il-qassisin: “U l-Mulej tani u għadu jagħtini fidi hekk kbira fis-saċerdoti, li jgħixu skont il-forma tal-Knisja mqaddsa Rumana, minħabba l-ordni sagri tagħhom, irrid nitlob l-għajnuna tagħhom, ukoll jekk niġi ppersegwitat minnhom. U kieku kelli tant għerf daqs kemm kellu Salamun, u kelli niltaqa’ mas-saċerdoti fqajrin ta’ din id-dinja fil-parroċċa fejn jgħixu, jiena ma rridx nippriedka kontra r-rieda tagħhom. U lil dawn stess u lill-oħrajn kollha rrid inħobb, inweġġaħ u lejhom nuri biża’, bħallikieku huma s-sidien tiegħi. U ma rridx inqis id-dnub fihom, għaliex fihom nilmaħ lill-Iben ta’ Alla, u huma s-sidien tiegħi. U nġib ruħi hekk magħhom, għaliex f’din id-dinja jiena ma nilmaħx bl-għajnejn tal-ġisem tiegħi mill-istess Iben ta’ Alla l-Aktar Għoli, ħlief il-ġisem u d-demm l-aktar qaddis tiegħu, li huma jieħdu u huma biss iqassmu lill-oħrajn”.
Huwa dal-kliem qaddis, mgħoddi lili minn Missierna San Franġisk stess fit-Testment tiegħu, li jmexxini biex nikkollabora u naħdem mas-saċerdoti djoċeżani kemm fil-Parroċċa ta’ Marija Reġina, f’kull parroċċa u, fuq kollox, fl-isptarijiet tagħna. Din hi x-xhieda li l-Mulej qed jitlob minni u minna, bħala Franġiskani Kapuċċini f’Malta u fil-Knisja Sinodali kif qed jipproponilna tant tajjeb il-Konċilju Vatikan it-Tieni u Papa Franġisku.
Mill-kunvent sal-Knisja
Wara li l-Mulej, bl-Ispirtu tiegħu kif ħadem u għadu jaħdem f’San Franġisk, għamel dan il-punt ċarissmu f’moħħi u f’qalbi, jiena salpajt, ferħan ferħan, mill-kunvent tat-Trinità Qaddisa għall-Parroċċa ta’ Marija Reġina.
Fit-triq il-Mulej, ta’ Missier li hu, aqta’ kemm agħmilli ġid! L-ewwel nett, permezz ta’ Patri Kapuċċin bħali, urieni t-triq li kelli ngħaddi minnha u anki tani l-ħin li fih kelli nasal. Fil-fatt, dal-Patri ħija u ħabibi, qalli: “Jekk tgħaddi minn hemm f’għaxar minuti għandek tasal”. Fraħt li sibt lil dan ħija li serraħli moħħi għodu għodu.
Imbagħad bdejt il-mixja. Imma mhux qabel tani l-grazzja li nbierek xi nies fit-triq. Kien hemm min qalli: “Il-Mulej bagħtek dal-għodu. Donnu kont taf li qiegħed u qiegħdha fil-bżonn”. U min ħuti mhux fil-bżonn? U mhux għalhekk li San Ġorġ Preca, qassis djoċeżan Malti, kien tant iħobb jitlob lill-Mulej: “Sinjur Alla, jien għandi bżonnok”? Veru verissmu. Ilkoll ninsabu fil-faxxa tal-bżonn mal-Mulej! Għax ilkoll dgħajfa u midinbin, jien l-ewwel wieħed. Ilkoll qisna trabi li mingħajr il-Mulej aqta’ x’waqgħa naqgħu!
Tal-kafè
Kif dort mit-triq tal-kunvent biex nitla’ għat-telgħa li toħodni għall-Parroċċa ta’ Marija Reġina niltaqa’ ma’ xi nies li kienu qed jieħdu l-kafè. “Ara l-Patri! Trid nagħmlulek kafè?” Bħalma ħafna jafu, is-soltu l-Erbgħa nkun sajjem. Anki mill-kafè. Għax is-sawma tiegħi tikkonsisti f’ħobż u ilma, kif tgħidilna Ommna Marija f’Medjugorje.
Madankollu, dak il-jum tal-Erbgħa 4 t’Ottubru 2023, kien jum ta’ solennità għalina l-Franġiskani kollha. Dan l-għaliex hu jum San Franġisk t’Assisi, Missierna. “Nieħu naqra kafè bil-qalb kollha”, weġibtha. U, f’radda ta’ salib, il-kafè kien lest u tagħthuli kif xtaqtu jien: f’tazza tal-kartun.
Jiena u nixrob il-kafè malajr inġabru grupp żgħir ta’ nies madwari. “Patri, agħmilli talba” jew “Patri, itlob naqra għal …” Kemm hawn bżonnijiet hux! U kemm hawn bżonn tal-imbierka viċinanza li tbegħdna minn kull padronanza. Illum ngħid li aktar ma nħallu lill-Mulej jagħtina l-grazzja li ningħataw aktar ma jkollniex saħħa li nagħmlu xi ħaġa jew lil xi ħadd tagħna. Għax insiru “ħobż maqsum”, jiġifieri l-motto episkopali tal-Kardinal Mario Grech,“in fractione panis”.
Wara li berikt u tlabt man-nies irħejtilha lejn il-Knisja. Kien hemm xi persuni li waqqfuni jien u għaddej. Inkluż nies ta’ xi ħwienet tal-ikel u tas-sbuħija wkoll. U tifhimha! Kulħadd għandu bżonn it-tama tal-Mulej li QATT ma tqarraq bina.
Fil-Knisja ta’ Marija Regina
Kif dħalt il-Knisja ta’ Marija Reġina moħħi aqta’ kemm ġera lura bir-riverż fiż-żmien! Quddiem għajnejja ġiet ix-xena li ma ninsieha qatt tal-professjoni solenni tiegħi li għamilt f’din il-Knisja nhar il-Ħadd 10 ta’ Settembru 2000. Niftakar li konna tlieta. Żewġ aħwa li baqgħu frajiet u jien li ssuktajt, bi grazzja kbira tal-Mulej, għas-saċerdozju mqaddes.
Wieħed minnhom kien minn Ħal Luqa filwaqt li l-ieħor kien mill-istess parroċċa fejn saret iċ-ċelebrazzjoni. Għadni niftakar fil-kelmiet li kien qalilna l-Patri Provinċjal ta’ dak iż-żmien, il-mibki Patri Krispin Tabone OFM Cap: “Illum qed niċċelebraw funeral. Dawn it-tlett ħutna mietu għad-dinja”. Meta rajt il-film ta’ Patri Piju fehemt bil-bosta l-għerf kbir li kien fihom dawk il-kelmiet hekk sbieħ u li ma jmutu qatt ta’ dak il-Provinċjali għaqli. Iwa, bil-professjoni mqaddsa tat-tliet kunsilli evanġeliċi għall-ħajjitna kollha, aħna, bil-grazzja tal-Mulej, konna mejta għad-dnub imma ħajja fi Kristu.
Maż-żmien dan issuktajt nifhmu u nikkonfermah meta qrajt dak li jgħid San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani: “Hekk ukoll intom għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù. Tħallux, mela, li d-dnub isaltan fuq dan il-ġisem tagħkom li jmut u toqogħdu għall-ġibdiet tiegħu; anqas ma għandkom tħallu l-membri ta’ ġisimkom isiru għodda biex tagħmlu l-ħażen għas-servizz tad-dnub; imma offru ruħkom lil Alla bħala nies li reġgħu mill-mewt għall-ħajja ħalli l-membri ta’ ġisimkom isiru għodda biex tagħmlu t-tajjeb għas-servizz ta’ Alla għall-ġustizzja tagħkom. Għax lilkom id-dnub ma għandux jaħkimkom, ladarba m’intomx tgħixu taħt il-Liġi, imma taħt il-grazzja (Rum 6:11-14).
Il-grazzja tal-quddiesa
B’dawn il-ħsibijiet ferm sbieħ u ta’ faraġ dħalt fil-paċi tal-Kristu fil-Knisja ta’ Marija Reġina. L-arja ta’ ġo fiha aktar saħħittni f’dawn il-konvinzjonijiet u ssuktat tagħtini sens kbir ta’ apprezzament għax-xogħol fejjiedi u tad-deheb li ħuti l-Patrijiet Kapuċċini wettqu f’din il-parroċċa. Ma’ kull ħajt, niċċa, artal, maduma u ma nafx jien, l-uċuħ tagħhom kemm dehru ħajjin, qawwija u leqqiena! Kif nista’ ma nitlobx għalikom u ma nfaħħarkhomx ma’ kulħadd għeżież ħuti?
Wara li riġlejja ħaduni fis-sagristija bdejt inħejji ruħi għall-quddiesa. Mad-daqqa tat-tmienja bum, ħriġt fuq l-altar, kantajt man-nies u tlabt it-talba qabel nibda’ inqaddes. Mill-ewwel l-Ispirtu s-Santu nissel fija l-grazzja tal-ispirtu wisq sabiħ u fejqan tal-fraternità saċerdotali. Minn fommi ħareġ kliem ta’ apprezzament, kollaborazzjoni u sapport kbir kbir kemm għall-kappillan attwali tal-parroċċa, li tant tlabna għalih b’imħabba kbira u anki għall-parroċċa kollha biex ix-xogħol fejjiedi li wettqu l-Kapuċċini jissokta jikber u jissaħħaħ.
Matul il-quddiesa dan l-ispirtu fejqani ta’ fraternità issokta aktar jirfina ruħu bit-talba sabiħa ewkaristika numru erba’, li titħaddet fuq ir-rikonċiljazzjoni. Kemm hi sabiħa u fejqana r-rikonċiljazzjoni u l-għaqda! Aktar ‘il quddiem, il-Mulej issokta jurina li l-għaqda u r-rikonċiljazzjoni għandhom ikunu l-elementi tal-quddiesa ta’ kull nhar ta’ Erbgħa tat-tmienja fil-Parroċċa ta’ Marija Reġina. Tant hu hekk li wara t-tqarbin l-Ispirtu s-Santu tana l-grazzja li nitlobu fih u bih it-talba attribwita lil San Franġisk t’Assisi: “Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek”.
Agħmilha t-talba tiegħek
Hawn hi t-talba li bdejna nitolbu wara t-tqarbin:
“Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek. Fejn hemm il-mibgħeda, ħallini nħeġġeġ l-imħabba. Fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra. Fejn hemm id-dubju, ħallini ndaħħal il-fidi. Fejn hemm il-qtiegħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama. Fejn hemm id-dlam, ħallini nkebbes id-dawl. Fejn hemm in-niket, ħallini nxerred il-ferħ.
La tħallinix li iżjed infittex li nkun imfarraġ milli nfarraġ jien; li iżjed jifhimni ħaddieħor mill-nifhem lil ħaddieħor, jien; li iżjed inkun maħbub, milli nħobb jien. Għax meta nagħtu, aħna naqilgħu; meta naħfru, aħna nkunu maħfura; meta mmutu, nqumu għall-Ħajja ta’ dejjem. Amen”.
Ħija, oħti, l-għaliex ma tagħmilx din it-talba tiegħek? L-għaliex ma titlobhiex kuljum int ukoll?
Patri Mario Attard OFM Cap