Adorazzjoni – 8 Ħadd matul is-Sena Ċ

Ġejt inżurek Ġesù tiegħi,
għaliex jiena nemmen fik,
biex kif Int tajt kollox lili,
hekk minn qalbi rrid nagħtik.

Missierna, Sliema, Glorja

Fik biss tgħix it-tama tiegħi,
Int il-bidu u Int it-tmiem,
Int biss tagħti dak li twiegħed,
fik il-fatti jtemmu l-kliem.

Missierna, Sliema, Glorja

Għaliex Int l-istess imħabba,
tħobb lit-twajba u lill-ħatjin,
u tkenninhom fil-qalb tiegħek,
fejn isiru qaddisin.

Missierna, Sliema, Glorja

Għax meta naraw imħabbtek
lejna lkoll, mimlijin ħtija,
nagħrfu l-kobor tad-dejn tagħna
lejk Ġesù fl-Ewkaristija.

Missierna, Sliema, Glorja

Ruħi tqaddes jien nitolbok,
b’dawl is-sagramenti tiegħek,
għax bil-qawwa tal-qdusija,
iżommuni dejjem miegħek.

Missierna, Sliema, Glorja  

Silenzju/ soft background music      3 min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Luqa                                                 Lq 6:39-45

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu. Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tista’ tgħidlu lil ħuk: ‘Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek’, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk.

Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm”.

Il-Kelma tal-Mulej    
Inroddu ħajr lil Alla

Silenzju    1min

Il-kelma li ngħidu, tikxef x’hemm fil-qalb tagħna. Fil-fatt aħna nafu mill-esperjenza tal-ħajja ta’ kuljum, li bniedem tifhem x’għandu f’qalbu, meta tistudja xi ftit il-kliem tiegħu. Meta persuna, hija u tkellmek, tfarġek, tinkoraġik, tagħmillek il-qalb fid-diffikultajiet tal-ħajja ta’ kuljum. Hemmhekk tifhem, li din il-persuna li qed titkellem magħha, għandha qalbha tajba, u tixtieqlek il-ġid.

Minn naħa l-oħra, jekk tuża’ xi kelma li tkissrek, saħansittra tista’ tkun kalunja, u allura żżarmak, li tħamġek, li timliek biżgħat, u li taqtalek qalbek. Dik il-kelma, turik minn naħa l-oħra, x’hemm fil-qalb ta’ dak il-bniedem.  (3 sek pawsa)

Ġesù stess jgħid: “Minn fomm il-bniedem joħroġ dak li jfur mill-qalb”. Kemm hi qawwija din il-Kelma ta’ Ġesù.  Ejjew nieqfu ftit u nagħmlu eżami ta’ kuxjenza, u naraw kif qed nitkellmu. X’inhu ħiereġ mill-qalb tiegħi? X’għandi f’qalbi?           (5 sek pawsa)

Kelma tajba taf tibdel deżert f’għadira ilma.  

Silenzju            3 min

Bħala nisrani, kif qiegħed ngħix? Qiegħed insir xebħ tal-Imgħallem tiegħi Kristu Ġesù?                                                                                                              (5 sek pawsa)

Meta npoġġi ħarsti fuqek, o Ġesù, l-ewwel ħaġa li tagħmel, huwa li tagħtini ħelsien mill-għama spiritwali. Allura nagħraf, kemm hemm bżonn li nagħmel esperjenza ħajja tiegħek, o Mulej.

Din mhix kwistjoni li sempliċiment nitgħallem d-diversi veritajiet dwar Alla b’mod intellettwali; imma li nagħmel esperjenza vera tal-ħniena u l-imħabba tiegħek f’ħajti. U jekk jien inneħħi ħarsti minnek, o Salvatur ta’ ruħi, xi jsir minni? Mhux li nerġa’ ngħama!  (3 sek pawsa)

Mulej, li nagħmel esperjenza tiegħek, u nieqaf hemm, mhux biżżejjed. Imma din l-esperjenza tridni naqsamha mal-oħrajn. Inti trid, li ħajti ssir għotja sħiħa għall-oħrajn. Li nħalli lilek tasal għand l-oħrajn, permezz tiegħi. (2 sek pawsa)

Mulej, ħallini niffissa ħarsti fuqek, ħalli timlieni bil-għerf, u nħallik tikber ġewwa fija; biex permezz tiegħi twassal għal ħajja li tagħmel frott tajjeb.    

Silenzju/ soft background music                 3 min  

Kant: ________________

Talbiet tal-Komunitá

Ħuti għeżież, nitolbu lil Alla, li tana lil Kristu bħala Mgħallem u mudel tal-ħajja tagħna. Ejjew issa nressqu t-talb tagħna.

Nitolbu għall-Papa Franġisku, biex f’dan il-mument diffiċli, l-Mulej jagħtih il-faraġ u l-għajnuna, kif ukoll li jkompli jgħaqqad ir-rieda tiegħu ma’ dik tal-Mulej. Nitolbu.

Nitolbu għalina lkoll, biex l-imġiba tagħna tkun taqbel mal-Kelma tal-Evanġelju, li aħna nxandru bil-fomm. Nitolbu.

Nitolbuk Mulej, li tagħti l-paċi tiegħek lid-dinja kollha, b’mod speċjali l-Ukrajna, s-Sudan u l-Kongo; u tkompli ssaħħaħ il-paċi fl-Art Imqaddsa. Nitolbu.

Nitolbuk Mulej, għal dawk li qed isofru minn vjolenza fiżika jew morali, biex tintraddilhom id-dinjità tagħhom ta’ bnedmin. Nitolbu.

Nitolbuk Mulej, għal dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tal-ġustizzja, biex jaħdmu bl-onestà, bla ma jħarsu lejn l-uċuħ. Nitolbu.

Nitolbuk Mulej, għalina lkoll, biex nikbru fis-sinċerità tal-qalb, li biha nagħtu xhieda ta’ Kristu, rebbieħ fuq il-mewt u d-dnub. Nitolbu.

Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading