GĦAL TLIET DARBIET, ĠESU’ KIEN ITTENTAT MIX-XITAN!
Minn Fr Michael A. Galea
Bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd, 25 u 27 ta’ Mejju 1990, kellna x-xorti li nilqgħu fostna lill-Papa Ġwanni Pawlu II, illum qaddis. Matul dawn it-tlitt ijiem li dam fostna, il-Knisja f’Malta u Għawdex ħasbet li tlaqqgħu ma’ diversi kategoriji ta’ nies, fosthom maż-żgħażagħ. Niftakar kien is-sibt fil-għodu, is-sema kien ċar daqs il-kristall u mijiet, anzi nista’ ngħid eluf ta’ żgħażagħ minn Malta u minn Għawdex, bdew jinġabru minn fil-għodu kmieni fl-istadium ta’ Qali biex jiltaqgħu ma’ dan il-bniedem kbir. Hekk kif il-Papa deher dieħel fl-istadium ta’ Qali f’għajta waħda, iż-żgħażagħ bdew jgħidu “Viva l-Papa”, ixejru friegħi tal-palm u bnadar bojod u sofor, il-kuluri tal-Vatikan. L-atmosfera kienet waħda tal-ġenn u li temozzjonak!
Mela dawk li kienu nkarigati biex jorganizzaw din il-laqgħa mal-Papa, għażlu xi żgħażagħ biex jagħmlulu xi domandi ħalli mbagħad hu jirrispondihom fid-diskors tiegħu. Ħa nsemmi waħda biss. Wieħed minnhom staqsieh u qallu: “Santita’, nixtieq inkun ġuvni tajjeb, imma kultant it-tentazzjoni tax-xitan tkun qalila ħafna u ta’ sikwit naqa’ fid-dnub. Nixtieqek tgħidli x’għandi u x’nista’ nagħmel.”
Is-suġġett tal-lum, l-ewwel Ħadd tar-randan huwa dan: “Għal tliet darbiet, Ġesu’ kien ittentat mix-xitan!” Qabel xejn ħa ngħid xi ħaġa dwar il-kuntest li fih seħħet din il-ġrajja ta’ Ġesu’ ittentat mix-xitan. Ġesu’ kien għadu kif tgħammed mill-kuġin tiegħu Ġwanni l-Battista fix-xmara Ġordan u mimli bl-Ispirtu s-Santu li niżel fuqu taħt forma ta’ ħamiema (ara Luqa 3,22) ftit wara, imqanqal mill-istess Spirtu s-Santu, ħass il-bżonn li jmur għalih waħdu fid-deżert biex qabel jibda l-ħajja pubblika tiegħu, bħala bniedem, jara sewwa x’ried minnu l-Missier li bagħtu fid-dinja.
X’inhu d-deżert? Jekk ikollna nitkellmu mix-xjenza tal-ġeografija, id-deżert huwa art x’aktarx ramlija li minħabba nuqqas ta’ ilma mhi kapaċi tnibbet xejn. Fid-deżert isaltan ħafna silenzju. Il-klima fid-deżert hija daqsxejn stramba: matul il-ġurnata xemx tikwi u bil-lejl taqa’ ftit tal-kesħa. Int u miexi fid-deżert hemm il-periklu li tista’ titlef it-triq. Pero’ jistaqsi Don Angelo Comastri, illum kardinal: “Xi jfisser id-deżert mil-lenti tal-ħajja spiritwali? Id-deżert ifisser liberta’ għax tista’ tgħix fih u tgħaddi l-ġurnata tiegħek mingħajr ħafna ċeremelli. Id-deżert huwa l-esperjenza tal-bniedem fqir: dan għax jiddeċiedi li jħares lejh innifsu mhux bħas-soltu, mhux kif jarawh l-oħrajn imma kif jarah Alla. Għandek bżonn kuraġġ biex tagħżel li spiritwalment tidħol fid-deżert. Il-bniedem tal-lum jibża’ ħafna minn dan id-deżert spiritwali propju għax jibża’ mis-silenzju. Il-bniedem tal-lum iħobb jagħżel l-istorbju u dan hu sintomu ta’ biża’, ta’ problemi mhumiex solvuti u ta’ ħarba minn dak kollu li jgħidlek: irrifletti ħafna qabel taġixxi jew tkun se tagħmel xi ħaġa.” Safrattant, Ġesu’ jagħżel li jmur fid-deżert fejn għal erbgħin jum ma kiel xejn.
Issa wasal il-mument li ngħidilkom x’qal Papa Ġwanni Pawlu II lil dak iż-żagħżugħ. Qallu hekk: “Ix-xitan huwa missier il-gideb u kull kelma li jgħid hija gidba. Meta jittentak, ix-xitan ikun qed jigdiblek…Alla ħares taqa’ fin-nasba tiegħu għax flok ferħan jew ferħana timtela b’ħafna rimors u sens ta’ ħtija. Fil-ktieb tiegħu “It-Triq għaż-Żgħażagħ”, il-ġeżwita Paul Chetcuti kien kiteb hekk dwar it-tentazzjoni: “Kull tentazzjoni hija wegħda li ma tistax isseħħ, sqaq li ma jwassal għal imkien, mediċina li tmarrad, ilma li jqabbdek il-għatx…Ix-xitan qal lil Eva: jekk tieklu minn din is-siġra ssiru allat u ma tmutux…Kielu mis-siġra u minn dak inhar, fid-dinja daħlet il-mewt! Din kienet l-ewwel gidba li biha x-xitan qabad lill-bniedem fin-nassa tiegħu.”
Niġu issa għat-tliet tentazzjonijiet li x-xitan għamel lil Ġesu’. Jekk ikollna nagħrblu ftit dawn it-tentazzjonijiet li għadu kemm semmielna San Luqa, ikollna ngħidu: “Kemm hu fin u makakk ix-xitan. Ix-xitan kien konvint li Ġesu’ huwa l-Messija imma iddeċieda li jġarrbu tliet darbiet, propju fejn ħaseb li kien l-aktar dgħajjef. Xi ħadd qal: “Ix-xitan għandu esperjenza kbira meta jiġi biex jittanta l-bniedem u ħafna drabi jirnexxilu jwaqqgħu fid-dnub għax is-suġġerimenti tiegħu joffrihomlu bħala attraenti, neċessarji u ma jagħmlu ħsara la lilu u lanqas lill-oħrajn.
Naħseb li l-aħħar vers tal-vanġelu li qrajna llum m’għandniex inħalluh jaħarbilna. Huwa u jikteb, San Luqa qalilna: “Imbagħad, meta temm dan it-tiġrib kollu, ix-xitan telaq minn ħdejh sa ma jasal il-waqt.” Meta kien dan il-waqt li minnu jitkellem l-evanġelista? Il-waqt kien meta agonija msammar ma’ salib, Ġesu’ beda jisma’ lill-kbarat jgħidulu “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-maħtur ta’ Alla!” (Luqa 23,35)
Nikkonkludi. X’għandek tagħmel biex tirbaħ it-tentazzjoni? Targumentax magħha. Agħmel il-kuntrarju ta’ dak li int ittentat jew ittenta tagħmel. Tħallix għal darba oħra. Issa hu l-mument li tirbaħ, mhux imbagħad. Itlob lil Alla jagħtik l-għajnuna li għandek bżonn.