Quddiem il-misteru. Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tieni Ħadd tar-Randan.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u lil Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex.

U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm. Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu. Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Ma kienx jaf x’inhu jgħid.

Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. U minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!”. Malli nstama’ l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw. (Lq 9:28b-36)

  1. Riflessjoni/talba:

i. F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u lil Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex. U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm.

Diffiċli għalina naraw il-glorja t’Alla –
is-sbuħija t’Alla, l-impatt fuq ħajjitna,
il-verità li tittrasforma il-konkret, il-ġisem,
ħajjitna.

Ġesù jitla’ biex jitlob.
Huwa waqt it-talb li dan l-impatt nilmħuh,
u l-wiċċ tagħna wkoll jibda jiddi
u ħajjitna, il-passaġġi li ngħaddu minnhom, jieħdu s-sens tagħhom.

Irrifletti:
• Fejn ilmaħt il-glorja t’Alla?

ii. Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu. Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Ma kienx jaf x’inhu jgħid.

Fil-ħin li ser jitilqu Mosè u Elija
sabiex Ġesù jkompli l-mixja tiegħu lejn Ġerusalemm
u jħalli l-glorja u s-sbuħija t’Alla jidhru fil-passaġġ
mit-tbatija għall-imħabba
mill-mewt għall-ħajja,

Pietru jippreferi jieqaf.
Ma kienx jaf x’inhu jgħid!
Imma t-talb ta’ Ġesù mhux ħarba.

Irrifletti
• Fejn kellek esperjenza ta’ talb li dawlet l-azzjonijiet tiegħek?

iii. Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. U minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!”. Malli nstama’ l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw.

Il-proposta tagħna tkun ta’ tliet tined:
kollox ċar quddiem għajnejna
ideat u xewqat ta’ kif għandha tkun il-ħajja.

Imma l-aċċess għas-sbuħija t’Alla
għal dak li qalbna verament tixtieq
jgħaddi mid-dlam tas-sħaba

fejn il-pjanijiet tagħna jiċċajpru
fejn ma’ Ġesù nsibuna waħedna
fejn imexxina biss il-leħen:

“Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!”
Imbagħad anke fid-dlam u l-iżolament ta’ fuq is-salib
issib il-passaġġ għall-qalb tal-Missier.

Irrifletti

• Fejn attirat biex tidħol aktar fil-fond tal-misteru t’Alla.

  1. Missierna

One thought on “Quddiem il-misteru. Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tieni Ħadd tar-Randan.”

  1. Suggest li Lili jaspirani li ghandi nzomm ruhi ‘ boghod minn okkazjonijet li naqqsuli l paci f’ qalbi U f’ ruhi.
    Insib hin aktar ghat- Talb U l- kwiet halli ma jkolli xejn Milli jtellifli l paci U s-;serhan ta’ mohhi U ta’ ruhi.
    Grazzi hafna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading