Il-mogħdijiet li għadda minnhom fil-ġurnaliżmu miktub u mxandar ġurnalist veteran ippubblikati fi ktieb
Michael Caruana
“U issa t-tmiem hu qrib u allura se niffaċċja l-aħħar separju. Ħabib tiegħi, se nkun ċar, se nirrakkonta l-każ tiegħi li minnu jien ċert…”. Kliem mill-kunzunetta My Way ta’ Frank Sinatra li bih John Inguanez, kollega u ħabib antik, jibda l-kelmtejn ta’ qabel tal-ktieb tiegħu Mogħdijiet: ħajti fir-raħal li darba kien, fl-ġurnaliżmu u Malta li baqgħet tinbidel…, li għadhu kemm ġie ppubblikat. Kliem li jagħti ħjiel ta’ dak li hu kiteb, ftakar, dwar uħud mill-ġrajjiet sbieħ u koroh li għadda minnhom. Huma mogħdijiet li terraq f’Ħal Għaxaq, raħal twelidu u fl-40 sena li qatta’ fil-ġurnaliżmu miktub u mxandar u f’Malta tal-lum.

Mogħdijiet, isostni Inguanez, ftit imħarta u wkoll iebsin. Oħrajn li fil-ġnub tagħhom kien hemm il-fjuri li, għalkemm selvaġġi, isebbħu wkoll. Fil-ktieb tiegħu l-awtur isemmi episodji li għex u ftakar u persuni li ħadem magħhom u jiddikjara li ma kienx l-interess tiegħu li jittratta l-persuna, iżda l-ambjent li fih ħadmu. L-episodji li ftakar fir-raħal fejn twieled u għex kienu fi żmien mill-isbaħ li ma jinsiehx u li jixtieq li jerġa’ jgħixu bid-diffikulajiet kollha li għadda minnhom.
Ma jonqosx li f’diversi partijiet tar-rakkonti u l-esperjenzi tiegħu, Inguanez isemmi lill-martu Maria u jikteb li f’bosta drabi kieku ma kenitx hi ma kienx jagħmel il-passi li għamel. Taf it-tbatija ta’ ġurnalist. Isemmi wkoll lit-tlett uliedhom li għenuh bil-pariri tagħhom fil-kitba ta’ dan il-ktieb.
Fl-ewwel taqsima tal-ktieb Mogħdijiet, John Inguanez jirrakonta fost oħrajn tfulitu – wieħed minn disat itfal – f’Ħal Għaxaq. Fit-tieni taqsima jikteb fost oħrajn dwar il-każini, l-festi, il-piki, il-frattellanzi u l-purċissjonijiet fir-raħal u jħares lejn id-drawwiet b’nostalġija, “O żmien ħelu kif ħrabtilna”.
Fost id-drawwiet isemmi li f’Ħal Għaxaq tfal tal-istituti kienu jittieħdu jitolbu r-rużarju f’xi funeral! Isemmi l-logħob ta’ dak iż-żmien. Logħob li ntilef.
Meta imbagħad ġie għas-snin sittin John Inguanez, anki bħala membru taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, isemmi l-ġlieda politiko-reliġjuża. Isemmi l-protesti u r-rallies kbar organizzati mill-Knisja, fosthom Fuq il-Fosos tal-Furjana u f’postijiet oħra biex iqajmu lill-fidili. Kienu jiġbru l-eluf. Kienu l-mass meetings tal-Knisja li fihom kienu jitkellmu oraturi kbar bħall-Arċisqof Mikiel Gonzi u li kienu aqwa mill-mass meetings li l-Partit Nazzjonalista organizza fis-snin tmenin.
Taż-ŻĦN kienu jmorru bis-sfafar f’mass meetings tal-Partit Laburista biex ma jħallux lill-kelliema jinstemgħu. Isemmi wkoll il-laqgħat li l-Ġunta tal-Għaqdiet Kattoliċi kienet torganizza fl-ibliet u l-irħula u li fihom, wara li kienet tiġi spjegata l-pożizzjoni tal-Knisja, kien jitfisser lil dawk li jattendu biex minflok lill-kandidati tal-PL, ħalli dan ma jitlax fil-poter, iqassmu l-vot fuq il-kandidati tal-partiti l-oħra.
Hawnhekk l-awtur jersaq lejn il-bidu tal-professjoni tiegħu ta’ ġurnalista mal-gazzetta Il-Ħaddiem li kienu joħorġu ż-ŻĦN u li fl-eqqel tal-ġlieda politiko-reliġjuża bdiet tinħareġ bi tmien paġni kuljum. Dan, igħid Inguanez, kien parti mill-pjan tal-Knisja li jkollha vuċi oħra fil-qasam tal-ġurnaliżmu. Ma’ Il-Ħaddiem, beda bħala proof reader u mbagħad reporter.
F’Il-Ħaddiem beda jberraq għall-fatt li din kienet saret piż fuq il-Knisja u Inguanez fil-bidu tal-1970 sab ruħu mal-gazzetta Il-Ħajja li bdiet toħroġ il-Knisja. Iżda anki ma’ din il-gazzetta l-awtur kellu jbati, iżda mhux waħdu, u jsemmi l-inkwiet li nqala wara li Henry Frendo, l-Editur ta’ Il-Ħajja, beda jippubblika sensiela ta’ artikli dwar Manwel Dimech li, fi żmienu, kien ikkundannat mill-Knisja. Frendo kellu jwaqqaf din is-sensiela u wara spiċċa wkoll minn Editur.
Din il-gazzetta ma kelliex ħajja twila ħafna għax meta Fr Joe Borg ingħata l-inkarigu tal-midja tal-Knisja f’idejh bdiet tinħareġ ġazzetta ġdida minflokha, Il-Ġensillum, u nfetaħ l-istazzjon tar-radju RTK.
Minn ma’ Il-Ħajja John Inguanez mar jaħdem fit-Taqsima tal-Aħbarijiet tar-Rediffusion u ta’ Malta Television. Hawnhekk l-awtur jirrakkonta fid-dettall dak li jsejjaħlu “l-avventura tiegħu fix-xandir”. Bit-twaqqif ta’ Xandir Malta d-doża ta’ rappurtaġġ politiku splodiet tant li l-bulettini kollha tal-aħbarijiet kienu dominati minnha. Il-ħajja Maltija kienet mimlija b’ħidma politika li kont tħossha tifgak.
It-tensjoni kibret fil-pajjiż kollu u laħqet l-ogħla tagħha bejn l-1981 u l-1987. Meta jfakkar l-inċidenti, Inguanez igħid li dawn ma kienux biss f’attivitajiet politiċi, iżda wkoll fir-rallies kbar li kienet tagħmel il-Federazzjoni tal-Ġenituri fl-Iskejjel tal-Knisja dwar il-kwistjoni tagħha ma l-Gvern fuq il-futur ta’ dawn l-iskejjel.
Wara l-elezzjoni tal-1987, meta hu kien il-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet, reġgħet qamet id-diffikultà dwar il-promozzjonijiet meta ħarġet applikazzjoni interna għall-ħatra ta’ Managing Editor News u, minkejja l-kummenti pożittiv dwaru fil-Bord tal-Għażla, l-awtur ma ntgħażilx. Ħarġet sejħa għal applikazzjonijiet minn barra Xandir Malta. John Inguanez ipprotesta bl-aħrax mhux kontra l-persuna magħżula, iżda għax dakinhar ra li dak li seta’ jilħaq u li kien ilu jimmira għalih, ħadu wieħed minn barra. Il-kwistjoni baqgħet tkarkar sakemm kien offrut il-kariga ta’ Kap ta’ Radju Malta. Isemmi li wara r-riżenja ta’ Joe Mercieca, il-Kap Eżekttuv, issa tal-PBS, Tony Mallia talbu jieħu taħt idejh it-Taqsima tal-Aħbarijiet. Xi ħaġa li kellu jaċċetta.
Wara r-rebħa Laburista tal-1996 bdew il-manuvru biex jieħdulu postu. John Inguanez jgħid li kemm dam Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet taħt iż-żewġ amministrazzjonijiet qatt ma kellu kundanna u, tneħħi l-arroganza ta’ ċerti nies li kellhom l-aġenda tagħhom, hu gawda r-rispett tal-parti l-kbira tal-ħaddiema. L-atmosfera nbidlet u kibru t-tensjonijiet u l-awtur intbagħat Manager tat-televiżjoni Channel 12 u tal-Arkivji.
Dwar “l-aħħar tappa tiegħu fix-xandir”, John Inguanez jikteb li kważi sena wara l-bidla fil-Gvern, il-Bord tal-PBS iddeċieda li mad-dmirijiet li diġà kellu hu jassumi wkoll id-dmirijiet ta’ Kap tal-Programmi Televiżivi. Hu jtemm dan il-kapitlu b’dak li Josianne Cassar ikkwotat fil-blog tagħha li qal il-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu, meta l-awtur ingħata l-Gold Award 2013 mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin. Mifsud Bonnici sejjaħ lil John Inguanez professjonali u effiċjenti fix-xogħol tiegħu tant li minkejja dak kollu li għadda minnu ġibed lejh ir-rispett ta’ kollegi li ħaddmu miegħu. Kien, tul il-karriera tiegħu, aġent tal-bidla.
Mix-xandir John Inguanez mar jaħdem mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ fejn għadda l-aħħar żmien tal-karriera tiegħu jaħdem kuntent ma’ nies li kienu japprezzaw ix-xogħol li kien jagħmel.
Minn hawn bdiet il-karriera tat-tielet età bl-aħħar kapitlu tal-ktieb tiegħu jiddedikah għal dak li baqa’ jagħmel, iżda l-parti l-kbira tal-kapitlu hu dwar il-familja tiegħu, dak li għadda minnu u dwar nies li ltaqa’ magħhom.
Il-ktieb Mogħdijiet: ħajti fir-raħal li darba kien, fil-ġurnaliżmu u Malta li baqgħet tinbidel… ifakkar lil dawk tal-età tal-awtur jew ftit iżgħar minnu f’affarijiet ta’ tfulithom u dak li għadda minnu pajjiżna u jġagħlhom iħarsu lura b’nostalġija. Fl-istess waqt juri, jagħmel magħrufa, lil dawk iżgħar minnu l-ħajja li għexna, id-drawwiet li kellna u tant affarijiet oħra li jiddistingwuna mill-ġenerazzjonijiet tal-lum.