Daniel Borg dwar il-Messaġġ Urbi et Orbi tal-Papa Franġisku
Fil-messaġġ tiegħu Urbi et Orbi lid-Dinja l-Papa jgħid kif fil-qawmien ta’ Ġesu’ l-imħabba rebħet fuq il-mibegħda, id-dawl fuq id-dlam, il-verita’ fuq il-gideb, il-maħfra fuq il-vendetta. Il-ħażen mhux se jisparixxa mill-istorja tagħna, imma ma għadux rebbieħ u setgħan fuq min jaċċetta l-grazzja ta’ din il-ġurnata.
Fil-passjoni u l-mewt ta’ Ġesu, Alla ħa fuqu l-ħażen kollu tad-dinja, u fil-ħniena kbira tiegħU rebħu. Jekk il-qawmien ta’ Ġesu’ huwa l-pedament tat-tama, allura t-tama ma hix illużjoni! Permezz ta’ Ġesu’ mislub u mqajjem din it-tama ma tqarraqx bina. Din mhix tama biex naħarbu f’dinja li ma teżistix imma tama li timliena b’impenn u b’responsabilta’ għall-oħrajn. Fi Kristu rxoxt hemm is-sens kollu tal-eżistenza tagħna li mhix magħmula għall-mewt imma għall-ħajja. Quddiem Alla kull ħajja hi mportanti. U għalhekk il-Papa jsejħilna biex nerġgħu nittamaw f’xulxin. Hu jsejħilna wkoll biex nerġgħu niskopru dik il-fiduċja anke f’dawk li ma nafux, speċjalment il-barranin li jgħixu fostna, għax aħna lkoll ulied Alla. U filwaqt li jiftakar fid-diversi pajjiżi milqutin mill-gwerer hu jsejħilna biex nerġgħu niskopru t-tama u l-fiduċja li l-paċi hi possibli. Imma dan biss jista’ jseħħ mit-tama li toħroġ mill-Irxoxt! L-Għid it-Tajjeb lil kulħadd.
Tista tara wkoll dan il-ħsieb fuq din il-ħolqa ta’ facebook: https://www.facebook.com/daniel.borg.75/posts/pfbid0uKBgqP14r9E9Jw7m4w8PtNJtPdQcBA7qfJBeNQ3cpbhQrNZ7RbGNJsaYXQJfeJnl