Kitba ta’ P. Juan De Bono OCD
L-aħwa, ninsabu fis-sena 2025, u b’danakollu qegħdin ngħixu f’soċjeta’ li fiha l-bniedem, aktar minn qatt qabel, qiegħed jisma’ b’attenzjoni, il-kliem kollu qerq tas-serpent etern, id-demonju, filwaqt li qiegħed jiddubita l-messaġ kollu ħlewwa tal-Missier, li qiegħed kontinwament jistedinna biex nieklu minn kull siġra tal-ġnien, b’eċċezjoni waħda, dik li tinsab fin-nofs.
Ix-xewqa kbira tal-bniedem li ‘jkun bħal Alla’, issib ħelwa u tiġbdek il-vuċi tas-serp biex tiekol mis-siġra ta’ nofs il-ġnien.
Bl-Iva tagħna lil missier il-gideb, wara li nkun smajna minnu, aħna nispiċċaw f’vulkan ativ, li minnu tkun ħierġa lava tbaqabaq bla kontrol.
Din l-iva lil missier il-gideb qiegħdha ġġib ħafna tbatija fis-soċjeta’ li qegħdin ngħixu fiha, ħafna bnedmin bħalna spiċċaw tassew ‘skart’, li nħalluhom fil-ġemb tat-triq imutu.
Skart li ma jiġbru ħadd, skart li tarah kull fejn iddawwar għajnejk, imqar meta jgħaddu b’mutur sparati minn miegħek (waqt li int tkun ixammplat fil-karozza tiegħek) biex li xi ħadd jiffrankawlu li joqgħod jixgħel il-kitla u jagħmel kikkra kafe’.
Qatt xi ħadd per eżempju jsemmi lil Ajay Shrestha li miet tliet snin ilu, mgħattan taħt truck ħadid li nqaleb fuqu fi Triq Aldo Moro, l-Marsa waqt li kien qiegħed jieħu l-ikel lil xi ħadd ?
Imma dawk li s-soċjeta’ qiegħdha twarrab, huma mill-aktar PREZZJUŻI f’għajejn Alla.
‘Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont il-ħabs u ġejtu żżuruni”.
Meta l-Ispirtu s-Santu għażel lil Mario Bergoglio bħala s-Suċċessur ta’ Pietru, Alla ried iwasslilna messaġġ: QALBI U DAK KOLLU LI HUWA L-ESSENZA SĦIĦA TIEGĦI BĦALA ALLA, HI MA DAWK LI INTOM QEGĦDIN TWARRBU, DAWK LI GĦALIKOM HUMA SKART, DAWK LI GĦALIKOM HUMA BISS OĠĠETT BIEX ISSIRU SINJURI.
L-ewwel żjara tal-Papa Franġisku bħala Papa, ma kienetx fl-Oval Office ġewwa Wasghinton, l-Amerika, ma kienetx lanqas Beijing jew fil-Parlament Ewropew, imma kienet fuq blata tliet darbiet akbar minn Kemuna, f’nofs ta’ baħar, fejn eluf jitilfu ħajjithom kulljum, waqt il-vjaġġ tagħhom biex forsi jirċievu dak li hu dritt ta’ kull bniedem, dinjita’ li tgħix bħala bniedem, u li ssostni l-familja tiegħek.
Meta anqas minn mitt siegħa qabel ma miet, il-Papa Franġisku mar il-ħabs Regina Coeli biex iżur l-ħabsin, huwa wera bil-fatti, u mhux bid-diskorsi sbieħ, li għalih, bħalma huwa għal Alla nnifsu, dawk li s-socjeta’ tikkundanna kontinwament u li ddendlilhom tabella ma’ għonqhom, huma mill-aktar għeżież għalih.
Bħala komunita’ reliġjuża, aħna ġewwa Bormla, qegħdin niftħu l-bibien tal-Knisja u tal-Kunvent għal dawk l-barranin (l-aktar minn Kerala,l-Indja) li jinsabu ġewwa pajjiżna.
Per eżempju, l-Festi tal-Għid ġew ċċelebrati minn dawn l-aħwa jew fil-Knisja nnifisha (Santa Tereża), jew fil-Kunvent. Il-Quddiesa tal-Vġili tal-Għid ġiet imbagħad iċċelbrata flimkien fil-Knisja bħala komunita’ waħda.
Bla dubju, kien aktar faċli li bħala komunita’ niddeċiedu li huma jiċċelebraw għal rashom u aħna l-Maltin għalina, kienet tkun l-aktar triq ‘faċli’ għal kulħadd, imma aħna bħala knisja ma nistgħux inkunu ‘bħal kulħadd’, u nħallu l-kurrent iġorr lilna wkoll.
Aħna bħala reliġjużi, ġejna msejħa biex inkunu ħabbara tal-Vanġelu u mhux biex nix-sharjaw dak li s-soċjeta’ tridna li nix-sharjaw. Il-Vanġelu hija aħbar tajba għal bnedmin kollha, u li spiss tiġi milqugħha aktar minn dawk li aħna bħala soċjeta’ forsi bla ma qatt inlissnu bil-fomm, nikkunsidraw bħala ‘anqas minna’.
Ħa naqsam magħkom esperjenza ċkejkna li għadni nhewden fuqha sallum.
Wara l-Velja tal-Għid, aħna bħala komunita’ offrejna ftit kafe’/te’/kokotina u biċċa figolla lil kull min ħa sehem fil-funzjoni tal-Velja.
U jiena u għaddej bil-figolli, offrejtha lil familja ndjana li ħadu sehem fil-funzjoni, u li ili ninnota li t-tifel tagħhom kull meta jiġu l-Knisja jkun dejjem liebes il-maskra.
L-omm li ma tafx x’kienet ‘figolla’ wara li saqsietni x’inhi, qaltli le’ ‘he can’t have because he is sick’. U qalbi dak il-mument waqfet.
Wara bdejt naħseb u bdew jiġuni f’widnejja dawk il-kummenti li spiss nisma meta nkun l-emerġenza ma’ xi patri, jew fuq tal-linja, jew li spiss taqra fil-kummenti fuq fb, bħal: ‘l-isptar mimli bihom’, ‘il-barranin jinqdew qabilna’, ‘le tal-linja ma nirkebhiex għax mimlija barranin’.
L-aħwa ilbes int iż-żarbun ta’ din l-omm li binha ma jiflaħx.
Mhux qalb bħal tiegħek għandhom dawn l-ommijiet u missirijiet ?
Meta l-Ispirtu s-Santu għażel lil Mario Bergoglio bħala Papa, huwa ried jurina li għal Alla dak it-tifel marid huwa midfun f’qalbu, u jrid jipproteġieh, bħalma qiegħed jipproteġi lill din l-omm u missier.
