Adorazzjoni – 4 Ħadd tal-Għid. Sena Ċ

Għażiż, għażiża; grazzi talli llum ġejt ħawn ħdejja, avolja mhux dejjem ikollok aptit tiġi ħdejja. Naprezza dan l-isforz tiegħek biex tiġi hawn quddiemi. Naf ukoll li jkollok impenji oħrajn f’ħajtek. Iżda għax tħobbni, titlaq kollox u tiġi hawn biex tadurani u tirringrazzjani. Dan lili jferraħni ħafna, u nxerred fuqek ħafna grazzji, li inti għalissa lanqas biss tinduna bihom.         (5 sek pawsa)

Nixtieqek li llum taħseb fuq il-virtù tal-umiltà; li taħdem għas-saltna ta’ Alla fis-skiet u fil-moħbi. Tinsiex li s-saltna hija ta’ Alla, u mhux tiegħek. L-opri tajba kollha li tagħmel għandek tagħmilhom biex tikber il-glorja ta’ Alla, u mhux biex tieħu l-prosit int. Tibżax, il-prosit nagħtihulek Jien, meta jasal il-waqt. Allura, insa lilek innifsek u ntelaq fija għal kollox, u ħallini mmis il-qlub tal-erwieħ permezz tiegħek. (3 sek pawsa)

Toqgħodx tistenna l-‘grazzi’ mingħand xi ħadd, Agħmel affarijiet żgħar b’imħabba kbira kif kienet tagħmilhom Santa Tereżina. Ix-xogħol ta’ kuljum magħmul bl-imħabba u l-paċenzja huwa wkoll adorazzjoni prezzjuża f’għajnejn Alla. Ma kull min tiltaqa’ fil-ġurnata qis li tħobbu, tgħinu u tagħtih mill-ispirtu tiegħi. Anki lil min ma jaqbilx miegħek, qis li tħobbu u tfarrġu għax dak huwa ħuk u oħtok. Xi kultant ikollna bżonn inħobbu sa ma tweġġa’, kif kienet tgħid Santa Tereża ta’ Calcutta.        (5 sek pawsa)

Aktar ma tiċċekken, aktar inkun nista’ nużak għall-ġid tal-erwieħ. Stenna li tiltaqa’ ma tfixkil, tmaqdir, u kuntrarji fil-qadi ta’ dmierek. Iżda jekk tkun umli, dawn xejn ma jinkwetawk għax inti tifhem li l-opri tajba li wieħed jagħmel isiru bil-grazzja tiegħi u mhux bil-ħila tal-bniedem li jagħmilhom. (3 sek pawsa)

Mela itlobni spiss biex tikber f’dan il-virtù, li hu hekk għal qalbi. Alla jinnamra mar-ruħ li tkun umli. U tinsiex x’qalet Marija: “Il-Mulej jgħolli liċ-ċkejknin”. Intelaq f’idejja għal kollox u ħalli l-Ispirtu Qaddis imexxik Hu.  

Silenzju/background music      3 min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann                                   Ġw 10:27-30

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda”.

Il-Kelma tal-Mulej

It-tifħir lilek Kristu

Silenzju/ soft background music         1min

Ġesù jxebbah lilu nnifsu bħala r-Ragħaj it-Tajjeb.

Huwa jagħtina Kelma qawwija, li tfakkarna li l-ħajja nisranija, fl-aħħar mill-aħħar, hija rabta personali ma’ Ġesù; hija relazzjoni ta’ ħbieberija intima mal-persuna ta’ Ġesù Irxoxt u ħaj, fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.  (3 sek pawsa)

Ġesù jagħrafna inside out, jaf x’hemm ġol qiegħ ta’ qalbna. Ġesù jaf l-istorja tagħna: jaf il-passat, il-preżent, u l-futur tagħna. Hu jitlob minna ħaġa waħda biss: li nagħtu ħajja lil din l-imħabba, lil din ir-relazzjoni ta’ mħabba li jsejħilna lejha, billi nisimgħu leħnu. L-Mulej jixtieqna, li nkunu bħal Marija, oħt Lazzru u Marta, li toqgħod f’riġlejh tisma’ l-Kelma tiegħu, u nagħmluha tagħna.   (3 sek pawsa)

“In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja”. Min jisma’ l-leħen ta’ Ġesù, jagħmel dak li jixtieq Hu. Min jisma’ l-leħen ta’ Ġesù, jiġi ffurmat minnhu; min jisma’ l-leħen tar-Ragħaj it-Tajjeb, jimxi b’fedeltà wara dan ir-Ragħaj il-kbir tagħna, li miet u qam minn bejn l-imwiet għalina.

U jien u int? Qegħdin nisimgħu l-leħen ta’ Ġesù? Qegħdin nagħmluha tagħna, l-Kelma tiegħu?

Silenzju biss                    3 min

Nhar il-Ħadd, il-Knisja tagħmel il-ġurnata ta’ talb għall-vokazzjonijiet saċerdotali u dik ta’ Ħajja Reliġjuża. Ejjew f’dan il-ħin, nitolbu lil Sid il-ħsad, biex jibgħat aktar ħaddiema fil-ħsad tiegħu. Għax Ġesù stess kien qal: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema huma ftit”. Ejjew nitolbu, ħalli l-Mulej isejjaħ rgħajja skont qalbu, li jirriflettu r-Ragħaj il-Kbir tagħna; li jirriflettu l-ħajja kollha ta’ Ġesù.         (10 sek pawsa)

Ejjew nitolbu wkoll, għal dawk li diġa’ huma rgħajja, għas-saċerdoti u reliġjużi: biex tassew, bil-ħajja, bil-kelma, u fuq kollox bl-eżempju tagħhom, ikunu rifless għalina ta’ Ġesù, r-Ragħaj it-Tajjeb, li wegħdna li jagħtina l-ħajja ta’ dejjem.

Silenzju/ soft background music                 3 min

Kant: ________________

Salm Responsorjali                                                                 Salm 23

Bil-qima kollha nagħtu ġieħ lil Ġesù, s-Sultan u r-Ragħaj ta’ ruħna, li tiegħu kien xbieha ħajja s-sultan David. Ngħidu flimkien:

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni,

f’mergħat kollhom ħdura jqegħdni,

ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

Hu jrejjaqni.          Ngħidu flimkien.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba f’ismu.

Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,

ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek huma jwennsuni. Ngħidu flimkien.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Int tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi;

biż-żejt tidlikli rasi,

u l-kalċi tiegħi tfawwarli.           Ngħidu flimkien.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Iva, t-tjieba u l-ħniena jimxi miegħi,

il-jiem kollha ta’ ħajti;

u ngħammar f’dar il-Mulej

matul iż-żminijiet. Ngħidu flimkien.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading