05/05/2025: Fost l-aħħar xewqiet tal-Papa Franġisku kienet li l-Popemobile tant magħrufa li kien juża tintbagħat f’Gaża sabiex tintuża bħala klinika mobbli.

Il-Papa Franġisku kien ta’ spiss jappella għall-waqfien mill-ġlied f’Gaża sabiex ma jintilfux aktar ħajjiet bla bżonn, speċjalment dawk tat-tfal innoċenti.
Dan il-ġest ta’ solidarjetà tal-Papa Franġisku huwa marbut ma’ inizjattiva li se tieħu ħsiebha l-fergħa tal-Caritas f’Ġerusalemm, li qed taħdem qatigħ biex toffri għajnuna għall-aktar persuni vulnerabbli f’Gaża.
Huwa stmat li madwar miljun tifel u tifla spiċċaw bla saqaf fuq rashom kawża tal-gwerra bejn Iżrael u Ħamas.
Il-Popemobile se tiġi mgħammra b’apparat apposta sabiex isiru d-dijanjożi u t-trattament tal-pazjenti u se tintuża minn tobba u uffiċjali mediċi oħra fir-reġjun imtertaq bil-gwerra.
Il-Caritas qalet li inizjattiva bħal din hija essenzjali fid-dawl li s-sistema tas-saħħa ta’ Gaża hija prattikament ineżistenti minħabba l-attakki kontinwi ta’ Iżrael li laqat kull sptar jew ċentru tas-saħħa f’Gaża.
Is-Segretarju Ġenerali ta’ Caritas Jerusalem Anton Asfar qal li l-Popemobile tirrappreżenta l-imħabba li l-Papa Franġisku wera lejn l-aktar persuni vulnerabbli.
Minn Gavin Muscat
Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti