Il-motto u l-arma araldika tal-Papa Ljun XIV

L-arma araldika tal-Papa Ljun XIV toffri riflessjoni ċara tal-għeruq Agostinjani tiegħu u l-valuri li jixtieq jippromovi tul il-pontifikat tiegħu, partikularment l-għaqda u l-komunjoni fi ħdan il-Knisja.

L-arma araldika tal-Papa Ljun XIV

It-tarka hi maqsuma djagonalment f’żewġ taqsimiet. Il-parti ta’ fuq turi sfond ikħal b’ġilju (fleur-de-lys) bajdani. Kemm il-fjura u kemm il-lewn tradizzjonalment għandhom rabta mal-Verġni Mbierka.

Il-parti ta’ isfel tat-tarka għandha sfond iktar bajdani u turi xbieha li tfakkar fl-Ordni ta’ Santu Wistin: ktieb magħluq bil-qalb fuqha bin-nirien ħerġin minnha u minfuda bi vleġġa. Dan hu riferiment dirett għall-esperjenza ta’ konverżjoni ta’ Santu Wistin innifsu, li fisser il-laqgħa personali tiegħu mal-Kelma ta’ Alla bil-frażi: “Vulnerasti cor meum verbo tuo” – “Int infidtli qalbi bil-Kelma tiegħek”.

Il-motto: “Fil-Wieħed, aħna ħaġa waħda”

Il-Papa għażel ukoll il-motto li jirrifletti din it-tradizzjoni Agostinjana: In Illo uno unum, li tfisser: “Fil-Wieħed, aħna ħaġa waħda”. Il-frażi hi meħuda mill-Espożizzjoni fuq Salm 127 ta’ Santu Wistin, fejn ifisser li “għalkemm aħna l-Insara aħna ħafna, fi Kristu [li hu] wieħed aħna ħaġa waħda”.

8 ta’ Mejju 2025
Maħtur il-Papa Ljun XIV

F’intervista mal-Aħbarijiet tal-Vatikan fl-2023, dak li dakinhar kien il-Kardinal Robert Francis Prevost tkellem dwar it-tifsira tal-motto tiegħu: “Kif wieħed jista’ jara mill-motto episkopali tiegħi, l-għaqda u l-komunjoni huma tabilħaqq parti mill-kariżma tal-Ordni ta’ Santu Wistin, u anki tal-mod kif jien naġixxi u naħseb. Nemmen li hu importanti ħafna li nippromovu l-komunjoni fil-Knisja, u nafu sew li l-komunjoni, il-parteċipazzjoni u l-missjoni huma t-tliet kelmiet ewlenin tas-Sinodu. Għalhekk, bħala Agostinjan, għalija l-promozzjoni tal-għqda u l-komunjoni hi fundamentali”.

Ir-riflessjoni ta’ Santu Wistin fuq is-Salm 127 tisħaq fuq il-fundament teoloġiku ta’ din l-idea. “Kristu – ras u ġisem – hu bniedem wieħed. U liema hu l-ġisem ta’ Kristu? Il-Knisja tiegħu”, jikteb Wistin, u mbagħad iżid: “Għalkemm aħna l-Insara aħna ħafna, fi Kristu wieħed aħna ħaġa waħda. Aħna ħafna u aħna wieħed – għax aħna magħqudin fih, u jekk ir-Ras tagħna jinsab fis-Sema, il-membri jaslu fejn qiegħed hu”.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading