Il-Papa Ljun XIV lill-Kulleġġ Kardinalizju.

LAQGĦA MAL-KARDINALI
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-KULLEĠĠ KARDINALIZJU
Is-Sibt 10 ta’ Mejju 2025

Grazzi ħafna, Eminenza. Qabel ma nieħdu postna ejjew nibdew b’talba, nitolbu lill-Mulej biex ikompli jimxi ma’ dan il-Kulleġġ u fuq kollox mal-Knisja kollha b’dan l-ispirtu, anki entużjażmu, imma b’fidi profonda. Nitolbu flimkien bil-Latin.

Pater noster… Ave Maria…

Fl-ewwel parti ta’ din il-laqgħa hemm diskors ċkejken bir-riflessjonijiet li nixtieq naqsam magħkom. Imma mbagħad ikun hemm it-tieni parti, xi ftit bħall-esperjenza li ħafna minnkom tlabtu, speċi ta’ qsim mal-Kulleġġ Kardinalizju biex nistgħu nisimgħu l-pariri, suġġerimenti, proposti, ħwejjeġ konkreti ħafna, li dwarhom diġà ntqal xi ftit fil-jiem qabel il-Konklavi.

Ħuti Kardinali!

Insellem u rrodd ħajr lilkom ilkoll għal din il-laqgħa u għall-jiem ta’ qabilha, ta’ swied il-qalb għat-telfa tal-Qdusija Tiegħu Franġisku, impenjattivi minħabba r-responsabbiltajiet li kellna naffrontaw flimkien u fl-istess waqt, skont il-wegħda li Ġesù nnifsu għamlilna, mimlijin grazzja u faraġ fl-Ispirtu (ara Ġw 14:25-27).

Intom, għeżież Kardinali, intom il-kollaboraturi l-aktar stretti tal-Papa, u dan hu ta’ faraġ kbir għalija biex naċċetta madmad li bla dubju hu ħafna itqal milli niflaħ, kif kien ikun għal kull persuna. Il-preżenza tagħkom tfakkarni li l-Mulej, li fdali din il-missjoni, ma jitlaqnix waħdi nġorr ir-responsabbiltà tagħha. Naf qabelxejn li nista’ nserraħ dejjem, dejjem fuq l-għajnuna tiegħu, l-għajnuna tal-Mulej, u, bil-Grazzja u l-Providenza tiegħu, fuq il-qrubija tagħhom u tant aħwa li mad-dinja kollha jemmnu f’Alla, iħobbu lill-Knisja u jwieżnu bit-talb u bl-opri tajba lill-Vigarju ta’ Kristu.

Nirringrazzja lid-Dekan tal-Kulleġġ Kardinalizju, il-Kardinal Giovanni Battista Re – jixraqlu ċapċipa, tal-inqas waħda jekk mhux iżjed –, li l-għerf tiegħu, frott ta’ ħajja twila u ta’ tant snin ta’ servizz fidil lis-Sede Appostolika, għenna ħafna f’dan iż-żmien. Nirringrazzja lill-Camerlengo tal-Knisja Mqaddsa Rumana, il-Kardinal Kevin Joseph Farrell – naħseb li jinsab hawn preżenti –, tar-rwol prezzjuż u impenjattiv li wettaq fiż-żmien tas-Sede Vakanti u tal-Konvokazzjoni tal-Konklavi. Insellem ukoll lill-aħwa Kardinali li, għal raġunijiet ta’ saħħa, ma setgħux ikunu preżenti u magħkom inħossni qrib tagħhom f’komunjoni ta’ mħabba u talb.

F’dan il-mument, barra bħala żmien ta’ niket u ferħ, providenzjalment imgeżwer fid-dawl tal-Għid, nixtieq li nħarsu flimkien lejn it-tluq tal-mibki Papa Franġisku u lejn il-Konklavi bħala ġrajja Paskwali, tappa tal-eżodu twil li fih il-Mulej ikompli jmexxina lejn il-milja tal-ħajja; u f’din il-perspettiva nafdaw lil “Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ” (2 Kor 1:3) ir-ruħ tal-Papa li ħalliena u anki l-futur tal-Knisja.

Il-Papa, ibda minn San Pietru u spiċċa fija, Suċċessur indenn tiegħu, huwa qaddej umli ta’ Alla u tal-aħwa, xejn aktar minn hekk. Dan urewh tajjeb l-eżempji ta’ tant Predeċessuri tiegħi, l-aħħar wieħed dak tal-Papa Franġisku nnifsu, bl-istil tiegħu ta’ għotja sħiħa fil-qadi u essenzjalità sobrja fil-ħajja, ta’ telqa f’dirgħajn il-Mulej fiż-żmien tal-missjoni u ta’ fiduċja serena fil-mument tar-ritorn għad-Dar tal-Missier. Ejjew ngħożżu dan il-wirt prezzjuż u nerġgħu naqbdu l-mixja, imseddqa mill-istess tama li tiġi mill-fidi.

Huwa l-Irxoxt, preżenti f’nofsna, li jħares u jmexxi l-Knisja u li jissokta jġeddidha fit-tama, permezz tal-imħabba li “ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna” (Rum 5:5). Issa minna jonqos li nkunu semmiegħa doċli tal-leħen tiegħu u ministri fidili tal-pjanijiet tiegħu tas-salvazzjoni, aħna u niftakru li Alla jħobb jikkomunika lilu nnifsu, iktar milli fl-istorbju tar-riħ qawwi u tat-theżżiża, jagħeml dan fiż-“żiffa ħelwa” (1 Slat 19:12) jew, kif hemm min jittraduċi, f’“leħen sottili ta’ skiet”. Din hija l-laqgħa importanti, li ma għandniex nitilfu, u li għaliha għandna nedukaw u fiha nsieħbu lill-Poplu qaddis kollu ta’ Alla li hu fdat f’idejna.

Fil-jiem li għaddew, stajna naraw il-ġmiel u nħossu l-qawwa ta’ din il-komunità immensa, li b’tant imħabba u qima sellmet u bkiet lir-Ragħaj tagħha, hija u ssieħbu bil-fidi u t-talb fil-mument tal-laqgħa defenittiva tiegħu mal-Mulej. Rajna liema hu l-veru kobor tal-Knisja, li tgħix fil-varjetà tal-membri tagħha magħqudin mar-Ras waħdanija, Kristu “r-Ragħaj u l-Għassies” (1 Piet 2:25) ta’ ruħna. Hija l-ġuf li minnu anki aħna ġejna mnissla u fl-istess waqt il-merħla (ara Ġw 21:15-17), l-għalqa (ara Mk 4:1-20) li ngħatatilna biex nieħdu ħsiebha u naħdmuha, inseddquha bis-Sagramenti tas-salvazzjoni u nagħmluha għammiela biż-żerriegħa tal-Kelma, hekk li, sħiħa fil-fehma waħda u mħeġġa fil-missjoni, timxi, kif diġà għamlu l-Iżraelin fid-deżert, għad-dell tas-sħaba u għad-dawl tan-nar ta’ Alla (ara Eż 13:21).

U f’dan ir-rigward nixtieq li flimkien, illum, inġeddu t-twaħħid sħiħ tagħna, f’din il-mixja, mat-triq li issa l-Knisja universali ilha għexieren ta’ snin itterraq fuq il-passi tal-Konċilju Vatikan II. Il-Papa Franġisku b’mod maġistrali fakkar u attwalizza l-kontenuti tiegħu fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, li rrid nagħfas hawn fuq xi aspetti fundamentali tagħha: ir-ritorn għall-primat ta’ Kristu fit-tħabbira (ara n. 11), il-konverżjoni missjunarja tal-komunità Nisranija kollha (ara n. 9); il-maturazzjoni fil-kolleġġjalità u fis-sinodalità (ara n. 33); l-attenzjoni għas-sensus fidei (ara nn. 119-120), speċjalment fil-forom l-aktar proprji u inklużivi tagħha, bħalma hi l-pjetà popolari (ara n. 123); l-għożża kollha mħabba ta’ dawk li jinsabu fl-aħħar post, il-mormija (ara n. 53); id-djalogu qalbieni u fiduċjuż mad-dinja tal-lum fid-diversi komponenti u realtajiet tagħha (ara n. 84; Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 1-2).

Dawn huma l-prinċipji tal-Vanġelu li sa minn dejjem imexxu u jnebbħu l-ħajja u l-ħidma tal-Familja ta’ Alla, valuri li permezz tagħhom il-wiċċ ħanin tal-Missier deher u jissokta jidher fl-Iben magħmul bniedem, tama aħħarija ta’ kull min qed ifittex b’qalb sinċiera l-verità, il-ġustizzja, il-paċi u l-fraternità (ara Benedittu XVI, Ittra enċilika Spe salvi, 2; Franġisku, Bolla Spes non confundit, 3).

Proprju għax ħassejtni msejjaħ nimxi f’din it-triq, li ħsibt li nieħu l-isem ta’ Ljun XIV. Diversi huma r-raġunijiet, imma prinċipalment għax il-Papa Ljun XIII, bl-Enċiklika storika Rerum novarum affronta l-kwistjoni soċjali fil-kuntest tal-ewwel rivoluzzjoni kbira industrijali; u llum il-Knisja qed toffri lil kulħadd il-wirt tagħha ta’ duttrina soċjali biex twieġeb għal rivoluzzjoni oħra industrijali u għall-iżviluppi tal-intelliġenza artifiċjali, li jġibu magħhom sfidi ġodda għall-ħarsien tad-dinjità umana, tal-ġustizzja u tax-xogħol.

Ħuti l-aktar għeżież, nixtieq nagħlaq din l-ewwel parti tal-laqgħa tagħna billi nagħmel tiegħi – u nipproponi lilkom ukoll – l-awgurju li San Pawlu VI, fl-1963, qiegħed fil-bidu tal-Ministeru Petrin tiegħu: “Ħa tgħaddi fuq id-dinja kollha bħal fjamma kbira ta’ fidi u ta’ mħabba li tkebbes lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, ħa ddawwlilhom it-triq tal-kollaborazzjoni bejniethom, u tiġbed fuq l-umanità, mill-ġdid u dejjem, il-kotra tal-favuri divini, il-qawwa nfisha ta’ Alla, li mingħajr l-għajnuna tiegħu xejn ma jiswa, xejn ma hu qaddis” (Messaġġ lill-Familja Umana kollha Qui fausto die, 22 ta’ Ġunju 1963).

Ħa jkunu dawn ukoll is-sentimenti tagħna, li nittraduċuhom f’talba u impenn, bl-għajnuna tal-Mulej. Grazzi!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading