Dawl minn dawl. Niċċelebraw l-Evanġelju tas-sitt Ħadd tal-Għid.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Fost il-ġnus Alla wera s-salvazzjoni tiegħu.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.
Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom. Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’. Smajtu x’għedtilkom: ‘Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom’. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni. U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu”. (Ġw 14:23-29)

  1. Riflessjoni/talba:

i. F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.

Li tħobb ifisser dejjem
li tinsa ftit lilek innifsek
u tagħmel spazju għall-ieħor

flimkien mas-sorpriża
xħin issib li inti maħbub
li hemm spazju għalik fil-qalb t’Alla

U l-ispazju li battal fik jimtela bil-presenza tiegħU.

Irrifletti:
• Xi jfisser għalik li tagħmel spazju għal Alla?

ii. Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja.

Is-sliem tad-dinja
jiddependi mill-estern –
ftehim li jrid jinżamm,
eżitu pożittiv,
suċċess li jidher –
l-estern limitat, hemm ċans li jinbidel, fraġli ħafna.

Is-sliem li jagħti Ġesù
ġej minn dak li hu etern
konvinzjoni interjuri –
li l-imħabba tiegħU ma tonqosx
li Hu determinat li jien ma nintilifx
li dak li ġej minnu, dak li hu sewwa,
hu veru dejjem u jiġġenera ferħ.
.
Irrifletti
• Fuq x’hiex mibnija ħajti? L-estern jew l-etern?

iii. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’. Smajtu x’għedtilkom: ‘Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom’. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni.

Id-distanza tbeżżagħna:
jaf nintesa
jaf nitlef l-imħabba
jaf nintilef.

Imma l-imħabba tikber fejn ikun hemm il-ftuħ
u kull kelma, kull ġest jieħdu valur bla limitu
meta jiġu b’deċiżjoni ħielsa
ta’ dak li Hu minn dejjem.

Irrifletti

• Ieqaf fil-presenza tal-imħabba t’Alla.

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading