DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-UFFIĊJALI TAL-KURJA RUMANA U D-DIPENDENTI TAS-SANTA SEDE,
TAL-GOVERNATORAT U TAL-VIGAWRJAT TA’ RUMA
Awla Pawlu VI
Is-Sib, 24 ta’ Mejju, 2025
Grazzi! Meta l-applaws idum aktar mid-diskors, ikolli nagħmel wieħed itwal! Allura…., oqgħodu attenti! Grazzi!
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, il-paċi magħkom.
Għeżież ħuti!
Kuntent li qiegħed insellmilkom ilkoll, intom li tiffurmaw il-komunità tax-xogħol fil-Kurja Rumana, fil-Governatorat u fil-Vikarjat ta’ Ruma.
Insellem lill-kapijiet tad-Dikasteri u lis-Superjuri l-oħra, lill-Kapijiet tal-Uffiċċji u lill-Uffiċjali kollha kif ukoll lill-Aworitajiet tal-Belt tal-Vatikan, lid-diriġenti u lill-impjegati. U jien kuntent ħafna wkoll li hawn preżenti bosta familjari, li approfittaw ruħhom mill-fatt li llum is-Sibt.
Din l-ewwel laqgħa tagħna ċertament mhix okkażjoni biex nagħmel diskors programmatiku imma pjuttost, għalija hi okkażjoni biex ngħidilkom grazzi għas-servizz li tagħtu, servizz li jiena, biex ngħidu hekk, “writt” mill-Predeċessuri tiegħi. Grazzi verament. Iva, kif tafu, jien wasalt hawn sentejn ilu biss meta l-maħbub Papa Franġisku ħatarni Prefett tad-Dikasteru għall-Isqfijiet. Għalhekk kont tlaqt mid-Djoċesi ta’ Chiclayo, fil-Perù, u ġejt naħdem hawn. X’bidla! U issa, imbagħad… X’nista’ ngħid? Ngħid biss dak li qal Xmun Pietru fejn l-għadira ta’ Tiberija: “Mulej, int taf kollox, taf li nħobbok” (Ġw 21,17).
Il-Papiet jiġu u jmorru, il-Kurja tibqa’. Dan jgħodd f’kull Knisja partikolari, għall-Kurji veskovili. U jgħodd ukoll għall-Kurja tal-Isqof ta’ Ruma. Il-Kurja hi istituzzjoni li tindokra u tittrażmetti l-memorja storika ta’ Knisja, tal-ministeru, tal-Isqfijiet tagħha. Dan importanti ħafna. Il-memorja hi element essenzjali f’kull orgniżmu ħaj. Ma tħarisx biss lejn l-imgħoddi, imma tmantni l-preżent u torjenta l-ġejjieni. Mingħajr memorja t-triq titħarbat, jintilef is-sens tal-mixja.
Għeżież, dan hu l-ewwel ħsieb li nixtieq naqsam magħkom: ix-xogħol fil-Kurja Rumana jfisser kontribut biex tibqa’ ħajja l-memorja tas-Sede Appostolilka, fis-sens vitali li għadni kif semmejt, biex il-ministeru tal-Papa jkun jista’ jitwettaq bl-aħjar mod possibbli. U b’analoġija, dan jista’ jingħad ukoll għas-servizzi tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan.
Hemm imbagħad aspett ieħor li rrid insemmi, kumplimentari għall-memorja, id-dimensjoni missjunarja tal-Knisja, tal-Kurja u ta’ kull istituzzjoni marbuta mal-ministeru petrin. Il-Papa Franġisku kien insista ħafna dwar dan, u koerenti mal-proġett imniedi fl-Eżortazzjoni appostolika Il-ferħ tal-Vanġelu, irriforma l-Kurja ta’ Ruma fil-perspettiva tal-evanġelizzazzjoni, bil-Kostituzzjoni appostolika Praedicate Evangelium. U dan għamlu bi tkomplija ma’ dak li għamlu l-Predeċessuri tiegħu, speċjalment San Pawlu VI u San Ġwanni Pawlu II.
Kif nimmaġina li tafu, l-esperjenza tal-missjoni hi parti minn ħajti, u mhux biss għax jien mgħammed, bħall-insara l-oħrajn kollha, iżda għaliex bħala reliġjuż agostinjan kont missjunarju fil-Perù, u qalb il-poplu peruvjan immaturajt il-vokazzjoni pastorali tiegħi. Qatt ma nista’ niżżi ħajr biżżejjed lill-Mulej għal dan id-don! Imbagħad, is-sejħa biex inservi l-Knisja hawn, fil-Kurja ta’ Ruma, kienet missjoni ġdida li qsamt magħkom dawn l-aħħar sentejn. U qed nkompli u se nkompli naqdiha sakemm Alla jrid, b’das-servizz li ġie afdat f’idejja.
Għalhekk intennilkom dak li għidt fl-ewwel tislima tiegħi, nhar it-8 ta’ Mejju: “Jeħtieġ infittxu flimkien kif inkunu Knisja missjunarja, Knisja li tibni l-pontijiet, id-djalogu, dejjem miftuħa biex tilqa’ b’dirgħajha miftuħa lil kulħadd, lil kull min għandu bżonn tal-karità tagħna, tal-preżenza tagħna, tad-djalogu u l-imħabba.”. Dal-kliem kien indirizzat lill-Knisja ta’ Ruma. U issa qed intennih jien u naħseb fil-missjoni ta’ dil-Knisja lejn il-Knejjes kollha tad-dinja, bħala servizz ta’ komunjoni, għaqda, bil-karità u l-verità. Lil Pietru u lis-suċċessuri tiegħu l-Mulej tahom dal-mandat, u intom ilkoll, b’diversi modi, tikkollaboraw f’din l-opra kbira. Kull wieħed u waħda minna nagħtu sehemna b’impenn fix-xogħol tagħna ta’ kuljum u wkoll bil-fidi, għax il-fidi u t-talb huma l-melħ fl-ikel, jagħtu t-togħma.
Jekk allura, aħna rridu nikkoperaw fil-kawża kbira tal-għaqda u l-imħabba, ejjew l-ewwelnett nagħmlu dan bl-atteġġjamenti tagħna fis-sitwazzjonijiet ta’ kuljum, ibda mill-ambjent tax-xogħol. Kulħadd jista’ jkun bennej tal-għaqda bl-atteġġjament lejn il-kollegi, billi bil-paċenzja u bl-umiltà jegħleb in-nuqqas ta’ ftehim, billi jidħol fiż-żarbun tal-ieħor, jevita l-preġudizzji, u wkoll b’doża tajba ta’ umoriżmu, kif għallimna l-Papa Franġsiku.
Għeżież ħuti, irroddilkom ħajr mill-ġdid minn qalbi! Ninsabu fix-xahar ta’ Mejju: nitolbu bil-ħrara lill-Verġni Marija biex tbierek lill-Kurja Rumana u l-Belt tal-Vatikan, u wkoll lill-familji tagħkom, speċjalment lit-tfal żgħar, l-anzjani u l-persuni morda jew li jinsabu fit-tbatija.
Grazzi!
Allura ngħidu flimkien: “Sliem għalik, Marija…”
[Barka]
Grazzi mill-ġdid u awguri!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber