Ġesti żgħar, bidliet kbar. Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Festa ta’ Corpus Christi.

Ħsieb minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġesù qagħad ikellem il-folol fuq is-Saltna ta’ Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. Il-jum kien wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: “Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f’post imwarrab”.

Iżda hu qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu”. Qalulu: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għall-inqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!”.

Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu: “Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin”. Hekk għamlu, u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda.

Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa. (Lq 9:11b-17)

  1. Riflessjoni/talba:

i. Ġesù qagħad ikellem il-folol fuq is-Saltna ta’ Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. Il-jum kien wasal biex jintemm.

F’għajnejja jidher li qed jispiċċa kollox:
“Il-jum wasal biex jintemm.”
“konna nittamaw” qalu d-dixxipli t’Għemmaws fl-ewwel jum tal-ġimgħa.

Imma għaddejja bidla fuq livell ieħor!
Ġesù ikellem il-qalb tan-nies fuq is-Saltna t’Alla:
jiftaħ l-għajnejn għal xefaq usa: “imħeġġa qalbna”;
jagħmel azzjonijiet żgħar – ifejjaq –
u l-kliem tiegħu isir laħam, realtà, fatti.
L-imħabba tiegħu issir fejqan.

Irrifletti:
• “Il-jum wasal biex jintemm”. Fejn għaddej minn din l-esperjenza?

ii. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: “Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f’post imwarrab”. Iżda hu qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu”. Qalulu: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għall-inqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!”.

L-ewwel trasformazzjoni li sseħħ
mhix fil-ħobż imma fin-nies.

Minn Knisja (it-tnax) titlob l-Imgħallem jibgħat in-nies lil hemm
issir Knisja mibgħuta biex titma’ lin-nies hawn.

Minn Knisja li tingħalaq u tirtira quddiem l-isfidi (ħafna nies f’post imwarrab)
issir Knisja li toffri l-ftit li għandha lil Dak li jibdilha fil-Ġisem tiegħu.

Irrifletti
• Din is-silta kif tgħinek tapprezza l-Ewkaristija b’mod ġdid?

iii. Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.

Ġesti żgħar,
abbundanza kbira!

Ġesti żgħar,
presenza qawwija:

preżenti fil-mod kif jirċievi, japprezza, jaqbad il-ħobż
presenza li tagħraf l-għajn ta’ dak l-ikel (l-art u s-sema)
Presenti fil-ħarsa profonda li tagħti valur speċjali lill-ħobż (bierek)
Presenza li tibdel lid-dixxipli ħa jsiru huma wkoll
presenza għall-oħrajn (tahom biex inewluhom).

Niċċelebraw is-Sagrament tal-presenza tal-imħabba t’Alla.

Irrifletti

• Ieqaf ftit f’adorazzjoni ta’ Ġesù preżenti fl-Ewkaristija. Agħraf kif qed jibdilna fi Knisja, il-preżenza tiegħu fid-dinja..

  1. Missierna

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading