Ħsieb minn D. Edward Vella
Biex ngħixu ferħanin huwa mportanti li, la minn naha ma ngħixu b’moħħna l-ħin kollu fil-passat u nibqgħu nġorru t-toqol tiegħu fil-preżent, u lanqas ma ngħixu bil-biża tal-futur jew aħjar minn dak li jista’ jiġri. Kemm huwa mportanti li nitgħallmu ngħixu l-mument presenti, għaliex il-mument preżenti huwa l-grazzja ta’ Alla għalina issa. Dan kollu huwa veru u fih ħafna għaqal. Iżda hemm ħaġa li trid tiġri żgur fil-futur u li l-bniedem għaqli jagħmel sew li ma jinsihiex; l-ħajja fuq din l-art għad trid tispiċċa, u kull wieħed u waħda minna jrid jagħti kont lil Alla ta’ ħajtu.
L-għaref tal-Liġi, għad li forsi biex iġgarrab lil Ġesù, kien fehmu tajjeb dan, infatti lil Ġesù qallu, ‘Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?’. Kemm ikun iblaħ il-bniedem li jinsa li din il-ħajja tgħaddi malajr, u hu kemm hu mportanti dak li hu ta’ hawn, la jrid jgħaddi u jispiċċa fix-xejn, l-importanza tiegħu tisfuma fix-xejn ukoll. Wara kollox ħaġa waħda hija verament importanti, jiġifieri nakkwistawx lil Alla għal dejjem jew le. Dik hi l-Ġenna, jiġifieri li aħna nħallu ’l Alla jakkwistana għal dejjem. Il-bqija kollox jgħodd għal ftit.
Għall-mistoqsija ta’ Ġesù, l-għaref wieġeb preċiż: ‘Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek’. Infatti Ġesù jfaħħar lill-għaref għax wieġeb tajjeb. Dan ifisser li biex nakkwistaw dak li ma jgħaddix triq waħda hemm, it-triq tal-imħabba.
Infatti x’ħin l-għaref biex joħroġ ta’ raġel staqsa lil Ġesù, ‘U l-proxxmu tiegħi min hu?’, Ġesù qallu waħda mill-aktar parabboli sbiħ li nsibu fl-Evanġelju. Jaffaxxinana l-fatt li għal Ġesù, il-qassis u l-levita, li kienu aktar moħħhom fis-servizz tat-tempju milli li jgħinu lil min kien fil-bżonn, ma tantx kienu qegħdin jgħixu l-kmandament tal-Imħabba. Fil-waqt li wieħed Samaritan, barrani, u forsi wkoll midneb f’għajnejn il-Lhud, kellu qalb ħafna aktar tixbaħ lil dik ta’ Ġesù, minn min kien ħsiebu fir-riti tat-tempju ħafna aktar milli fl-imħabba ta’ għajru.
Fuq dan kemm għallimna l-Papa Franġisku! Mhux ta’ b’xejn li xi wħud daru kontrih. Forsi kien ikun ħafna aħjar li kieku rriflettew dwar xi jrid jgħidilna l-Mulej permezz tiegħu. Wara kollox il-Mulej fuq hekk għad irid jiġġudikana, jiġifieri fuq kemm ħabbejna verament jew le. Jekk il-qima tagħna fit-‘Tempju’ tkun mifruda minn għemejjel ta’ mħabba, jekk il-liturġija tagħna, tkun kemm tkun sabiħa, ma twassalx għall-imħabba vera u prattika, allura nkunu biss nidħqu bina nfusna.
Mulej Ġesù, nitolbuk, iftħilna dejjem aktar moħħna u qalbna biex nisimgħu kelmtek bi spirtu ta’ umiltà u mħabba, u għinna ħalli meta il-Kelma tiegħek iċċanfarna, inkunu għaqlin biżżejjed biex naċċettaw li dan tagħmlu għall-ġid tagħna u biex twassalna għal dak il-Ġid li ma jgħaddi qatt. Ammen.