Il-Papa jiltaqa’ mal-President Ukren

10/07/2025    Il-Palazz Appostoliku, Castel Gandolfo, l-Italja.

Il-Papa Ljun VIV laqa’ lill-President Ukren Volodymyr Zelenskyy fir-residenza tas-sajf tiegħu f’Castel Gandolfo t-Tlieta li għadda, u tkellmu fuq l-gwerra fl-Ukrajna u l-ħtieġa urġenti għall-paċi permezz tad-djalogu.

Il-laqgħa, li saret fir-residenza tal-papa fit-tarf tal-lag fin-naħa t’isfel ta’ Ruma, kienet it-tieni darba li ltqagħu privatament mindu l-Papa Ljun spiċċa l-ewwel Amerikan li qed imexxi l-Knisja Kattolika f’Mejju li għadda.

Skont stqarrija tal-Vatikan, “iddiskutew il-kunflitt li għaddej u l-ħtieġa urġenti għall-paċi ġusta u dejjiema.” Matul dak li ddeskriva bħala “konverżazzjoni kordjali,” iż-żewġ mexxejja reġgħu affermaw “l-importanza għad-djalogu bħala l-aħjar mod biex jintemmu l-kunflitti.”

Il-Papa esprima d-diqa tiegħu għall-vittmi tal-gwerra u reġa’ wiegħed it-talb u l-qrubija lejn il-poplu Ukren, filwaqt li ħeġġeġ “kull sforz biex jinħelsu l-priġunieri u t-tfittxija għas-soluzzjonijiet.”

Il-Papa enfasizza r-rieda tal-Vatikan biex jiġu milqugħa rappreżentanti kemm mir-Russja kif ukoll mill-Ukrajna fil-Vatikan għan-negozjati. Madankollu, fil-passat ir-Russja ma laqgħetx din it-talba, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov issuġġerixxa li ma tkunx xierqa għal żewġ pajjiżi Ortodossi Kristjani li jagħmlu t-taħditiet hemm.

Wara l-laqgħa, il-President Zelensky indirizza ftit lill-ġurnalisti bl-Ingliż, fejn esprima l-gratitudni tiegħu għall-appoġġ mill-Papa. “Verament kuntent għall-Qdusija tiegħu – għal din il-laqgħa, għall-ospitalità,” ħied jgħid.

Il-mexxej Ukren irringrazzja lill-Vatikan għall-isforzi tiegħu rigward it-tfal Ukreni li allegatament ittieħdu mir-Russja waqt il-gwerra. “Din hija mistoqsija importanti ħafna. Tkellimna fuqha,” qal Zelensky li enfasizza l-bżonn li t-tfal jirritornaw mal-qraba tagħhom fl-Ukrajna.

“Ovvjament irridu l-paċi, irridu l-gwerra tintemm,” qal Zelensky li żied jgħid “aħna noqogħdu ħafna fuq il-Vatikan u l-Qdusija tiegħu biex jgħin li jkollna post biex il-mexxejja jiltaqgħu sabiex itemmu l-gwerra.”

Il-laqgħa tfaċċat fost sforzi diplomatiċi ġodda, u aktar tard Zelensky kellu jiltaqa’ ma’ Keith Kellogg, li huwa l-mibgħut tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump għall-Ukrajna u r-Russja, li din il-ġimgħa qed jattendi l-Konferenza għall-Irkupru tal-Ukrajna f’Ruma.

Il-konferenza għandha l-għan li timmobilizza s-sapport, inkluż l-investiment privat, anke għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna filwaqt li r-Russja tkompli bl-attakki tagħha. Iż-żjara ta’ Zelensky segwiet l-akbar attakk Russu bil-missili mindu faqqgħet il-Gwerra, li mmirat fuq il-mitjar f’reġjun li qiegħed mal-fruntiera tal-UE u l-Polonja.

Il-Papa Ljun XIV qiegħed iqatta’ ftit jiem ta’ mistrieħ f’Castel Gandolfo sal-20 ta’ Lulju.

Sors: www.knisja.mt

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading