Sodi fit-Tama: Skambju taż-żgħażagħ bejn ŻAK Mġarr u Azione Cattolica Casale Monferrato

22/07/2025: Bejn is-7 u t-13 ta’ Lulju, iż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK) Mġarr laqgħu grupp ta’ żgħażagħ mill-Azione Cattolica ta’ Casale Monferrato, l-Italja, għal skambju ta’ ġimgħa bit-titlu “Sodi fit-Tama – Solidi nella Speranza – Firm in Hope.” Dan il-programm, ispirat mit-tema tal-Ġublew tat-Tama tal-Papa Franġisku, offra esperjenza sinifikanti li fiha l-parteċipanti esploraw id-dimensjonijiet diversi tat-tama permezz tal-kreattività, ir-riflessjoni, l-impenn komunitarju u l-fidi. Din l-attività ġiet iffinanzjata mill-programm tal-Erasmus+.

L-attività bdiet b’sessjoni kreattiva li stiednet lill-parteċipanti jirriflettu fuq x’jifhmu b’tama. Permezz tal-arti u diskussjoni fi gruppi, iż-żgħażagħ qasmu simboli u ideat li poġġew il-pedament għall-esplorazzjoni aktar profonda tat-tema. Workshop dwar is-sejħa tal-Papa Franġisku għal Ġublew tat-Tama wassal għal djalogu sinifikanti segwit minn quddiesa.

Tema importanti oħra kienet it-tama quddiem l-isfidi. Permezz ta’ attivitajiet interattivi u dinamiċi; fosthom obstacle course fejn il-parteċipanti kellhom għajnejhom magħluqin u sfida teatrali ta’ minuta f’diversi stili, il-parteċipanti esploraw kif it-tama tista’ titfaċċa kemm fir-riżultat kif ukoll fil-proċess. Il-grupp kompla jgħix l-esperjenza kulturali permezz ta’ ikla pastizzi u logħba live-action Cluedo fil-belt storika tal-Imdina.

Matul il-ġimgħa, il-parteċipanti rriflettew fuq l-ankra bħala simbolu tat-tama, u staqsew lilhom infushom xi jżommhom sodi fi żminijiet ta’ inċertezza. Bl-użu ta’ għodod bħal Mentimeter, li hi pjattaforma interattiva online, setgħu jesprimu ruħhom b’mod onest u sigur, u jidentifikaw sorsi b’saħħithom bħalma huma l-fidi, il-familja, il-ħbiberiji u l-passjonijiet. Dakinhar filgħaxija, marru dawra bid-dgħajsa biex jaraw ix-xemx nieżla u s-serata ntemmet b’mument ta’ riflessjoni fis-silenzju.

Waħda mill-aktar esperjenzi li messet il-qlub kienet meta kull parteċipant ħawwel żerriegħa f’kontenitur bijodegradabbli u tawhom rigal lil xi anzjan/a mill-komunità tal-Imġarr – ġest li ssimbolizza t-tħawwil tat-tama f’ħaddieħor. Aktar tard, iż-żgħażagħ żaru lil ACT Malta, fejn l-ambjentalist Claude kellimhom dwar l-ekosistema ta’ Malta u fakkarhom li “tama mingħajr azzjoni ma tfissirx xejn.”

Emma Buttigieg spjegat li din l-exchange kienet esperjenza inkredibbli li qatt mhu se tinsa. Qatt ma bassret li se tagħmel daqshekk ħbieb u toħloq daqstant memorji sbieħ. Ħasset li kibret personalment u spiritwalment – mhux biss permezz tal-workshops, imma wkoll fil-ħinijiet informali li qattgħu flimkien. Maria Sammut ukoll iddeskriviet din l-exchange bħala esperjenza tassew sabiħa. Tgħallmet kif tissoċjalizza ma’ nies minn kulturi differenti u tixtieq li jiġu offruti aktar opportunitajiet bħal dawn liż-żgħażagħ, għax huma ċans biex ikomplu jitgħallmu u jikbru fil-fidi tagħhom.

Sara Vella qalet li qatt ma bassret li se toħroġ minn hemm b’dawk il-memorji sbieħ li għandha llum. Kellha esperjenza li fiha ffurmat ħbiberiji ġodda filwaqt li rriflettiet fuq kif tista’ tkun sors ta’ tama għal dawk ta’ madwarha – u kemm fil-verità hija importanti t-tama f’ħajjitna. Andreas Muscat, leader ta’ ŻAK Imġarr, spjega li wara ħafna preparamenti, impenn u dedikazzjoni, jista’ jgħid li din l-exchange kienet suċċess, imżejna bit-TAMA. Il-grupp integra tajjeb ħafna flimkien, u kif għadda ż-żmien, iż-żewġ gruppi saru aktar komdi ma’ xulxin permezz tal-workshops u l-ħin liberu, li kien mimli b’logħob, kant u ċajt. Huwa jemmen li matul din l-exchange għexu t-tliet pilastri li tiffoka fuqhom iż-ŻAK: li jgħinu lill-membri jikbru personalment, soċjalment u spiritwalment – u żammew bilanċ sabiħ bejn it-tlieta li huma.

Federico, parteċipant Taljan, irrimarka li sa mill-ewwel ġurnata li daħal iż-ŻAK House, il-Maltin laqgħuhom u kienu dħulin ħafna magħhom. Iżda kien wara li verament sar jafhom li ħassu milqugħ bħallikieku kien parti minn familja kbira.

Il-mumenti li għaddew flimkien u l-ġranet li qattgħu f’komunità se jibqgħu għal dejjem bħala l-isfond għal waħda mill-aktar esperjenzi li japprezza f’ħajtu. Luis, parteċipant ieħor Taljan, iddeskriva din il-ġimgħa f’Malta bħala opportunità inkredibbli fejn ħa sehem f’diversi workshops dwar it-tama. Dawn il-mumenti kienu mimlijin emozzjonijiet qawwija, konversazzjonijiet profondi u konnessjonijiet sinifikanti. Kantaw flimkien, żifnu bil-ferħ u ssapportjaw lil xulxin waqt li esploraw xi tfisser it-tama fil-ħajja tagħhom. Huwa jħoss li kiber ħafna – mhux biss emozzjonalment, imma wkoll mentalment u spiritwalment. Din l-esperjenza bidlitlu ħajtu għall-aħjar, f’kull mod possibbli, u jaf li se tibqa’ parti minnu għal dejjem. Se jibqa’ jġorr lil Malta u dak kollu li għex f’qalbu.

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading