Is-17-il Ħadd matul is-Sena Ċ.

Ħsieb minn D. Edward Vella

Naħseb li lkoll kemm aħna ta’ sikwit nistaqsu għaliex hawn daqshekk ħażen fid-dinja, għaliex donnu li l-ħażin dejjem qiegħed jiżdied: kultant, ta’ bnedmin li aħna, nibdew naħsbu li l-ħażen qed jirbaħ fuq it-tajjeb, u allura tibda tiġi t-tentazzjoni jekk hux ta’ min jżomm fuq in-naħa tat-tajjeb jew jekk jaqblilniex nissieħbu fil-kumpanija tal-ħażin: ħafna drabi din hija l-mentalità ta’ min jirraġuna ‘Mhux kulħadd hekk jagħmel”, bħal qisu jekk ‘kulħadd’ jagħmel il-ħażin allura jien nagħmel bħal kulħadd għax hekk jaqbilli.

Hija nasba fina li jekk ma noqgħdux attenti lkoll kemm aħna nitħabblu fiha. Aħna lkoll midinbin, iżda mhux ilkoll midinbin l-istess: hemm il-midneb li mhux kuntent li hu midneb u jagħmel ħiltu kollha biex jirbaħ id-dnub tiegħu, kemm dak ta’ ġo fih u kemm dak ta’ madwaru. Hemm ukoll iżda l-midneb li jitħabbeb ma dnubu u mad-dnub tad-dinja, dak li jirraġuna kif jgħidu bl-Ingliż: “if you cant beat them join them”. Dan tat-tieni iżda qatt ma għandu jsejjaħ lilu nnifsu nisrani. Tajjeb li kull wieħed minna llum jagħmel riflessjoni profonda fil-qalb tiegħu, u jara fuq liema naħa hu. Li huwa żgur hu li min ma jagħrafx dnubu wisq probabli huwa dak li tħabbeb mad-dnub, u allura ma jaċċettax li hu midneb għaliex beda jħoss li l-ħażen huwa aċċettabli, forsi “għax kulħadd hekk jagħmel”.

Li hu żgur huwa li aħna lkoll midinbin, u li allura qatt ma għandna niġġudikaw u nikkundannaw lil ħadd. L-ewwel qari tal-lum huwa tassew impressjonanti: Abraham, meta jara li Alla jiddeċiedi li jeqred lil Sodoma u Gomorra minħabba d-dnub tagħhom, jibda’ bħal jinstiga lil Alla biex ikun aktar ħanin; jibda’ jgħidlu ‘u jekk hemm ħamsin tajba fil-belt toqtol lilhom ukoll mal-ħżiena?’ U jibqa’ jnaqqas fin-numru sakemm jasal għal għaxra. Sfortunatament lanqas għaxra ġusti ma kien hemm għax Alla jeqred il-bliet ta’ Sodoma u Gomorra, iżda jeħles lil Lot u l-familja tiegħu. Dan kollu għandu jġalna nirriflettu li fid-dinja tagħna ħadd ma hu ġust jew qaddis, ilkoll midinbin, u jekk aħna nistagħġbu għaliex Alla ma jikkastigax tad-dnub, jekk quddiem tant ħażen fid-dinja s-skiet ta’ Alla jiskandaliżżana, dan għaliex aħna ninsew li aħna wkoll midinbin, u jekk Alla jispiċċa jikkastiga jew jeqred lill-bniedem għal dnubu, aħna wkoll inkunu fost dawk li jinqerdu. U jekk Alla ma jsibx anqas għaxra tajbin fil-bliet ta’ Sodoma u Gomorra, u lanqas fid-dinja tagħna llum, huwa ma jikkastigax lid-dinja minħabba il-Wieħed bħalna li hu l-Qaddis, li refa fuq id-dnub tagħna u kif qalilna San Pawl fit-tieni qari, ‘imma issa Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu: Ħafrilna dnubietna kollha. Ħassar il-kont tad-dejn li kellna bl-obbligi li kien hemm kontrina; neħħieh min-nofs u sammru mas-salib.’ Mela Alla jibqa jittama li l-midneb jikkonverti u jerġa lura għandu sal-aħħar mument ta’ ħajtu.

Mal-appostli llum jeħtiġilna ngħidulu: Mulej, għallimna nitolbu…’. Aħna lkoll midinbin, iżda l-midneb li jitlob huwa dak li jibqa’ jagħmel ħiltu u jafda f’Alla li jfejqu mid-dnub tiegħu. Ġesù ikompli jgħidilna: ‘Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.’ Naħseb li lkoll kemm aħna ġieli tlabna xi ħaġa u ma qlajnihiex; tgħid għaliex? Forsi għax ġieli lil Missierna nitolbuh ‘serp’ jew ‘skorpjun’ mingħajr ma nintebħu? Ġesù ma jgħidilniex li Alla jagħtina kulma nitolbuh iżda ‘…kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”.’

Mulej Ġesù aħna quddiemek b’sinċerità u b’umiltà nammettu li aħna midinbin, iżda midinbin li jafdaw Fik li tfejjaqhom mid-dnub tagħhom. Għenna ħalli qatt ma niġġudikaw jew nikkundannaw lil ħadd, iżda biex quddiem id-dnub tagħna u tad-dinja nfittxu li nitolbu aktar u nagħmlu ħilitna biex Fik inkun dejjem melħ tal-art u dawl tad-dinja. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading