Il-Mirakli Ewkaristiċi (82)
minn Manwel Cutajar
Il-Mirakli Ewkaristiċi u l-Festa ta’ Corpus Christi (4)
Kif għidna fl-artiklu preċedenti, f’dal-artiklu u f’oħrajn aktar ‘il quddiem se nitkellmu fil-qosor dwar l-Innijiet Ewkaristiċi ta’ San Tumas ta’ Akwinu.
Id-Dumnikan San Tumas ta’ Akwinu (1225-1274) ikkompona diversi innijiet Ewkaristiċi għal-liturġija Kattolika, partikularment għall-Festa ta’ Corpus Christi u l-Adorazzjoni Ewkaristika, kif ukoll għall-Uffizzju Divin fil-Brevjar. Dawn l-innijiet Lauda Sion, Pange Lingua, Sacris Solemniis, Verbum Supernum, u Adoro Te Devote jesprimu veritajiet teoloġiċi kbar dwar l-Ewkaristija u jispiraw u jinkoraġġixxu devozzjoni profonda lejn is-Sagrament l-Aktar Qaddis tal-Ewkaristija. Jintużaw f’diversi Ċelebrazzjonijiet liturġiċi, mill-Quddiesa sal-Barka Ewkaristika, u t-talb personali. Huma wkoll ikkunsidrati bħala għajnuniet utli u importanti għall-katekeżi, u għall-katekisti fil-missjoni pastorali tagħhom, tant qaddisa u importanti, ta’ tagħlim lit-tfal, adolexxenti u żġħażagħ kif ukoll lill-katekumeni li jkunu qed iħejju lilhom infushom biex jitgħammdu u jħaddnu r-Reliġjon Nisranija u Kattolika.
Dawn l-innijiet Ewkaristiċi ta’ San Tumas ta’ Akwinu huma sinifikanti ferm għall-għarfien teoloġiku profond tagħhom u l-impatt dejjiemi tagħhom fuq il-qima Kattolika, partikularment matul il-Festa ta’ Corpus Christi u l-Adorazzjoni Ewkaristika. Dawn l-Innijiet jesprimu b’mod sabiħ u l-aktar qaddis il-Misteru tal-Ewkaristija Divina, billi jenfasizzaw il-Preżenza vera u reali ta’ Sidna Ġesù Kristu, bil-Ġisem, id-Demm, ir-ruħ u d-Divinità Tiegħu fl-Ewkaristija, u jnisslu dejjem aktar devozzjoni lejn das-Sagrament l-Aktar Qaddis.
Dawn l-Innijiet Ewkaristiċi ta’ San Tumas jesploraw profondalment il-Misteru tal-Ewkaristija Divina, billi jiffokaw fuq il-Preżenza reali tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu; in-Natura Sagrifiċċjali tal-Quddiesa, l-għaqda tal-fidili Nsara u Kattoliċi fil-komunjoni Ekklesjali, u n-nutriment spiritwali li l-Ewkaristija tipprovdilhom.
San Tumas juża xbihat ħajjin u mezzi retoriċi biex jesprimi kemm l-Istagħġib Spiritwali u Intellettwali tal-fidili Nsara u Kattoliċi u oħrajn kif ukoll id-Devozzjoni u l-Qima lejn dal-Misteru Ewkaristiku, u jistedinhom biex jikkontemplaw dejjem aktar il-Misteru profond tal-Imħabba ta’ Alla u l-għotja Tiegħu Nnifsu fl-Ewkaristija Divina.
Analiżi tal-Innijiet
● L-Innu “Lauda, Sion, Salvatorem…” (“Faħħar, O Sijon, is-Salvatur…”) Dal-Innu jiffoka fuq il-Tifħir lil Alla, speċjalment għad-Don u l-Għotja kbira tal-Ewkaristija Divina. F’dan l-Innu San Tumas juża s-simboliżmu biex juri l-Ewkaristija kemm bħala Sagrament ta’ nutriment kif ukoll bħala rappreżentazzjoni tas-Sagrifiċċju ta’ Kristu.
L-Innu jgħaqqad il-ħobż u l-inbid ikkonsagrati mal-Aħħar Ċena u l-Passjoni ta’ Kristu, filwaqt li jenfasizza l-Preżenza reali u l-għaqda tal-fidili permezz tal-Komunjoni Ekklesjali.
Juża wkoll is-simboliżmu biex jispjega l-Misteru tal-Ewkaristija, u jenfasizza li filwaqt li d-dehra tal-ħobż u l-inbid tibqa’, ir-realtà eżistenzjali, reali u attwali hija l-Preżenza ta’ Kristu. L-Innu jirrikonoxxi li l-Misteru tal-Ewkaristija jmur lil hinn mill-fehim uman, u bażikament jiddependi fuq il-Fidi…Fidi fil-Kelma ta’ Kristu waqt it-Twaqqif tal-Ewkaristija fl-Aħħar Ċena Tiegħu mal-Appostli. Essenzjalment, “Lauda Sion” huwa Innu teoloġiku li jiċċelebra l-Ewkaristija u s-sinifikat tagħha għall-fidili Insara u Kattoliċi kollha.
● L-innu Ewkaristiku “Pange Lingua Gloriosi Corporis Mysterium…” (“Għanni, ilsieni, il-glorja tal-Misteru tal-Ġisem…”), L-Innu ġie kompost biex jiċċelebra u jadura l-Misteru tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, preżenti realment u sostanzjalment fis-Sagrament tal-Ewkaristija. Miktub minn San Tumas speċifikament għall-użu liturġiku, partikularment matul is-Solennità tal-Festa ta’ Corpus Christi u l-Barka Ewkaristika. Dal-Innu huwa magħruf ukoll għaż-żewġ strofi konklużivi tiegħu: Tantum Ergo Sacraméntum u Genitóri, Genitóque li jitkantaw waqt il-Barka Sagramentali. Jiċċelebra l-Misteru tal-Inkarnazzjoni u l-Ewkaristija.
L-Innu huwa partikularment sinifikanti għall-Isqtarrija Solenni tiegħu tad-Duttrina tat-Transubstanzjazzjoni, it-twemmin li l-Ħobż u l-Inbid isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu fis-Sagrament tal-Ewkaristija.
● L-Innu “Sacris Solemniis…” (“F’din il-Festa Qaddisa Solenni tagħna…”), tradizzjonalment huwa kantat fis-Siegħa tal-Matutin fl-Uffizzju Divin tal-Brevjar fil-Festa ta’ Corpus Christi u waqt il-purċissjoni ta’ din il-Festa. Inkiteb fuq talba personali tal-Papa Urbanu IV għall-Festa ta’ Corpus. L-aħħar żewġ strofi tal-innu, ħafna drabi huma kantati bħala Innu separat imsejjaħ “Panis Angelicus,” li jiffokaw fuq il-kunċett tal-Ewkaristija bħala “Ħobż tal-Anġli”.
Dan l-innu wkoll jesprimi d-Duttrina tat-Transubstanzjazzjoni, filwaqt li jenfasizza t-twemmin li l-ħobż u l-inbid jiġu ttrasformati fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. L-Innu għandu l-għan li japprofondixxi l-fehim u l-apprezzament tal-fidili Insara u Kattoliċi fl-Ewkaristija, filwaqt li jenfasizza s-sinifikat tagħha bħala ikel spiritwali u fuq il-Preżenza ta’ Kristu f’ das-Sagrament l-Aktar Qaddis.
● L-Innu “Verbum Supernum Prodiens…” (“Il-Kelma li tinżel minn fuq…”) inkiteb minn San Tumas madwar is-sena 1264 għall-Festa ta’ Corpus Christi. Speċifikament, ġie kompost għas-Siegħa tal-Lawdi fl-Uffizzju Divin fil-Brevjar għal din il-festa.
Din hija waħda mis-Sigħat kanoniċi, talba fil-Brevjar. Il-Brevjar huwa ġabra ta’ talb miġbur fi ktieb apposta ta’ talb li partikularment u prattikament jingħad kuljum mis-saċerdoti u reliġjużi (għalkemm ħafna drabi, għall-Grazzja ta’ Alla jingħad ukoll minn ħafna lajċi…ħaġa tabilħaqq qaddisa u ta’ min ifaħħarha u jħeġġiġha fost l-Insara u l-Kattoliċi !).
• Din hija waħda mis- Sigħat kanoniċi li tradizzjonalment tingħad matul is-Sigħat tas-sebħ il-jum.
San Tumas kien ikkummissjonat mill-Papa Urbanu IV biex jikteb l-Uffizzju Divin u l-Propri tal-Quddiesa għall-Festa ta’ Corpus Christi.
Ta’ min jinnota li fil-ħames strofa ta’ dal-Innu nsibu din it-talba: “O Salutaris Hostia,Quæ cæli pandis ostium,Bella premunt hostilia; Da robur, fer auxilium”.
( bil-Malti: “O Vittma tas-Salvazzjoni Li tiftaħ il-bieb tas-sema, Il-gwerer jagħfsu forzi ostili;
Agħti s-saħħa, ġib l-għajnuna”).
Talba lil Ġesù Ewkaristiku li għandha tifsir u valuri kbar għall-bnedmin kollha ta’ kull żmien!
L-Innu jiffoka fuq l-Istituzzjoni tal-Ewkaristija minn Kristu fl-Aħħar Ċena u l-Passjoni u l-Mewt Tiegħu.
● L-Innu Ewkaristiku “Adoro te devote…” (“Nadurak bid-devozzjoni…”). Wisq probabbli, San Tumas kiteb dal-Innu bħala talba u espressjoni personali tal-Fidi u d-Devozzjoni kbar u profondi tiegħu fl-Ewkaristija, waqt l-Adorazzjonijiet privati tiegħu quddiem das-Sagrament l-Aktar Qaddis. Eventwalment, maż-żmien dan l-Innu sar Talba Popolari u maħbuba minn ħafna Insara u Kattoliċi li ħafna drabi jitkanta bħala Innu ta’ Radd il-Ħajr wara l-Quddiesa.
Jenfasizza l-Fidi, il-Fiduċja u l-Imħabba tal-bnedmin kollha quddiem il-Misteri tal-Ewkaristija Divina.
Fl-aħħarnett, essenzjalment, l-Innijiet Ewkaristiċi ta’ San Tumas ta’ Akwinu mhumiex biss poeżija sabiħa; imma fuq kollox u qabel kollox huma espressjonijiet qawwija ta’ Fidi li sawru t-teoloġija, il-liturġija u d-devozzjoni Kattolika għal sekli sħaħ fil-imgħoddi u għadhom jagħmlu hekk fiż-żminijiet preżenti u bla dubju ta’ xejn se jibqgħu jagħmlu hekk fil-ġejjieni, għall-ġenerazzjonijiet sħaħ fil-futur.