VJAĠĠ APOSTOLIKU FIL-KANADA
KONĊELEBRAZZJONI AD UNUR TAL-VERĠNI MARIJA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU IISantwarju ta’ Notre-Dame du Cap
It-Tnejn, 10 ta’ Settembru 1984
Għeżież ħuti.
1. “Imbierka dik li emmnet!” (Lq 1, 45).
Dan il-kliem kien indirizzat lil Marija ta’ Nażżaret minn kuġinitha Eliżabetta, waqt il-Viżitazzjoni.
Dan jagħmel parti mit-tieni tislima li rċeviet Marija. L-ewwel kienet dik tal-Anġlu, fil-waqt tal-Annunzjazzjoni: “Insellimlek, o mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek” (Lq 1, 28). Hekk esprima ruħu Gabrijel, il-messaġġier mibgħut minn Alla f’Nażżaret, fil-Galilea.
Fl-okkażjoni taż-żjara ta’ Marija fid-dar ta’ Żakkarija, din it-tislima ssib fuq xuftejn Eliżabbetta il-kumpliment uman tagħha: “Imbierka int fost in-nisa, u mbierek il-frott ta’ ġufek” (Lq 1, 42).
Din it-tislima umana u dik tal-anġlu lil Marija huma ssustanzjati mill-istess dawl. Kemm waħda kif ukoll l-oħra huma l-kelma ta’ Alla, fuq xuftejn l-arkanġlu kif ukoll dawk ta’ Eliżabbetta.
Il-waħda u l-oħra jiffurmaw sett unifikat. Il- waħda u l-oħra saru t-talba tagħna lill-Omm ta’ Alla, it-talba tal-Knisja. “U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?”. (Lq 1, 43).
Eliżabetta kienet l-ewwel li pprofessat il-fidi tal-Knisja: “Omm Sidi, Omm Alla,“Theotokos”!
2. “Imbierka dik li emmnet fit-twettiq ta’ kliem il-Mulej!” (Lq 1, 45).
Illum, dan il-kliem ta’ Eliżabbetta indirizzat lil Marija fil-Viżitazzjoni, huwa ripetut fil-Knisja kollha.
B’dan il-kliem, il-Knisja kollha tbierek fuq kollox lil Alla nnifsu: “Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu” (1 Pt 1, 3).
Sidna, Ġesù Kristu, huwa l-Iben, Huwa tal-istess natura tal-Missier. Sar bniedem bl-opra tal-Ispirtu Santu. Ħa l-ġisem fl-Annunzjazzjoni fil-ġuf tal-Verġni ta’ Nażżaret, u twieled minnha bħala veru bniedem. Huwa hu Alla magħmul bniedem.
Fil-prattika, dan seħħ f’Marija fil-waqt tal-Annunzjazzjoni tal-anġlu, U f’dan, f’dan il-misteru, hija emmnet, l-ewwel waħda, hija emmnet f’Alla stess fuq il-kliem tal-anġlu. Hija qalet “fiat”, isir minni dak li għidtli! “hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej”.
U hekk kien.
Meta l-Knisja tbierek lil Alla, Missier Ġesù Kristu, bil-kliem ta’ l-ewwel ittra ta’ Pietru, hija tbierek ukoll din il-“fiat” ta’ Marija, tal-qaddejja tal-Mulej.
3. Bil-kliem tal-appostlu Poetru, il-Knisja tingħaqad ma’ Marija fil-fidi tagħha.
“Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu; li fil-ħniena kbira tiegħu raġà wellidna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet u għal wirt li la jitħassar, la jittabba u linqas jinxef. Dan il-wirt hu merfugħ għalikom fis-sema għax intom tinsabu taħt il-ħarsien ta’ Alla fil-fidi tagħkom li twassal għas-salvazzjoni li lesta biex tidher fl-aħħar taż-żminijiet” (1 Pt 1, 3-5).
Hawn hi l-fidi tal-Knisja u t-tama tal-Knisja. Imma ‘l fuq minn dan kollu, hawn hi l-fidi ta’ Marija. Hija għandha l-parti tagħha, parti predominanti, fil-fidi u fit-tama tal-Knisja. Hija emmnet qabel l-Appostli. Meta l-parentela tagħha ma emmnitx f’Ġesù (Ġw 7, 5), u l-folol kellhom iktar entużjażmu milli fidi, hija kienet inkrollabli fil-fidi.
Marija hija l-mudell primordjali tal-Knisja li timxi fit-triq tal-fidi u fit-triq tat-tama. Fil mixja tal-fidi, tat-tama u tal-karità. Fil-kostituzzjoni tal-Knisja, il-Konċilju Vatikan II jesprimi ruħu hekk:”Tal-Knisja – Omm Alla hija figura fl-ordni tal-fidi, tal-karità u tal-għaqda perfetta ma’ Kristu – Għal fidi u l-ubbidjenza tagħha iġġenerat fuq l-art l-istess Iben ta’ Alla – bħala Eva ġdida billi emmnet mhux fis-serpent antik, imma lill-messaġġier ta’ Alla, Tat imbagħad għad-dawl lill-Iben, li Alla qiegħed bħala il-primuġenitu fost il-ħafna aħwa (Rm 8, 29), jiġifieri fost il-fidili, għar-riġenerazzjoni u l-formazzjoni ta’ liema hija tikkopera bi mħabba ta omm” (Lumen Gentium, 63).
4. “Imbierka dik li emmnet” –
Dan il-kliem ta’ Eliżabbetta li l-Knisja kollha għamlet tagħha, aħna nirrepetuh illum fis-santwarju ta’ Notre-Dame du Cap fl-art Kanadiża.
Il-Knisja li hawn fuq din l-art tintela bil-ferħ billi tipprofessa, f’dan l-istess post, is-sehem tagħha fil-fidi ta’ Marija.
Mal-Knisja kollha universali, il-Knisja tagħkom tiżżi ħajr lil Marija talli għenitha biex tibni l-fidi tal-poplu ta’ Allat u lill-korsa ta’ ġenerazzjonijiet numerużi.
5. Iva, mill-waqt li fih ix-xhieda tal-fidi kattolika twasslet fuq l-art Kanadiża, u kienet aċċettata mill-popolazzjoni, il-Verġni Marija kellha parti mportanti fl-adeżjoni ma’ Ġesù Salvatur, il-Verb inkarnat fiha, u fit-tkabbir ta’ dan il-poplu ta’ kredenti. Il-fundaturi ta’ din il-Knisja kienu bnedmin ta’ fidi kbira, ikkonsagrati lil Notre Dame. Ma setax ikun mod ieħor. U hekk fil-Pajjiżi kollha, u intom tafu li l-kompatrijoti tiegħi fil-Polonja għamlu esperjenza profonda,. Din hija devozzjoni ankrata b’mod qawwi ħafna fil-qalb tal-poplu nisrani, fit-talb ta’ kuljum, fil-familji u fil-komunitajiet parrokkjali, u din titwettaq dejjem bil-bini ta’ diversi santwarji marjani important, fejn il-fidili jħobbu jmorru f’pellegrinaġġi u fejn il-Verġni nfisha turi b’mod partikolari l-interċessjoni qawwija tagħha.
Dan kien il-każ ta’ hawn, u, għeżież ħuti, intom tafu bla ebda dubju l-istorja. Se nfakkarha għaliex jiena wkoll intlaqatt. Fl-1651, l-abati Jacques de la Ferté, kappillan ta’ Sainte-Madeleine de Châteaudun, fi Franza, ta’ rigal tal-fewdu – tal-Cap – lill-missjunarji Ġiżwiti. Fir-raħal li huma fis waqqgfu f’dan il-post, fil-jum tal-Preżentazzjoni ta’ Marija, il-parroċċa ngħatat l-isem ta’ Cap-de-la-Madeleine; id-devozzjoni Marjana saret tali li Kongregazzjoni tar-Rużarju kienet diġa ġiet imwaqqfa qabel it-tmiem tas-seklu XVII. Kien hawn li fl-1714, inbena santwarju li mbagħad sar is-santwarju Marjan nazzjonali u l-iktar knisja antika tal-Kanada. Imma t-tradizzjoni tittrażmettilna numru ta’ fatti ferm iktar kommoventi. Fl-1879, il-parruċċani ta’ Cap-de-la-Madeleine, tul ix-xitwa kollha talbu lill-Verġni Marija u ħadmu b’Kuraġġ li qatt ma nstemà bħalu, biex jittrasportaw hawn il-ġebel meħtieġ għall-bini Marjan il-ġdid, fuq pont ta’ silġ li b’mod providenzjali ifforma ruħu fuq ix-xmara San Lawrenz, minn dak iż-żmien imsejjaħ il-pont tar rużarji. U huma ħaduha bħala sinjal li l-Verġni kienet approvat din l-inizjattiva. Dawn il-fatti, għeżież ħuti, huma xhieda meraviljuża tal-fidi ta’ missirijietkom, tal-fehim ġust tar-rwol ta’ Marija fil-Knisja. Minn dak iż-żmien, ‘il hawn, mill-Kanada kollha, eluf ta’ Pellegrini ġew ifittxu fidi u kuraġġ għand Ommhom! Nies ta’ kull età u ta’ kull kondizzjoni, umli u foqra b’mod speċjali, koppji żgħażagħ u anzjani, ġenituri nkwetati minħabba l-edukazzjoni ta’ wliedhom żgħażagħ, persuni jfittxu lil dak li huwa “it-triq, il-verità, u l-ħajja”; morda jfittxu żieda ta’ fidi u ta’ tama; missjunarji li ġew biex jikkonsagraw l-apostolat diffiċli tagħhom lis-sultana tal-appostli; dawk kollha li jixtiequ mbuttatura ġdida biex jaqdu lill-Mulej, jaqdu lill-Knisja, jaqdu lil ħuthom, kif għamlet Marija meta marret għand Eliżabbetta.
Dawn il-pellegrinaġġi jgħinuna ngħixu “sigħat fis-sema” kif jgħidu xi wħud, fil-ferħ tal-fidi, ma’ Marija; u bogħod milli jġegħluna naħarbu mill-impenji ta’ kuljum tagħna, huma jagħtuna qawwa ġdida biex ngħixu l-Vanġelu llum, kif ukoll jgħinunafil-qsim sax-xatt l-ieħor tal-ħajja, fejn Marija “diġa tiddi quddiem il-poplu pellegrin ta’ Alla bħala sinjal ta tama sikura u ta’ konsolazzjoni” (Lumen Gentium, 68).
Iva dan il-pellegrinaġġ Marjan jibqà grazzja mmensa magħmula għall-poplu Kanadiż. Jalla l-influss ta’ dawk li jitolbu, ma jintemm qatt f’dan il-post! Jalla spiss jimla mill-ġdid din il-bażilika minkom riċentement mibnija mill-ġdid u mkabbra taħt l-isem ta’ Notre-Dame de l’Immaculée-Conception! Naħseb b’sodisfazzjon dwar dawk l-għaxart elef żagħżugħ tal-iskejjel primarji tal-Kanada, li ġew hawn biex iħejju ż-żjara tiegħi. Rajt il-messaġġi li bagħatuli f’din l-okkażjomi. Jiena niżżihom ħajr. Nifirħilhom u ngħidilhom: ma’ Marija, ibnu intom ukoll il-Knisja tal-Kanada.
Jiena stess, hekk mixtieq li nimmarka kull waħda miż-żjajjar tiegħi b’pellegrinaġġ għas-santwarju kbir Marjan tal-Pajjiż, inħossni mqanqal u sodisfatt li nagħmel lili nnifsi pellegrin ta’ Marija, f’dan il-post, u li nirrakkomanda lil Ommna l-missjoni apostolika tiegħi u l-fedeltà tal-poplu kollu nisrani tal-Kanada.
6. Illum, infatti, ġejna fis-santwarju ta’ Notre-Dame du Cap minħabba li aħna ġenerazzjoni ta’ zmienna.
Ġejna biex nitolbu mal-Isqof ta’ Trois-Rivières, Monsinjur Laurent Noël, mad-dijoċesani kollha tiegħu u dawk li, mir-reġġjuni kollha, telqu bil-mixi lejn dan il-post Marjan.
Ġejna biex nirrepetu flimkien ma’ Eliżabbetta: “Ħienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!” (Lq 1, 45).
Ġejna biex inwettqu s-sehem tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna fil-fidi ta’ Omm Alla. Fil-wirt sabiħ li ħallitilna u li għamlet minnkom dak li intom, il-fidi kienet primordjali u d-devozzjoni lejn Marija, li lilha kienu kkonsagraw lilhom infushom l-antenati tagħkom, żammet post important fil-fedeltà lejn din il-fidi.
Ġejna biex nitrasferixxu b’xi mod dan is-sehem fil-qalb tal-ġenerazzjoni tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri .
Il-kliem indirizzat minn Alla lil Marija twettaq. Dan it-twettiq jissejjaħ Ġesù Kristu.
Meta l-Irxuxtat jippreżenta ruħu quddiem l-appostli, wara l-passjoni,, wieħed minnhom, Tumas, li kien nieqes f’dak il-waqt, ma riedx jemmen. Ġimgħa wara huwa ra lil Kristu u stqarr: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20, 28). U semà lill-Imgħallem igħidlu: “Emmint għax rajt: imberkin dawk li jemmnu mingħajr ma jaraw!” (Ġw 20, 29).
U intom, għeżież ħuti. “intom tħobbu lil Kristu minkejja li ma rajtuhx u temmnu fih bla ma tarawh . . .” (1 Pt 1, 8). F’din il-fidi ssibu għajnuna f’Marija, Omm Kristu: hi kienet l-ewwel waħda li emmnet! Hija rwassalkom għandu.
Ejjew nitolbu f’dan il-post għall-ġenerazzjoni tagħna, sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jipparteċipaw fil-fidi ta’ Omm Alla.
Din il-fidi tgħinkom biex tissaportu t-tbatijiet u l-pieni tal-ħajja, tgħinkom biex tipperseveraw fit-tama ukoll fil-“provi differenti”. Barra minn dan, dawn il “provi jivverifikaw l-kwalità tal-fidi tagħkom li hija ferm iktar prezzjuża mid-deheb, li, għalkemm iddestinat biex jintemm, jgħaddi mill-prova tan-nar” (1 Pt 1, 7).
Ejjew nitolbu sabiex il-ġenerazzjoni tagħna jkollha fidi koxjenti u għanja ta’ maturità, fidi ppruvata sewwa! Li tali fidi tkun sehem fil-fidi ta’ Marija, li tinsab wieqfa f’riġlejn is-salib ta’ Binha fuq il-Kalvarju. Il-prova l-kbira ta’ Marija ma kinitx dik li tara lil Binha miċħud u kkundannat għall-mewt mill-kapijiet tal-poplu tiegħu? Hija segwietu sal-aħħar. Qasmet miegħu kollox. Hija ngħaqdet ma’ Ġesù li kien qed joffri ħajtu għas-salvazzjoni tad-dinja – u aħna, meta Alla jinħass bogħod, meta ma nifhmux it-toroq tiegħu, meta s-salib iferi spallejna u qlubna, meta nbatu minħabba l-fidi tagħna, ejjew nitgħallmu minn Ommna s-sodizza tal-fidi fil-prova, u kif niksbu qawwa u kuraġġ mill-attakkament inkondizzjonat tagħna ma’ Ġesù Kristu.
7. Huwa hekk li Marija setgħet tirrepeti b’mod singulari dan il-kliem, ippronunzjat fil”Magnificat” tagħha: “Huwa xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1, 48).
Iċ-ċokon ta’ Marija assoċjat f’għaqda feddejja mal-għera tal-Iben imsallab!
Il-Knisja kollha, waqt li tħares lejn Marija f’riġlejn is-salib, tirrepeti b’eżultanza: “Imbierka dik li emmnet . . .”.
U hawn hu li din il-fidi ta’ Marija f’riġlejn is-salib tidher bħala l-ewwel sebħ tal-għodwa tal-Għid.
Is-salib u l-qawmien mill-imwiet jingħaqdu f’misteru wieħed: il-misteru paskwali.
Il-Knisja tgħix, minn jum għal jum, dan il-misteru.
U timmeditah fit-talba, u hawn, it-talba tar-Rużarju, tal-kuruna, tassumi l-importanza kollha tagħha. Huwa ma’ Marija, għar-ritmu tat-tislima anġelika, li aħna nidħlu fil-misteru kollu ta’ Binha, magħmul bniedem, mejjet u rxuxtat għalina. F’santwarju bħal dak ta’ Notre-Dame du Cap, imma wkoll fil-ħajja ta’ kull nisrani, ta’ kull familja, din it-talba Marjana għandha tkun bħan-nifs ta’ kuljum.
Il-Knisja timmedita, imma tiċċelebra wkoll il-misteru paskwali ineffabbli (li ma jistax jitfisser bil-kliem), kuljum, fl-Ewkaristija. Hija propju din il-quċċata tal-assemblea tagħna ta’ kredenti il-lejla: ma’ Marija noqorbu lejn is-sors, ningħaqdu fl-offertà ta’ Binha, nitrejqu b’ħajtu: “Misterju tal-fidi!”.
U jum wara jum il-Knisja tesprimi l-ferħ eżuberanti tagħha quddiem dan il-misteru, billi toħroġ is-sigriet tiegħu mill-qalb tal-Omm ta’ Kristu fil-waqt li hi tkanta l-“Magnificat”:
“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej – għax is-setgħani ħwejjeġ kbar għamel miegħi. Qaddis hu l-isem tiegħu . . .” (Lq1, 46.49).
Ejjew nitgħallmu minn Marija s-sigriet tal-ferħ li joħroġ mill-fidi, bl-iskop li jdawwal magħha l-ħajjiet tagħna u l-ħajjiet tal-oħrajn. Il-Vanġelu tal-Viżitazzjoni huwa mfawwar bil-ferħ: l-ferħ li aħna invistati minn Alla, il-ferħ li niftħu l-bibien lir-Redentur. Dan il-ferħ huwa l-frott tal-Ispirtu Santu, u ħadd ma jistà jeħodulna jekk nibqgħu fidili lejh.
O Omm! Notre-Dame du Cap!
Agħmel li l-Knisja fl-art Kanadiża tikseb dejjem il-qawwa tal-fidi tagħha fil-misteru paskwali ta’ Kristu!
Agħmel li hija tiksibha mill-“Magnificat” tiegħek”!
Is-Setgħani għamel tassew ħwejjeġ kbar għalina.
Qaddis hu l-isem tiegħu!
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb