L-aħwa Ingliżi jgħidu: You can’t have the cake and eat it.
Spiss naħsbu li nistgħu nkunu ma’ Kristu u fl-istess ħin inkunu kompjaċenti (jiġifieri naqblu u nagħlqu għajnejna) ma’ dak li d-dinja tipproponi llum.

Alla jfakkarna fil-Liturġija tal-XX Ħadd tas-Sena Ċ, li jekk INT MA’ KRISTU STENNA li:
- Bħal Ġeremija l-Profeta jitfgħuk ġo bir mimli ħama;
- Bħal Ġwanni l-Battista jitfgħuk ġo ħabs;
- Bħal Kristu tispiċċa tirċievi passjoni ħarxa u tissallab fuq salib.
L-aħwa, d-dinja b’mod ġenerali MA’ TRIDX LIL KRISTU.
Il-flus u l-poter huma l-allat li ħafna llum aktar minn qatt qabel jinżlu għarkuptejhom biex jaduraw.
U l-bniedem jitbagħal u jqarraq biex jaqla’ l-flus u jitbagħal biex ikun hu li jkollu l-ħabel f’idejh, spiss mhux bħala mezz kif taqdi, imma biex il-persuna tkun moqdija hi.
Il-problema hi waħda, li iva flus u poter tista’ tasal li jkollok one way or another, imma l-paċi tiġi BISS meta:
- bħal Ġesu’ tinża min-natura tiegħek ta’ Alla u tilbes fardal;
- bħal Marija tiftaħ idejk għal dak kollu li jiġi minn idejn Alla;
- bħal Ġużeppi tilqa’ lil Marija bħala martek u tkun hemm għaliha anki jekk għalik dan ikun ifisser li trid tarmi l-baħar dak kollu li kont dejjem timmaġina li se tkun il-ħajja miżżewġa tiegħek.
Bħala patrijiet, aħna ninsabu hawn għax darba waħda mara, jisimha Tereża ta’ Ġesu’ li kellha mħabba kbira lejn Ġesu’.
Spiss wieħed jew waħda jaħsbu li jistgħu jkollhom l-ulied jekk l-imħabba ta’ bejniethom twassal għal dan il-frott. Spiss jistgħu jaslu li jaħsbu li jkollok it-tfal is as easy as ABC.
Il-veru ġenitur huwa dak li apparti li fiżikament ikollu l-ulied, imma li li dawn l-ulied, jew lil oħrajn li jiġi f’kuntatt magħhom (anki jekk mhux uliedu) tant jarawh li hu bniedem ta’ fidi li huma wkoll jibdew jgħixu skond dawk il-valuri li jaraw lil dik il-persuna tgħix. Hemmhekk uliedek isiru wliedek tassew għax tassew kif ngħidu ‘il-fulu bint il-miżweb u r-razza dejjem tiġbed’.
Jekk id-dna tiegħek bħala ġenitur hu magħmlu minn kif nagħmel il-flus u nkun komndu għax life is now, tistenniex li wliedek se jkunu differenti minnek. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħażin jiġbed aktar mit-tajjeb.
Għalhekk Ġesu’ llum fil-Vanġelu qiegħed jgħid: “taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda” (Lq 12, 50).
Ġesu’ ġie fid-dinja biex iġib il-paċi, u l-Anġli hekk kantaw il-mument li huwa twieled, imma l-anġli kantaw li l-paċi se tkun biss għal ‘dawk kollha ta’ rieda tajba’.
Mal-prinċipji tal-Vanġelu MA NISTGĦUX NILGĦABU jew NGĦAWĠUHOM skond kif jaqbel lilna. Il-prinċipji tal-Vanġelu mhumiex chewing gum jew plassissin.
Ma’ Kristu, jew Vi jew Va, u din il-linja bejn il-Vi u l-Va spiss twassal biex anki wliedek jew il-membri tal-familja tiegħek stess ma jkunux iridu jkunu jafu bik aktar.
Mela tajjeb nissogra li nitlef ruħi, biex ma ndarras lil ibni jew lil binti billi ngħidilha bil-ħlewwa kollha, imma b’mod sod, li kif qegħdin jgħixu huwa kontra l-liġi ta’ Alla!!!!
Nagħmel kompromess bħalma Pilatu għamel kompromess mal-poplu biex ma jkollix trouble magħhom.
Imma b’dawn il-kompromessi, huma DEJJEM l-innoċenti li SE JIBQGĦU VITTMI MAL-ĠEMB TAT-TRIQ TAL-ĦAJJA.
RUĦ WAĦDA GĦANDNA U RRIDU NIBŻGĦU GĦALIHA.
Timmaġinak int GĦAL DEJJEM fl-infern (barra minn fuqna) ma xjaten u rwieħ INDANNATI U BLA TAMA QUDDIEMHOM?
Jew inkella timmaġinak f’riġlejn Marija titpaxxa bil-ġmiel u bl-imħabba ta’ Alla, u msieħeb minn erwieħ twajba li l-Vi tagħhom kienet dejjem Vi u mhux Va?
Ma ninsewx ‘li min jidħaq l-aħħar jidħaq l-aħjar’.