Il-Papa Ljun XIV dwar l-għotja. “Lil min qegħdin tfittxu?”

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Awla Pawlu VI
L-Erbgħa 27 ta’ Awwissu 2025

Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. III. L-Għid ta’ Ġesù. 4. L-għotja. “Lil min qegħdin tfittxu?” (Ġw 18:4)

Għeżież ħuti,

Illum se nieqfu fuq xena li timmarka l-bidu tal-Passjoni ta’ Ġesù: il-mument tal-arrest tiegħu fil-Ġnien taż-Żebbuġ. L-evanġelista Ġwanni, bil-profondità tiegħu tas-soltu, ma jippreżentalniex Ġesù mwerwer, li jaħrab u jmur jinħeba. Bil-maqlub, jurina bniedem ħieles, li jagħmel pass ’il quddiem hu u jieħu l-kelma f’idejh, u jaffronta b’wiċċu minn quddiem is-siegħa li fiha jista’ jidher id-dawl tal-ikbar imħabba.

“Ġesù, li kien jaf b’kulma kien ġej fuqu, mar fuqhom u qalilhom: ‘Lil min qegħdin tfittxu?’” (Ġw 18:4). Ġesù jaf. Madankollu, jiddeċiedi li ma jħarisx lura. Hu jingħata. Mhux għax hu dgħajjef, imma bi mħabba. Imħabba hekk sħiħa, hekk matura, li ma tibżax mir-rifjut. Ġesù ma jiġix maqbud: iħalli lil min jaqbdu. Mhuwiex vittma ta’ arrest, imma awtur ta’ għotja. F’dan il-ġest tinkarna tama ta’ salvazzjoni għall-umanità tagħna: għax nafu li, imqar fl-iktar siegħa mudlama, nistgħu nibqgħu ħelsin li nħobbu sal-aħħar.

Meta Ġesù jwieġeb “jiena hu”, is-suldati jaqgħu mal-art. Din hi silta misterjuża, ladarba din l-espressjoni, fir-rivelazzjoni biblika, tfakkar fl-isem ta’ Alla nnifsu: “Jiena Hu”. Ġesù juri li l-preżenza ta’ Alla tidher proprju hemm fejn l-umanità ġġarrab l-inġustizzja, il-biża’, is-solitudni. Proprju hemm, id-dawl veru lest jibbrilla bla biża’ li jiġi mgħaffeġ mid-dlamijiet.

Fil-qalba tal-lejl, meta kollox jidher qed jikkrolla, Ġesù juri li t-tama Nisranija mhijiex ħarba mir-realtà, imma deċiżjoni. Dan l-atteġġjament huwa l-frott ta’ talba profonda li fiha ma nitolbux lil Alla li niġu meħlusa mit-tbatija, imma li jkollna l-qawwa nipperseveraw fl-imħabba, għax nafu li l-ħajja mogħtija b’mod ħieles ma tistax tittieħed mingħand ħadd.

“Jekk qegħdin tfittxu lili, ħallu lil dawn imorru” (Ġw 18:8). Fil-mument tal-arrest tiegħu, Ġesù ma joqgħodx jara kif ħa jeħles lilu nnifsu: jixtieq biss li l-ħbieb tiegħu jistgħu jitilqu ħielsa. Dan juri li s-sagrifiċċju tiegħu huwa att veru ta’ mħabba. Ġesù jħalli lill-għases jaqbduh u jixħtuh il-ħabs biss biex jista’ jħalli fil-libertà lid-dixxipli tiegħu.

Ġesù għex kull ġurnata tal-ħajja tiegħu bħala preparazzjoni għal din is-siegħa drammatika u sublimi. Għalhekk, meta din tasal, hu jsib il-qawwa li ma jfittixx kif ħa jaħrab. Qalbu taf tajjeb illi li jitlef ħajtu għall-imħabba mhuwiex falliment, imma f’dan hemm frott misterjuż. Bħall-ħabba tal-qamħ li proprju meta taqa’ mal-art li ma tibqax waħidha, imma tmut u tagħmel il-frott.

Anki Ġesù jħossu mħawwad quddiem mixja li tidher qed twassal biss għall-mewt u għat-tmiem. Imma hu daqstant ieħor persważ li hija biss dik il-ħajja li tintilef għall-imħabba li tista’, fl-aħħar mill-aħħar, terġa’ ssib lilha nfisha. F’dan qiegħda t-tama vera: mhux li tfittex kif ħa taħrab it-tbatija, imma f’li temmen li, anki fil-qalba tat-tbatijiet l-aktar inġusti, hemm moħbija ż-żerriegħa ta’ ħajja ġdida.

U aħna? Kemm drabi niddefendu l-ħajja tagħna, il-proġetti tagħna, iċ-ċertezzi tagħna, bla ma nintebħu li, meta nagħmlu hekk, nibqgħu waħidna. Il-loġika tal-Vanġelu hi differenti: iwarrad biss dak li jingħata, hija biss l-imħabba li tingħata b’xejn li tista’ terġa’ ġġib fiduċja anki hemm fejn kollox jidher mitluf.

Il-Vanġelu ta’ Marku jirrakkontalna wkoll dwar żagħżugħ li, meta Ġesù jiġi arrestat, jaħrab għeri (Mk 14:51). Hija xbieha enigmatika, imma profondament evokattiva. Anki aħna, fit-tentattiv li nimxu wara Ġesù, ngħixu mumenti li fihom ninqabdu fuq sieq waħda u nispiċċaw imneżżgħin miċ-ċertezzi tagħna. Huma l-aktar mumenti ibsin, li fihom aħna ttentati nabbandunaw it-triq tal-Vanġelu għax l-imħabba tidhrilna vjaġġ impossibbli. U madankollu, kien proprju żagħżugħ, fi tmiem il-Vanġelu, li ħabbar il-qawmien lin-nisa, mhux iżjed għeri, imma mlibbes b’libsa bajda.

Din hija t-tama tal-fidi tagħna: id-dnubiet tagħna u l-eżitazzjonijiet tagħna ma jżommux lil Alla milli jaħfrilna u jroddilna x-xewqa li nerġgħu nibdew mexjin warajh, biex jagħmilna kapaċi nagħtu ħajjitna għall-oħrajn.

Għeżież ħuti, nitgħallmu aħna wkoll ningħataw f’idejn ir-rieda tajba tal-Missier, u nħallu li l-ħajja tagħna tkun tweġiba għall-ġid li rċivejna. Fil-ħajja ma jiswiex li jkollna kollox taħt kontroll. Biżżejjed nagħżlu ta’ kuljum li nħobbu bil-libertà. Din hija l-vera tama: li nafu li, anki qalb id-dlam tal-prova, l-imħabba ta’ Alla tweżinna u tkabbar fina l-frott tal-ħajja ta’ dejjem.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading