Your success story starts here. Kitba ta’ P. Juan De Bono ocd

Forsi dawk fostkom li juża it-telgħa ta’ Kordin għandkom mnejn innuttajtu banner kbir imwaħħal mal-ħitan bil-kitba: MCAST YOUR SUCCESS STORY STARTS HERE.

U jiena nsaqsi lili nnifsi waqt li naqra ta’ kulljum dan il-banner, imma fuq liema suċċess qegħdin jitkellmu?

Bla dubju ta’ xejn li kif kien igħallem San Ġorġ Preca, ‘l-edukazjoni’ tibqa’ dejjem ‘l-għajn ta’ kull ġid’, u dan peress li tiftaħlek moħħok u l-oriżżonti twessagħhomlok.

Iva l-edukazjoni tista’ twasslek ukoll li jkollok job aħjar b’paga għola.

Imma d-domanda tibqa’ waħda, fuq liema suċċess qegħdin nitkellmu? Għax ngħiduha kif inhi: ‘x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ruħu?’

Għalhekk nemmnu li l-vera suċċess il-bniedem jasal għalih BISS meta wara li jgħix il-Vanġelu, fil-bieb tal-Ġenna jsib lir-Ragħaj it-tajjeb li jilqgħu b’idejH it-tnejn miftuħa u jħaddnu miegħU.

Insomma HUWA BISS JEKK INSIRU QADDISIN LI NKUNU TASSEW GĦAMILNA SUĊĊESS Fil-ĦAJJA.

U allura our success story BDIET QRIB TAL-FONTI TAL-MAGĦMUDIJA.

HEMM BDIET GĦALINA MIXJA EĊĊITANTI.

Monika kienet mara twajba.

Monika (iillum il-festa tagħħa) kellha iben li moħħu kien itih. Kien jismu Wistin (għada mbagħad hija l-Festa tiegħu).

Wistin lil Monika għamilha nanna.

Wistin imma ma riedx li jitgħammed jew b’xi mod jimxi mat-tagħlim ta’ Ġesu’ kif jaslilna permezz tal-Knisja. Anzi Wistin kien ħaddan tagħlim eretiku u b’saħħtu kollha kien jippriedka t-tagħlim qarrieq.

Monika bkiet fuq li bkiet.

Binha Wistin kien fenomunu fuq livell uman, bħala omm setgħet tkun ‘proud’ b’binha, u b’danakollu Monika kienet qalbha maqsuma fuq binha.

U Alla semgħa t-talba tal-omm.

Ġara li jum minnhom Wistin inzerta Milan u hemm huwa tpaxxa jisma’ lil Sant Ambroġju jippriedka.

Wistin iddeċieda li jirċievi l-magħmudija.

Monika issa kienet kuntenta u kienet serena li setgħet tmut, għax issa binha Wistin kien qabad it-triq li setgħet twasslu għal vera ‘success story’.

Eventwalment Wistin sar saċerdot.

Wistin uża l-għerf li Alla kien żejnu bih biex issa beda jiddefendi l-fidi Kattolika.

Mijiet ta’ snin wara, kull saċerdot fid-dinja (madwar 400,000) għadna nirċievu l-formazjoni

intelletwali tagħna mibnija fuq ħsibijiet u modi ta’ kif jinbena ħsieb, skond skemi li wasslilna dan il-kbir Qaddis (Wistin) flimkien mal-ħsibijiet li wasslulna mid-Dumnikan San Tumas d’Aquinas.

Wistin ġie kkonsagrat Isqof u kien l-ispirazjoni fl-istutuzjoni ta’ Ordni Religjuż: l-Agostinjani.

Papa Ljun XIV huwa patri Agostinjan.

Papa Ljun XIV huwa l-ewwel Papa Agostinjan.

Ohhhhhhhhhhhh l-aħwa kieku kull missier u omm fid-dinja bħal Monika ifittxu, jistinkaw u jitolbu li l-ulied li Alla jkun fdalhom f’idejhom jaslu għas-suċċess tassew, fejn il-kamla ma tgerrimx u fejn il-ħadid ma jissaddadx.

Il-Font tal-magħmudija għalhekk jibqa’ l-imkien fejn ‘our success story starts’.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading