Messaġġ tal-Papa Ljun XIV lill-Kungress tar-Reliġjonijiet Tradizzjonali

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-PARTEĊIPANTI FIT-8  KUNGRESS TAL-MEXXEJJA TAD-DINJA U TAR-RELIĠJONIJIET TRADIZZJONALI

[Palazz tal-Indipendenza f’Astana (Kazakhstan), 17-18 ta’ Settembru, 2025]

Paċi, Peace, Shalom, Salam, Бейbітшілік (Beybitshilik)!

Insellem minn qalbi lil kulmin qed jieħu sehem fit-8 Kungress tal-Mexxejja tad-Dinja u tar-Reliġjonijiet Tradizzjonali, li qed jiltaqa’ f’Astana bit-tema “Djalogu bejn ir-Reliġjonijiet: Sinerġija għall-Ġejjieni”.  Bi gratitudni nsellem lill-Eċċellenza Tiegħu s-Sur Kassym-Jomart Tokayev, President tar-Repubblika tal-Kazakhstan.

Intom inġbartu minn kull rokna tad-dinja biex iġġeddu l-ħbiberiji u tibdew oħrajn ġodda, magħqudin bix-xewqa li nfejqu lid-dinja tagħna mkissra u miġrugħa.  Dit-tema hi f’waqtha b’mod speċjali għax qed tenfasizza r-rwol tad-djalogu inter-reliġjuż f’era ta’ kunflitti vjolenti

“Is-sinerġija” tfisser li naħdmu flimkien – kemm ma’ xulxin u wkoll mad-Divin.  Kull impuls reliġjuż awtentiku irawwem id-djalogu u l-koperazzjoni, li l-bażi tiegħu hu l-għarfien intrinsiku tal-inter-dipendenza li torbot flimkien lill-individwi u lin-nazzjonijiet.  Minn dil-perspettiva, il-ħidma flimkien f’armonija mhix sempliċi għażla pragmatika imma rifless aktar profond tar-realtà.  Taqbel mal-istruttura stess tal-eżistenza kondiviża tagħna bħala membri ta’ familja umana waħda.  Fil-fond tal-kuxjenza tagħna, dan l-għarfien iqajjem sens profond ta’ solidarjetà – il-konvinzjoni li aħna responsabbli ta’ xulxin (cfr. Ġwanni Pawlu II, Sollecitudo Rei Socialis, 30 ta’ Diċembru, 1978, 38).  Is-solidarjetà, mela, hija sinerġija fl-azzjoni: l-istqarrija tal-imħabba lejn il-proxxmu tagħna bħalna nfusna mgħejxha fuq skala globali.

Dil-kollaborazzjoni ma tfissirx li għandna ninsew id-differenzi, aktarx hi stedina biex id-diversità nqisuha sors ta’ arrikkiment reċiproku.  Il-Knisja Kattolika, min-naħa tagħha tagħraf u tistma dak kollu li hu “minnu u qaddis” fir-reliġjonijiet l-oħra (Nostra Aetate, 28 ta’ Ottubru, 1965, 2).  Tabilħaqq, tipprova trawwem sinerġija awtentika billi d-doni distinti ta’ kull tradizzjoni tqiegħdhom għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd fuq il-mejda tal-laqgħa, fejn kull fidi tkun kontribut lejn is-servizz tal-ġid komuni bl-għerf u l-ħniena tagħha.

F’dan l-isforz, “sinerġija għall-futur” mhux slogan astratt iżda realtà ħajja li diġà tat il-frott tagħha.  Il-laqgħa storika ta’ talb mal-mexxejja reliġjużi li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien laqqa’ f’Assisi fl-1986, uriet li ma jistax ikun hemm paċi bejn in-nazzjonijiet mingħajr paċi bejn ir-reliġjonijiet.  Aktar qrib, Id-dokument dwar il-Fraternità umana għall-Paċi fid-Dinja u l-Konvivenza, li kien iffirmat f’Abu Dhabi fl-2019 mill-venerabbli predeċessur tiegħi Franġisku u l-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar, Ahmad Al-Tayyeb, offra pjan ċar ta’ kif is-sinerġija reliġjuża tista’ tkun ta’ fejda għall-paċi u l-koeżistenza globali.  L-istess spirtu anima l-aħħar laqgħa ta’ dal-Kungress fl-2022, meta mexxejja ta’ reliġjonijiet differenti, fosthom il-Papa Franġisku, ingħaqdu flimkien biex jikkundannaw il-vjolenza u l-estremiżmu, jappoġġjaw il-kura tar-rifuġjati u jagħmlu appell lill-mexxejja kollha tad-dinja biex jaħdmu flimkien għall-paċi.  Dawn l-impenji ta’ livell għoli narawhom riflessi f’azzjonijiet konkreti: meta jseħħu diżastri naturali, meta r-rifuġjati jkollhom jaħarbu jew meta l-familji jsofru faqar estrem u ġuħ, ir-reliġjonijiet spiss jingħaqdu flimkien, jaħdmu spalla ma’ spalla biex itaffu u jnisslu t-tama f’min hu l-aktar fil-bżonn.

Il-futur li nimmaġinaw — futur ta’ paċi, fraternità u solidarjetà — jitlob l-impenn ta’ kulħadd u ta’ kull qalb.  Meta l-mexxejja reliġjużi jingħaqdu biex jiddefendu lil min hu l-aktar dgħajjef fis-soċjetà, meta jingħaqdu u jħawlu s-siġar biex jieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna, jew jgħollu leħinhom f’għaqda waħda b’sapport għad-dinjità umana, huma jagħtu xhieda tal-verità li l-fidi tgħaqqad aktar milli tifred.  B’hekk, is-sinerġija ssir sinjal qawwi ta’ tama għall-umanità kollha, turi li r-reliġjon, fil-qalba tagħha, mhix sors ta’ kunflitt iżda għajn ta’ fejqan u rikonċiljazzjoni.

B’dawn is-sentimenti nawgura li x-xogħol ta’ dal-Kungress ikun ispirazzjoni għalina biex naħdmu bla heda għall-armonija, u noħolqu sinerġija ta’ paċi – paċi, kif diġà għidt, “diżarmata u diżarmanti, umli u perseveranti, li dejjem tfittex il-karità u tersaq qrib dawk li jsofru (Barka Urbi et Orbi 8 ta’ Mejju, 2025).

Ejjew nitolbu sfiq flimkien, naqdu spalla ma’ spalla u nkunu vuċi waħda kull fejn id-dinjità umana tkun f’riskju.  Jalla l-Aktar Għoli jbierek l-isforzi tagħna u jtina frott abbundanti għall-ġid tal-popli kollha.

Mill-Vatikan, 14 ta’ Settembru, 2025.

LEO PP. XIV

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading