LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 17 ta’ Settembru 2025
Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. III. L-Għid ta’ Ġesù.7. Il-mewt. “Qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd” (Ġw 19:40-41)
Għeżież ħuti,
Fil-mixja ta’ katekeżijiet tagħna fuq Ġesù t-tama tagħna, illum nikkontemplaw il-misteru ta’ Sibt il-Għid. L-Iben ta’ Alla jinsab mejjet fil-qabar. Imma din l-“assenza” tiegħu mhix vojta: hija stennija, il-milja li għadha trid isseħħ, wegħda mħarsa fid-dalma. Huwa l-jum tas-skiet il-kbir, li fih is-sema donnu mutu u l-art ma tiċċaqlaqx, imma hu proprju hemm li jseħħ il-misteru l-aktar profond tal-fidi Nisranija. Huwa skiet mimli tifsir, bħall-ġuf ta’ omm li jħares lill-wild li għadu ma twelidx, imma diġà hu ħaj.
Il-ġisem ta’ Ġesù, imniżżel mis-salib, jiġi mgeżwer bl-għożża, kif nagħmlu ma’ dak li hu prezzjuż. L-evanġelista Ġwanni jgħidilna li ġie midfun fi ġnien, ġewwa “qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd” (Ġw 19:41). Xejn ma hu b’kumbinazzjoni. Dak il-ġnien ifakkar fl-Għeden mitluf, il-post li fih Alla u l-bniedem kienu magħqudin. U dak il-qabar li kien għadu ma ntuża qatt jitkellem fuq xi ħaġa li għad trid isseħħ: hi għatba, mhux tmiem. Fil-bidu tal-ħolqien Alla kien ħawwel ġnien, issa anki l-ħolqien ġdid jibda fi ġnien: bħal qabar magħluq li m’għadx idum ma jiftaħ.
Sibt il-Għid huwa wkoll jum ta’ mistrieħ. Skont il-Liġi Lhudija, fis-seba’ jum wieħed ma għandux jaħdem: fil-fatt, wara sitt ijiem ta’ ħolqien, Alla straħ (ara Ġen 2:2). Issa anki l-Iben, wara li kompla l-opra tiegħu ta’ salvazzjoni, jistrieħ. Mhux għax hu għajjien, imma għax temm il-ħidma tiegħu. Mhux għax ċeda l-armi, imma għax ħabb għall-aħħar. Ma hemm xejn iżjed xi jżid. Dan il-mistrieħ hu s-siġill tal-opra mwettqa, huwa l-konferma li dak li kellu jsir tabilħaqq twassal sat-tmiem. Huwa mistrieħ mimli bil-preżenza moħbija tal-Mulej.
Aħna nsibuha bi tqila biex nieqfu u nistrieħu. Ngħixu bħallikieku l-ħajja qatt ma kienet biżżejjed. Niġru biex nipproduċu, biex nuru xi ħaġa, biex ma nitilfu xejn. Imma l-Vanġelu jgħallimna li meta nkunu nafu nieqfu ftit, dan hu ġest ta’ fiduċja li rridu nitgħallmu nwettqu. Sibt il-Għid jistedinna niskopru li l-ħajja ma tiddependix dejjem minn dak li nagħmlu, imma anki minn kif nagħrfu nħallu warajna dak li stajna nagħmlu.
Fil-qabar, Ġesù, il-Kelma ħajja tal-Missier, jiskot. Imma hu proprju f’dak is-silenzju li l-ħajja ġdida tibda tiffermenta. Bħal żerriegħa fl-art, bħad-dalma qabel is-sebħ. Alla ma jibżax miż-żmien għaddej, għax hu l-Mulej anki tal-istennija. Hekk, anki ż-żmien “inutli” tagħna, dak tal-pawżi, tal-vojt, tal-mumenti bla frott, jista’ jsir ġuf tal-qawmien. Kull skiet milqugħ jista’ jsir il-wegħda ta’ Kelma ġdida. Kull żmien imdendel jista’ jsir żmien ta’ grazzja, jekk noffruh lil Alla.
Ġesù, midfun fl-art, huwa l-wiċċ umli ta’ Alla li ma jokkupax l-ispazju kollu. Huwa Alla li jħalli lil ħaddieħor jagħmel, li jistenna, li jirtira biex jagħti l-libertà lilna. Huwa Alla li jafda, anki meta kollox jidher li spiċċa. U aħna, f’dak is-Sibt imdendel, nitgħallmu li ma għandux ikollna għaġla nirxoxtaw: l-ewwel jeħtieġ noqogħdu, nilqgħu s-skiet, inħallu l-limitu jħaddanna. Xi drabi nfittxu tweġibiet mgħaġġlin, soluzzjonijiet immedjati. Imma Alla jaħdem fil-fond, fiż-żmien tal-fiduċja li jimxi bil-mod. Hekk is-Sibt tad-difna jsir il-ġuf li minnu tista’ twarrad il-qawwa ta’ dawl invinċibbli, dak tal-Għid.
Għeżież ħbieb, it-tama Nisranija ma tinbitx mill-għagħa, imma fis-skiet ta’ stennija kollha mħabba. Mhix bint l-ewforija, imma t-telqa fiduċjuża. Dan tgħallimhulna l-Verġni Marija: hi tlaħħam fiha din l-istennija, din il-fiduċja, din it-tama. Meta naħsbu li kollox huwa wieqaf, li l-ħajja hi triq imwaqqfa f’nofsha, ħa niftakru f’Sibt il-Għid. Imqar fil-qabar, Alla qed iħejji l-ikbar sorpriża. U jekk nagħrfu nilqgħu bi gratitudni dak li kien, niskopru li, proprju fiċ-ċokon u fis-skiet, Alla jħobb jibdel ir-realtà, u jagħmel kollox ġdid bil-fedeltà tal-imħabba tiegħu. Il-veru ferħ jinbet mill-istennija ħajja, mill-fidi li tistabar, mit-tama li dak li nkunu għexna fl-imħabba, bla dubju, għad jirxoxta għall-ħajja bla tmiem.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard