DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-KULLEĠĠ TAL-KONTRIBUTURI TAR-RIVISTA “LA CIVILTÀ CATTOLICA”
Sala tal-Konċistorju
Il-Ħamis, 25 ta’ Settembru, 2025
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Il-paċi magħkom!
Il-ġurnata t-tajba u grazzi tal-paċenzja tagħkom!
Wara ftit xhur ta’ pontifikat, jien kuntent nilqa’ lilkom, membri tal-Kulleġġ tal-kittieba u kollaboraturi tar-rivista “La Civiltà Cattolica”. Insellem lill-Propostu Ġenerali, li ġentilment jinsab magħna għal din l-udjenza.
Dil-laqgħa qed issir fil-175 anniversarju tal-fondazzjoni tar-rivista “La Civiltà Cattolica”. Għalhekk nieħu l-okkażjoni biex irroddilkom ħajr ilkoll għas-servizz tant fidil u ġeneruz li għal snin sħaħ ilkom tagħtu lis-Sede Appostolika. Il-ħidma tagħkom kienet, u għadha, kontribut biex il-Knisja tkun preżenti fid-dinja tal-kultura, f’armonija mat-tagħlim tal-Papa u l-orjentamenti tas-Santa Sede.
Xi ħadd iddeskriva r-rivista tagħkom bħala “tieqa fuq id-dinja”, u apprezza l-fatt li waħda mill-karatteristiċi tagħha hi l-ftuħ għax taf tħares lejn l-attwalità biex taffronta l-isfidi u l-kuntradizzjonijiet tagħha, bla biża’.
Hemm tliet oqsma importanti f’dak li tagħmlu li jistħoqqilhom attenzjoni: l-edukazzjoni tal-persuni biex ikunu impenjati b’mod intelliġenti u fattiv fid-dinja, tagħtu leħen lil tal-aħħar, tkunu ħabbara tat-tama.
Dwar l-ewwel aspett: dak li tiktbu jista’ jgħin lill-qarrejja tagħkom jifhmu aħjar il-kumplessità tas-soċjetà li qed ngħixu fiha, biex jevalwaw il-potenzjalitàjiet u d-dgħufijiet tagħha huma u jfittxu “s-sinjali taż-żmien”, li ġibdilna l-attenzjoni dwarhom il-Konċilju Vatikan II (cfr Kost. Pastorali Gaudium et spes, 4). Hekk jiksbu l-ħila biex jagħtu kontribut validu, anki fil-livell politiku, dwar temi fundamentali bħalma huma l-ġustizzja soċjali, il-familja, l-edukazzjoni, l-isfidi tekonoloġiċi l-ġodda, il-paċi. Bl-artikli li tiktbu tistgħu toffru strumenti ermenewtiċi u kriterji ta’ azzjoni utli lill-qarrejja, sabiex kulħadd ikun jista’ jagħti sehemu fil-bini ta’ dinja aktar ġusta u fraterna, fil-verità u l-libertà. Kif kien jgħid San Ġwanni Pawlu II “l-irwol tal-Knisja, li intkom għandkom is-sejħa li tispjegawh u xxerrduh, hu t-tħabbir tal-Evanġelju tal-karità u tal-paċi, il-promozzjoni tal-ġustizzja, tal-ispirtu ta’ fraternità u tal-għarfien tad-destin komuni tal-bnedmin, premessi indispensabbli biex tinbena paċi awtentika bejn il-popli (Diskors lill-komunità tar-rivista “La Civiltà Cattolica”, 22 ta’ April, 1999, 4).
Dan iwassalna għat-tieni punt: inkunu leħen għall-aktar foqra u l-imwarrbin. Il-Papa Franġisku kiteb li fit-tħabbir tal-Evanġelju “hemm sinjal li qatt m’għandu jkun nieqes: l-għażla favur tal-aħħar, favur dawk li s-soċjetà tbarri u tarmihom” (Eżort. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 24 ta’ Novembru, 2013, 195). Li jingħata leħen liċ-ċkejknin, għalhekk, hu aspett fundamentali tal-ħajja u tal-missjoni ta’ kull nisrani. Qabel kollox dan jitlob umiltà kbira u ħila għas-smigħ, il-qrubija lejn il-batut, jitlob minna li fl-għajta siekta tiegħu nagħrfu dik tal-Imsallab li jgħid: “Għandi l-għatx” (Ġw 19,28). Dan hu l-uniku mod li bih insiru eku fidil u profetiku tal-leħen ta’ min jinsab fil-bżonn, inkissru kull ċirku ta’ iżolament, solitudni u indifferenza.
U niġu għat-tielet punt: inkunu messaġġiera tat-tama. Ifisser li nopponu l-indifferenza ta’ min hu insensibbli għall-proxxmu u għall-ħtieġa leġittima tiegħu ta’ ġejjieni, kif ukoll biex negħlbu d-delużjoni ta’ min ma baqax jemmen li possibbli jinbdew toroq ġodda, iżda fuq kollox biex infakkru u nħabbru li għalina l-aħħar tama hi Kristu, it-triq tagħna (cfr Ġw 14,6). Fih u miegħu fi triqtna mhemmx aktar sqaqien, lanqas realtajiet li, minkejja li ibsin u kumplikati, jistgħu jwaqqfuna u ma jħalluniex inħobbu bil-fiduċja lil Alla u lil ħutna. Kif kiteb Benedittu XIV, lil hinn mill-fallimenti u s-suċċessi, jiena naf illi “l-ħajja tiegħi personali u l-istorja tad-dinja huma mħarsin mill-qawwa indistruttibbli tal-Imħabba” (Enċ. Spe Salvi, 35), u għalhekk dejjem għandi nsib il-kuraġġ li naħdem u nibqa’ miexi (cfr ibid.). Dan hu messaġġ importanti speċjalment f’dinja li dejjem aktar moħħha biss biex iddur magħha nfisha.
Għeżież, biex nagħlaq nixtieq infakkar mill-ġdid il-kliem li l-Papa Franġisku qalilkom ftit qabel ma’ ħalliena, fl-okkażjoni tal-ftuħ uffiċjali “tal-ġublew tal-fondazzjoni”: “Inħeġġikom – kien kiteb – biex tkomplu ħidmitkom bil-ferħ, b’ġurnaliżmu onest li mhu marbut ma’ ebda kurrent ħlif dak tal-Evanġelju, isimgħu l-ilħna kollha u nkarnaw fikom dik il-ħlewwa li taħji l-qalb” (Messaġġ lid-direttur tar-rivista “La Civiltà Cattolica” fl-okkażjoni tal-175 ħarġa, 17 ta’ Marzu, 2025: L-Osservatore Romano, 2 ta’ April, 2025, pġ 5).
U f’okkażjoni oħra, b’kumment dwar l-isem tar-rivista tagħkom, kien qal: “Rivista tkun verament kattolika biss, jekk tħaddan fiha l-ħarsa ta’ Kristu fuq id-dinja u jekk din twassalhiex u tkunx xhieda tagħha” (Diskors lill-komunità taċ-“Civiltà Cattolica”, 9 ta’ Frar, 2017). Din hi l-missjoni tagħkom: li tkunu konxji mill-ħarsa ta’ Kristu fuq id-dinja, tikkultivawha, twassluha, tagħtu xhieda tagħha.
Jien u nistqarr li naqbel perfettment mal-mibki Predeċessur tiegħi, irroddilkom ħajr mill-ġdid, niżgurakom li nitfakar fikom fit-talb tiegħi u nberikkom minn qalbi. Grazzi!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber