Il-Papa Ljun XIV fis-6 katekeżi ġubilari

UDJENZA ĠUBILARI
KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Pjazza San Pietru
Is-Sibt 4 ta’ Ottubru 2025

Katekeżi.6. Nittamaw ifisser nagħżlu. Kjara ta’ Assisi

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba, u merħba lkoll!

Fis-silta mill-Bibbja li għadha kemm inqrat (Lq 16:13-14), l-Evanġelista jinnota li xi persuni, wara li semgħu lil Ġesù, ħaduh biċ-ċajt. Għalihom kien assurd id-diskors tiegħu fuq il-faqar. B’mod aktar preċiż, ħassew xi jmisshom fil-laħam il-ħaj minħabba r-rabta tagħhom mal-flus.

Għeżież ħbieb, intom ġejtu bħala pellegrini tat-tama, u l-Ġublew huwa żmien ta’ tama konkreta, li fih il-qalb tagħna tista’ ssib maħfra u ħniena, sabiex kollox jista’ jerġa’ jibda mill-ġdid. Il-Ġublew jiftaħ ukoll għat-tama ta’ tqassim differenti tal-ġid, għall-possibbiltà li l-art tkun ta’ kulħadd, għax fir-realtà mhuwiex hekk. F’din is-sena jeħtieġ nagħżlu lil min naqdu, jekk hux il-ġustizzja jew l-inġustizzja, jekk hux lil Alla jew lill-flus.

Nittamaw ifisser nagħżlu. Dan ifisser mill-inqas żewġ affarijiet. Dik l-aktar evidenti hi li d-dinja tinbidel jekk ninbidlu aħna. Il-pellegrinaġġ għalhekk isir, huwa għażla. Il-Bieb Imqaddes ngħaddu minnu biex nidħlu fi żmien ġdid. It-tieni tifsira hi aktar profonda u sottili: nittamaw ifisser nagħżlu għax min ma jagħżilx jiddispra. Waħda mill-konsegwenzi l-aktar komuni tad-diqa spiritwali, jiġifieri tat-telqa, hi li ma nagħżlu xejn. Allura minn iġarrabha jinħakem minn għażż interjuri li hu agħar mill-mewt. Imma li tittama jfisser tagħżel.

Illum nixtieq infakkar mara li, bil-grazzja ta’ Alla, għarfet tagħżel. Mara kuraġġuża u li ħaditha kontra l-kurrent: Kjara ta’ Assisi. U ninsab kuntent li qed nitkellem dwarha proprju nhar il-festa ta’ San Franġisk. Nafu li Franġisku, meta għażel il-faqar evanġeliku, kellu jiksirha mal-familja tiegħu. Imma hu kien raġel: l-iskandlu hemm kien, imma kien iżgħar. L-għażla ta’ Kjara kienet aktar impressjonanti: tfajla li riedet tkun bħal Franġisku, li riedet tgħix, bħala mara, ħielsa bħal dawk l-aħwa!

Kjara fehmet x’jitlob il-Vanġelu. Imma anki f’belt li taħseb li hi Nisranija, il-Vanġelu meta jittieħed bis-serjetà jista’ jidher rivoluzzjonarju. Dakinhar, bħal-lum, kien hemm bżonn tal-għażla! Kjara għażlet, u dan jagħtina tama kbira. Fil-fatt naraw żewġ konsegwenzi tal-kuraġġ tagħha li timxi skont dik ix-xewqa: l-ewwel waħda hi li ħafna tfajliet oħra minn dawk l-inħawi sabu l-istess kuraġġ u għażlu l-faqar ta’ Ġesù, it-triq tal-Beatitudnijiet; it-tieni konsegwenza hi li dik l-għażla ma kinitx bħal nar tat-tiben, imma baqgħet sħiħa maż-żmien, sa żmienna. L-għażla ta’ Kjara nebbħet għażliet vokazzjonali fid-dinja kollha u hekk għadha tagħmel sal-lum.

Jgħidilna Ġesù: ma tistax taqdi żewġ sidien. Hekk il-Knisja hi żagħżugħa u tiġbed iż-żgħażagħ. Kjara ta’ Assisi tfakkarna li l-Vanġelu jogħġobhom liż-żgħażagħ. U hekk għadu: liż-żgħażagħ jogħġbuhom il-persuni li għamlu għażla u jerfgħu l-konsegwenzi tal-għażliet tagħhom. U dan iħajjar oħrajn biex jagħżlu. Hija imitazzjoni qaddisa: ma nsirux “fotokopji”, imma kull persuna – meta tagħżel il-Vanġelu – tagħżel lilha nfisha. Titlef lilha nfisha u ssib lilha nfisha. L-esperjenza turih dan: hekk jiġri.

Mela ejjew nitolbu għaż-żgħażagħ; u nitolbu biex inkunu Knisja li ma taqdix il-flus jew lilha nfisha, imma s-Saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tagħha. Knisja li, bħal Santa Kjara ta’ Assisi, ikollha l-kuraġġ li tgħix b’mod differenti fil-belt. Din hi tama!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading