Flimkien ma’ ħsieb dwar Jum il-Missjoni …
Żgur li l-ispirtu ħażin irnexxielu jikkonvinċi lil bosta minna li t-talb huwa ħela ta’ ħin u boaring jew li ma għandniex ħin għalih, u allura ħafna waqfu jitolbu bil-konsegwenza li l-Fidi tagħhom bdiet tiddajjef u x’ħin ġiet xi ‘maltempata’ dik l-fjamma ntfiet għal kollox.
Nistaqsi lilek u lili: fiex inhi l-ħajja tat-talb tiegħek/tiegħi? Kemm għandna bżonn neħduha bis-serjetà din il-mistoqsija. Li titlob ma’ jfissirs li tgħid it-talb, u mhux kull min jgħid it-talb ikun jitlob. Xi jfisser titlob? Li titlob ifisser li jkollok djalogu ma’ Alla Missier li jħobbok, fejn int tkellmu ta’ iben jew bint, u tħallih ikellmek. Faċli jiġrilna li t-talb li ngħidu jsir drawwa u l-aktar ħaġa mportanti waqt li ngħiduh ma tkunx li nikkomunikaw ma’ Alla u li nħossu l-imħabba tiegħu ta’ Missier, iżda ikun li nserrħu l-kuxjenza li għednieh, u speċi ta’ li ħlisna minnu. Min jispiċċa f’dan it-tip ta’ talb ma jdumx jitlob, jew jekk ikompli d-drawwa għal ħajtu kollha żġur li wliedu jew dawk li jarawh jitlob ma jedifikawx ruħhom u żgur li huma ma jitolbux, anżi iħossu li dak li qiegħed jagħmel mhux jagħmlu b’konvinzjoni iżda biex jeħles minn balla fuq l-istonku.
Fl-ewwel qari tal-lum naraw kif Mosè jgħolli idejh fit-talb, u dan ikun il-fattur determinanti tar-rebħa li Ġożwe jagħmel fuq l-għedewwa. Għalina dan ifisser li hu biss bil-qawwa tat-talb li nistgħu nirbħu fuq l-għedewwa tar-ruħ tagħna. U għalhekk irrepetejna fis-salm, ‘L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, li għamel is-sema u l-art.’ Aħna minn naħa l-waħda għandna nagħmlu ħilitna u dmirna sew, u minn naħa l-oħra għandna nafdaw f’Alla li dak li nkunu bdejna aħna huwa jwasslu għall-milja tiegħu.
Ġesù, fl-Evanġelju tal-lum, jgħidlna li jekk mħallef ħażin jagħmel ġustizzja mal-armla mhux għax iħobb, iżda biex jeħles minnha, allura kemm aktar Alla, Missier ħanin, jisma’ t-talb ta’ dawk li jitolbuh bil-ħerqa? Però aħna nafu li Alla mhux dejjem jagħtina dak li nitolbuh, u żġur li kollha kemm aħna staqsejna xi darba jew oħra għaliex. Ġesù jispjegalna dan fl-aħħar sentenza: ‘Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?’ Hija l-fidi vera li turina x’inhuma l-veri bżonnijiet tagħna, u li Alla żgur li jagħtina dak li verament għandna bżonn, iżda żgur li ma jagħtiniex dak li mhux ta’ ġid għalina, l-aktar jekk dan ikun qiegħed ibegħdna mis-salvazzjoni tagħna. Allura ż-żewġ għejjun li minnhom trid tixrob il-fidi biex ma tmutx huma t-talb u s-smiegħ tal-Kelma t’Alla, kif smajna tajjeb fit-tieni qari.
Mulej agħmel minna rġiel u nisa ta’ talb u ħeġġilna qalbna għas-smiegħ tal-Kelma tiegħek, biex hekk id-don tal-Fidi li tajtna mhux biss ngħożżuh għalina, iżda ngħadduh lill-oħrajn kif tixtieq minna int.
Il-Ġurnata Missjunarja
Skont l-aħħar dati maħruġa minn Nazzjonijiet Uniti fil-bidu ta’ dan ix-xahar, fid-dinja:
- Kuljum imutu madwar 10 000 tifel jew tifla bil-ġuħ.
- 10% tal-popolazzjoni tad-dinja lanqas għandhom biżżejjed x’jieklu, u jbatu l-ġuħ regolarment.
- Il-ġuħ fid-dinja qed jiżdied kawża tal-gwerer u t-tibdil fil-klima.
- 45% tat-tfal li jmutu taħt il-5 snin huwa minħabba nuqqas ta’ ikel.
- 780 miljun ruħ fid-dinja jeħtiġilhom jgħixu b’inqas minn 1.9 dollaru American kuljum.
Għażiż hija/oħti, jista’ nisrani jkun jaf dan u jmur jorqod b’moħħu mistrieħ għax hu żaqqu mimlija? Kif nista’ jien u int insejjaħ ’l Alla ‘Missierna’ u fl-istess ħin ninsa l-għajta ddisprata ta’ tant minn ħutna li ma għandhomx loqma ħobż biex jgħixu, ma’ għandhomx ftit ilma bħan-nies biex jixorbu u ma’ għandhomx l-anqas l-aktar mediċini bażiċi biex jiġġieldu mard li aħna lanqas biss jaħbat ma moħħna? Illum hija l-ġurnata missjunarja, li tiġi ċċelebrata mad-dinja kollha.
F’dan il-jum il-Knisja tiftakar b’mod speċjali fil-ħidma tagħha fil-pajjiżi fit-triq tal-iżvilupp jew, kif imdorrijin ngħidu aħna, tat-tielet dinja. Din il-ħidma trid tagħti każ tal-bniedem sħiħ, u mhux ta’ ‘ruħu’ biss. Infatti il-ħidma ta’ ħafna missjunarji hija biex iwasslu lil Ġesù lill-fqir billi l-ewwel jagħtuh jiekol u jixrob, jgħinuh biex ikollu post deċenti fejn jgħix, jipprovdulu mediċini, biex ikun jista’ jgħix ħajja dinjituża u hekk jeħilsuh mill-miżerja diżumana li żgur Alla ma jridiex.
Naħseb li lkoll naqblu li parti essenzjali mill-Evanġelju hija l-imħabba tagħna lejn xulxin, u li wieħed ma jistax iħobb ’l Alla u fl-istess ħin ‘imaqdar lill-oħrajn’. Li wieħed imaqdar lil ħaddieħor ma tfissirx biss li tweġġgħu bi kliemek jew għemilek; ifisser wkoll ma tagħtix kasu, ma tittrattaħx ta’ ħuk/oħtok. Il-ġurnata Missjunarja ma tridx tkun l-unika ġurnata fis-sena li fiha naħsbu f’ħutna li huma nieqsa mill-meħtieġ għall-ħajja, iżda hija l-ġurnata li trid toħroġna mill-aljenazzjonijiet tagħna biex tfakkarna li wara kollox Alla fuq hekk għad jiġġudikana. ‘Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont għeri u libbistuni…,’ jew alla ħares bil-maqlub, ‘kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont għeri u ma libbistunix…’. Dik tkun is-siegħa tal-verità; kollox jgħaddi ta’ din id-dinja, iżda l-mod kif nidhru quddiem Alla, jiġifieri jekk inkunux ħabbejna bil-verità jew le, dak ma jgħaddix u jkollu effett fuq il-ħajja ta’ dejjem għalina.
Nitolbuk Mulej biex tagħtina qalb tixbaħ lil tiegħek, qalb li taf tagħder u tħenn, biex hekk inħossu ma’ min hu fqir u batut, u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinuh. Għinna ħalli mhux biss ngħinu mill-ġid li pprovdejtilna, iżda ukoll nużaw il-ħiliet tagħna biex jitnaqqsu l-ġuħ u l-miżerja mid-dinja. Ammen.