ŻJARA LILL-ASSEMBLEA TAL-FAO
FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAL-IKEL
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Sede tal-FAO f’Ruma
Il-Ħamis, 16 ta’ Ottubru, 2025
Sur Direttur Ġenerali,
Awtoritajiet Distinti,
Eċċellenzi,
Sinjuri:
Ippermettuli qabel kollox nesprimi minn qalbi l-apprezzament għall-istedina biex nieħu sehem f’dil-ġurnata memorabbli flimkien magħkom ilkoll. Qed inżur din l-orgnizzazzjoni prestiġjuża fuq l-eżempju tal-Predeċessuri tiegħi fuq il-Katedra ta’ Pietru, li kienu taw attenzjoni speċjali u kienu qrib il-FAO għax konxji mill-mandat rilevanti ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali.
B’rispett kbir insellem lil kull min hawn preżenti, u permezz tagħkom, bħala qaddej tal-Evanġelju, nesprimi lill-popli tad-dinja il-ħerqa ferventi tiegħi li ssaltan il-paċi kullimkien. Il-qalb tal-Papa, li mhix tiegħu biss imma tal-Knisja kollha u , f’ċertu sens, tal-umanità kollha, iżżomm ħajja t-tama li jekk il-ġuħ jgħib, il-paċi ssir art għammiela għax minnha jinbet il-ġid komuni tan-nazzjonijiet kollha.
Wara tmenin sena tal-istituzzjoni tal-FAO, il-kuxjenza tagħna għandha tinterpellana għal darb’oħra dwar dan id-dramm – dejjem attwali – tal-ġuħ u l-malnutrizzjoni. Ir-responsabbiltà biex din l-immoralità tintemm mhix biss tan-negozjanti, tal-ħaddiema ċivili jew tal-politiċi. Din hi problema li lkoll kemm aħna għandna dmir nagħtu sehemna biex tkun megħluba: aġenziji internazzjonali, gvernijiet, istituzzjonijiet pubbliċi, NGOs, entitajiet akkademiċi u s-soċjetà ċivili, bla ma nħallu barra lil kull persuna individwali, li għandu jkollha empatija għat-tbatija tal-oħrajn. Min qed ibati l-ġuħ mhux barrani, hu ħija u jien għandi ngħinu bla tnikkir.
L-għan li għalih aħna miġburin hawn hu nobbli daqskemm hu inevitabbli: nużaw l-enerġiji kollha tagħna fi spirtu ta’ solidarjetà biex ħadd fid-dinja ma jibqa’ nieqes mill-ikel meħtieġ kemm fil-kwantità u wkoll fil-kwalità. Hekk tinġieb fi tmiemha s-sitwazzjoni li tinnega d-dinjità umana, tikkomprometti l-iżvilupp mixtieq, inġustament iġġiegħel bosta jitilqu minn djarhom, u tostakola l-armonija bejn il-popli. Sa mit-twaqqif tagħha l-FAO dejjem baqgħet iffukata biex tkun ta’ servizz għall-iżvilupp agrikolu u biex il-provvista tal-ikel sigur ikunu għanijiet prijoritarji tal-politika internazzjonali. F’das-sens, ħames snin wara t-twettiq tal-Agenda 2030, għandna niftakru bil-forza li jrid ikun hemm rieda vera, mhux biss dikjarazzjonijiet solenni, biex naslu għall-għan ta’ Zero Hunger. Għaldaqstant, b’enerġija mġedda llum għandna sejħa nwieġbu dil-mistoqsija fundamentali: fejn wasalna bl-azzjoni kontra l-pjaga tal-ġuħ li għadha tifflaġella parti mdaqqsa sew tal-umanità? Hemm ħtieġa u hu ta’ qsim il-qalb ngħidu li minkejja l-avvanz teknoloġiku, xjentifiku u produttiv, sittmijawtlietawsebgħin miljun ruħ fid-dija jmorru jorqdu bla ma jkunu kielu xejn, u 2.3 miljun oħra m’għandhomx biex jixtru ikel xieraq. Dawn mhumiex ċifri li nqisuhom sempliċi statistika: dawn in-numri jaħbu fihom ħajjiet imħarbta, komunitajiet vulnerabbli; hemm ommijiet li m’għandhomx biex jitimgħu lil uliedhom. Forsi l-aktar statistika kommoventi hi dik tat-tfal dgħajfin fiżikament minħabba nuqqas ta’ ikel sustanzjuz li jġib miegħu mard u żvilupp motorju u konjittiv tardiv. Din mhix kumbinazzjoni, imma sinjal ta’ insensittività dominanti, ekonomija bla ruħ, mudell ta’ żvilupp dibattibbli u sistema ta’ distribuzzjoni inġusta u insostenibbli tar-riżorsi. Fi żmien li fih ix-xjenza wessgħet l-esperjenza tal-ħajja, it-tekonoloġija qarrbet lejn xulxin il-kontinenti u l-għarfien wessa’ ixqfa li qabel ma konniex nimmaġinawhom, qed inħallu miljuni ta’ bnedmin jgħixu – u jmutu – bil-ġuħ. Dan hu falliment kollettiv, aberrazzjoni etika, ħtija storika.
Ix-xenarju tal-kunflitti li għaddejjin bħalissa juri li reġa’ refa rasu l-użu tal-ikel bħala arma tal-gwerra, b’kuntradizzjoni max-xogħol kollu ta’ sensibilizzazzjoni mwettaq mill-FAO matul dawn l-aħħar tmenin sena. Il-kunsens mill-Istati li jqisu l-ġuħ intenzjonat bħala delitt tal-gwerra, li wkoll jostakola intenzjonalment l-aċċess għall-ikel għal komunitajiet jew popli sħaħ, jidher li qed jitbiegħed dejjem aktar. Il-liġi umanitarja internazzjonali tipprojbixxi, mingħajr eċċezzjoni, l-attakk fuq persuni ċivili u oġġetti essenzjali għas-sopravivenza tal-popolazzjonijiet. Ftit snin ilu, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kkundanna unanimament din il-prattika, filwaqt li rrikonoxxa l-konnessjoni bejn il-kunflitt armat u l-insigurtà tal-ikel u kkundanna l-użu tal-ġuħ fuq persuni ċivili bħala metodu ta’ gwerra (1). Dan jidher li ntesa, hekk kif qed naraw b’niket l-użu kontinwu ta’ din l-istrateġija krudili, li tikkundanna lill-irġiel, lin-nisa u lit-tfal għall-ġuħ, u tiċħdilhom l-aktar dritt bażiku: id-dritt għall-ħajja. Madankollu, is-skiet ta’ dawk li qed imutu bil-ġuħ inigges il-kuxjenza ta’ kulħadd, minkejja li spiss ikun injorat, imsikket jew mgħawweġ. Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk, għax il-ġuħ mhux talli mhux id-destin tal-bniedem anzi huwa t-telfien tiegħu. Ejjew għalhekk inżidu l-entużjażmu tagħna biex nirmedjaw dan l-iskandlu! M’għandinex għalfejn noqgħodu mmaħħu fuq l-idea li l-ġuħ huwa biss problema li trid soluzzjoni. Hu aktar minn hekk.
Ejjew għalhekk, insaħħu l-entużjażmu tagħna biex nirrimedjaw dan l-iskandlu! Ejjew ma noqogħdux naħsbu fuq l-idea li l-ġuħ huwa biss problema li trid tissolva. Huwa aktar minn hekk. Hi għajta li tasal sas-sema u teħtieġ tweġiba minnufih minn kull nazzjon, minn kull organizzazzjoni internazzjonali, minn kull entità reġjonali, lokali jew privata. Ħadd ma jista’ jibqa’ barra mill-ġlieda bla waqfien kontra l-ġuħ. Din hi l-battalja ta’ kulħadd.
Eċċellenzi, illum qed naraw paradossi skandalużi. Kif nistgħu nkomplu nittolleraw il-ħela ta’ tunnellati kbar ta’ ikel waqt li għadd kbir ta’ nies qed jitħabtu u jfittxu fl-iskart biex isibu x’jieklu?
Kif nistgħu nispjegaw id-diżugwaljanzi li jippermettu li l-ftit ikollhom kollox u l- ħafna ma jkollhom xejn? Kif ma nistgħux inwaqqfu bla telf ta’ żmien il-gwerer li jeqirdu l-kampanja qabel ma jeqirdu l-bliet, u saħansitra jwasslu għal xeni li jiddenigraw il-kundizzjoni umana, fejn ħajjet in-nies, u speċjalment dik tat-tfal, minflok ma jingħataw il-kura, għandhom sura ta’ skeletru jew jgħibu kif imorru jfittxu l-ikel? Meta nqisu x-xena globali attwali, xena ta’ tant uġigħ u deżolazzjoni minħabba l-kunflitti, donnu sirna xhieda insensibbli għall-vjolenza ta’ qsim il-qalb, meta, fir-realtà, it-traġedji umanitarji magħrufa minn kulħadd għandhom iħeġġuna nkunu artiġjani tal-paċi mgħammra bil-balzmu tal-fejqan li għandhom bżonn il-feriti jnixxu fil-qalb tal-umanità. Banju ta’ demm li għandu jiġbed l-attenzjoni immedjata tagħna u jwassalna biex nirduppjaw ir-responsabbiltà individwali u kollettiva tagħna, iqajjimna mil-letarġija kerha li spiss inkunu mgħaddsa fiha. Id-dinja ma tistax tkompli tara spettakli makabri bħal dawk li qed iseħħu f’ħafna reġjuni tad-dinja. Jeħtieġ li jintemmu mill-aktar fis possibbli. Wasal iż-żmien, mela, li nsaqsu lilna nfusna b’ċarezza u kuraġġ: jistħoqqilhom il-ġenerazzjonijiet futuri dinja li mhix kapaċi teqred il-ġuħ u l-faqar darba għal dejjem? Possibbli li ma nistgħux inwaqqfu tant azzjonijiet arbitrarji u laceranti li jħallu impatt negattiv fuq il-familja umana? Jistgħu l-mexxejja politiċi u soċjali jibqgħu jkunu polarizzati, jaħlu l-ħin u r-riżorsi fuq argumenti inutli u aggressivi, filwaqt li dawk li huma suppost qiegħdin iservu jibqgħu minsija u jisfaw sfruttati għal interessi partiġġjani? Il-valuri ma nistgħux sempliċement noqgħodu nxejruhom. Irridu nħaddnuhom. Is-slogans ma jistgħux joħorġuna mill-miżerja. Irridu b’mod urġenti negħlbu mudell politiku verament morr, ibbażat fuq viżjoni etika li tiddomina fil-mudell attwali li jibdel lin-nies mal-profitt. Mhux biżżejjed li ninvokaw is-solidarjetà: irridu niggarantixxu s-sigurtà tal-ikel, l-aċċess għar-riżorsi, u l-iżvilupp rurali sostenibbli. F’dan is-sens, naħseb li huwa f’waqtu li l-Jum Dinji tal-Ikel li qed jiġi ċċelebrat din is-sena għandu t-tema: “Id f’id għal ikel aħjar u futur aħjar.” Fi żmien tal-istorja mmarkat minn firdiet u kontradizzjonijiet profondi, li tħossok magħqud bir-rabta tal-kollaborazzjoni mhux biss huwa ideal sabiħ, iżda sejħa soda għall-azzjoni. M’għandniex nikkuntentaw ruħna għax nimlew il-ħitan b’posters kbar li jiġbdu l-għajn. Wasal iż-żmien li nieħdu impenn imġedded biex inħallu impatt pożittiv fuq il-ħajjiet ta’ dawk li għandhom żaqqhom vojta u li minna jistennew azzjonijiet konkreti biex nerfgħuhom mill-qtigħ il-qalb tagħhom. Dan il-għan jista’ jintlaħaq biss permezz tal-konverġenza ta’ politika effettiva u l-implimentazzjoni koordinata u s-sinerġija tal-interventi. Il-ħeġġa biex nimxu flimkien, f’armonija fraterna, trid issir il-prinċipju gwida li jmexxi l-politika u l-investimenti, għax hu biss permezz ta’ kooperazzjoni sinċiera u bla heda li nistgħu nibnu sigurtà ġusta u aċċessibbli tal-ikel għal kulħadd. Hu biss jekk naħdmu id f’id li nistgħu nibnu futur dinjituż, fejn is-sigurtà tal-ikel tiġi affermata mill-ġdid bħala dritt u mhux bħala privileġġ. B’din il-konvinzjoni, nixtieq nenfasizza li, fil-ġlieda kontra l-ġuħ u fil-promozzjoni tal-iżvilupp sħiħ, ir-rwol tan-nisa huwa indispensabbli, anke jekk mhux dejjem ikun apprezzat biżżejjed. In-nisa huma l-ewwel li jagħtu każ tan-nuqqas tal-ħobż, jiżirgħu t-tama fir-raddiet tal-art, jgħaġnu l-futur b’idejn felħana bix-xogħol. F’kull rokna tad-dinja, in-nisa huma l-arkitetti siekta tas-sopravivenza, il-gwardjani metodiċi tal-ħolqien. Li nirrikonoxxu u napprezzaw ir-rwol tagħhom mhuwiex biss kwistjoni ta’ ġustizzja; hija garanzija ta’ ikel aktar uman u sostenibbli.
Eċċellenzi, konxji mill-għan ta’ dan il-forum internazzjonali, ippermettuli nenfasizza b’mod inekwivoku l-importanza tal-multilateraliżmu fid-dawl tat-tentazzjonijiet perikolużi ta’ tendenza awtokratika f’dinja multipolari u dejjem aktar interkonnessa. Għalhekk huwa aktar meħtieġ minn qatt qabel li nfasslu mill-ġdid b’mod kuraġġuż il-metodi tal-kooperazzjoni internazzjonali. Mhix biss kwistjoni li jiġu identifikati strateġiji jew li jsiru dijanjosi dettaljati. Dak li l-ifqar pajjiżi jistennew bit-tama hu li leħinhom jinstema’ mingħajr filtri, li jingħata għarfien reali tan-nuqqasijiet tagħhom u li noffrulhom l-opportunitajiet li nistgħu norbtu fuqhom meta niġu biex isolvu l-problemi reali tagħhom, mingħajr ma nissoġġettawhom għal soluzzjonijiet imfassla f’uffiċċji mbiegħda, f’laqgħat iddominati minn ideoloġiji li ħafna drabi jinjoraw kulturi anċestrali, tradizzjonijiet reliġjużi jew drawwiet li għandhom għeruq fondi fl-għerf tal-anzjani. Huwa imperattiv li nibnu viżjoni li tippermetti lil kull attur fix-xena internazzjonali jwieġeb b’mod aktar effettiv u fil-pront għall-bżonnijiet ġenwini ta’ dawk li aħna msejħin naqdu permezz tal-impenn tagħna ta’ kuljum.
Illum, ma nistgħux nibqgħu nqarrqu bina nfusna u naħsbu li l-konsegwenzi tal-fallimenti tagħna jolqtu biss lil dawk li huma moħbija. L-uċuħ bil-ġuħ ta’ tant nies li għadhom isofru jisfidawna u jistednuna biex neżaminaw mill-ġdid l-istil ta’ ħajja tagħna, il-prijoritajiet tagħna u l-mod ġenerali kif ngħixu fid-dinja tal-lum. Għal din l-istess raġuni nixtieq niġbed l-attenzjoni ta’ dan il-forum internazzjonali dwar l-għadd bla qies li m’għandhomx aċċess għall-ilma tax-xorb, l-ikel, il-kura medika essenzjali, akkomodazzjoni deċenti, edukazzjoni bażika, jew xogħol dinjituż, sabiex inkunu nistgħu nuru empatija mal-uġigħ ta’ dawk li huma mitmugħa biss bid-disperazzjoni, bid-dmugħ, u l-miżerja. Kif nistgħu ma niftakrux f’dawk kollha li huma kkundannati għall-mewt u t-tbatija fl-Ukrajna, f’Gaża, f’Ħaiti, fl-Afganistan, fil-Mali, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, fil-Yemen, fis-Sudan t’Isfel, biex insemmu biss ftit postijiet fuq il-pjaneta fejn il-faqar sar il-ħobża ta’ kuljum għal tant minn ħutna? Il-komunità internazzjonali ma tistax tħares in-naħa l-oħra. It-tbatija tagħhom irridu nagħmluha tagħna.
Ma nistgħux naspiraw għal-ħajja aktar ġusta jekk m’għandniex ir-rieda li ninħelsu mill-apatija li tiġġustifika l-ġuħ qiesu kien xi biċċa mużika fl-isfond li drajnieha, problema li m’għandhiex soluzzjoni, jew inkella li r-responsabbiltà hi ta’ xi ħadd ieħor.
Ma nistgħux nitolbu azzjoni mingħand ħaddieħor jekk aħna stess nonqsu milli nonoraw l-impenji tagħna stess. Bin-nuqqasijiet tagħna, insiru kompliċi fil-promozzjoni tal-inġustizzja. Ma nistgħux nittamaw li jkollna dinja aħjar, futur sabiħ u paċifiku, jekk ma nkunux lesti naqsmu dak li aħna stess irċevejna. Hekk biss inkunu nistgħu naffermaw — bil-verità u l-kuraġġ — li ħadd ma tħalla lura.
Ninvoka fuqkom ilkoll miġburin hawn illum — il-FAO u l-uffiċjali tagħha, li kuljum tagħmlu ħilitkom biex taqdu r-responsabbiltajiet tagħkom bl-onestà u tmexxu bl-eżempju — il-barka t’Alla, li jieħu ħsieb il-foqra, lil min bil-ġuħ u bla difiża. Jalla Alla jġedded f’kull wieħed u waħda minna dik it-tama li ma tqarraqx (ara Rum 5:5). L-isfidi li hemm quddiemna huma kbar ħafna, imma l-istess hu l-potenzjal tagħna u dak li nistgħu nagħmlu! Il-ġuħ għandu ħafna ismijiet, u huwa piż fuq il-familja umana kollha. Kull persuna umana mhux imxennqa għall-ħobż biss, iżda wkoll għal dak kollu li jwassal għall-maturità u jressaqha lejn l-hena li għaliha lkoll ġejna maħluqin. Hemm ġuħ għall-fidi, għat-tama u għall-imħabba li għandu jagħti tweġiba sħiħa li lkoll aħna msejħin intuha flimkien. Dak li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu fil-preżenza ta’ folla bil-ġuħ jibqa’ sfida ewlenija u urġenti għall-komunità internazzjonali: “Agħtuhom x’jieklu” (Mk 6:37).
Bil-ftit li tawh id-dixxipli, Ġesù wettaq miraklu kbir. Mela, tegħjewx titolbu lil Alla llum għall-kuraġġ u l-enerġija biex tkomplu taħdmu għall-ġustizzja li tagħti riżultati dejjiema u ta’ ġid. Intom u tibqgħu għaddejjin bl-isforzi tagħkom, dejjem tkunu tistgħu tistrieħu fuq is-solidarjetà u l-impenn, l-impenn tas-Santa Sede u l-istituzzjonijiet tal-Knisja Kattolika li huma lesti joħorġu biex jaqdu lill-ifqar u l-aktar żvantaġġati fid-dinja kollha.
Grazzi ħafna.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber
[1] Cfr. Consejo de Seguridad, Resolución 2417, aprobada en la 8267 Sesión, celebrada el 24 de mayo de 2018. El texto se puede consultar en: https://docs.un.org/es/S/RES/2417(2018)