Minn Manwel Cutajar, KCHSJ
Forsi waħda mill-aktar konverżjonijiet eċċezzjonali fl-Istorja tal-Knisja Kattolika hi dik tal-Beatu Bartolomeo Longo, li minn qassis Satanista awtoproklamat se jiġi pproklamat Qaddis mill-Knisja Kattolika. Huwa ċaħad l-imgħoddi Sataniku tiegħu, irritorna għall-Fidi Kattolika, u ddedika l-bqija ta’ ħajtu lil Alla, lill-Verġni Marija, ir-Rużarju, u l-Appostolat fost il-foqra u l-emarġinati fis-soċjetà ta’ żmienu.
Biografija qasira:
Bartolomeo Longo twieled fl-10 ta’ Frar, 1841 f’Latiano, l-Italja minn Dott. Bartolomeo Longo, tabib, u Antonina Luparelli li kienu Kattoliċi devoti li rabbew lil Bartolomeo u lil ħutu f’familja Nisranija prattikanti ħafna.
Bartolomeo kellu tliet ħutu subien, li wieħed minnhom miet fi tfulitu, u oħtu.
Iżda, Bartolomeo ma kienx jipprattika ir-reliġjon Kattolika tiegħu meta kien żagħżugħ. Għalkemm trabba Kattoliku huwa abbanduna l-Fidi Nisranija tiegħu f’żgħożitu u involva ruħu f’movimenti anti-Kattoliċi. Meta daħal l-Università f’Napli biex jistudja l-liġi,u wara wkoll iggradwa bħala avukat, huwa kien jieħu sehem f’dimostrazzjonijiet kontra l-Papa u saħansitra sar satanista u kien involut fi prattiċi sataniċi u okkulti, u eventwalment sar ukoll qassis satanista.
Kriżi mentali u spiritwali:
Iżda, ftit wara matul daż-żmien, Longo kellu kriżi psikoloġika profonda, inizjalment influwenzata mis-Sataniżmu, li kkawżatlu niket kbir u hu esperjenza kriżi mentali intensa, sens ta’ ħtija, dwejjaq, dipressjoni u disperazzjoni qawwija.
Il-kundizzjoni mentali ta’ Bartolomeo Longo kienet tikkonsisti f’tbatija emozzjonali severa, ansjetà, u nuqqas ta’ ċarezza fil-ħsibijiet tiegħu, dwejjaq kbar, dipressjoni intensa, nervożiżmu, u konfużjoni, ikkawżati mill-involviment tiegħu fis-Sataniżmu. Huwa esperjenza wkoll sintomi fiżiċi bħal “nuqqas ta’ piż fiżiku” “mard fl-istonku,” u s-sensazzjoni ta’ “preżenza skura, mudlam u ta’ theddid f’ħajtu u xogħlu”.
Dad-dwejjaq mentali u fiżiku wasslitu biex jabbanduna t-triq preċedenti satanika tiegħu u jfittex għajnuna mill-familja u xi ħbieb tiegħu.
Il-kundizzjoni tiegħu ttjiebet b’mod sinifikanti wara li rrinunzja s-Sataniżmu u sab appoġġ minn persuni reliġjużi, membri tal-familja, ħbieb u beda jħaddan id-devozzjoni lejn il-Verġni Marija u r-Rużarju, kif se naraw ‘il quddiem.
Il-familja u l-ħbieb ta’ Bartolomeo kienu kontinwament jitolbu lil Alla u l-Madonna bil-ħerqa għalih u għall-konverżjoni tiegħu għall-Fidi Nisranija u Kattolika ta’ tfulitu.
Fortunatament, Bartolomeo kellu wkoll xi ħbieb barra miċ-ċrieki sataniċi u okkulti tiegħu. Fosthom kien hemm Il-Professur universitarju Vincenzo Pepe minn belt twelidu,li kien sfida t-twemmin okkult ta’ Longo, billi ġibed l-attenzjoni ta’ Bartolomeo tal-ħsara mentali, fiżika u spiritwali tiegħu li kien qed jikkawżalu s-Sataniżmu.
Bartolomeo beda jkollu laqgħat u diskussjonijiet ma’ Pepe li dan b’ħafna perseveranza rnexxielu jipperswadi lil Longo dwar l-irrazzjonalità tal-qagħda xejn sabiħa tiegħu, u biex jitbiegħed mill-prattiċi sataniċi li kien qed jieħu sehem fihom.
Dan kien il-bidu tat-triq ta’ Bartolomeo lejn il-Konverżjoni spiritwali u l-qdusija tiegħu.
F’daż-żmien ġie f’kuntatt ukoll mal-patri Dumnikan Alberto Radente, li wara diversi laqgħat spiritwali u talb, il-patri sema’ l-qrar ta’ Longo, u Longo reġa’ lura għat-twemmin tiegħu ta’ Nisrani u Kattoliku.
Introduzzjoni għall-Fidi Nisranija:
Patri Radente, flimkien mas-soru Caterina Volpicelli l-fundatriċi tal–Kongregazzjoni Qaddejja tal-Qalb ta’ Ġesù , introduċew lil Longo għad-devozzjoni lejn il-Verġni Marija Santissima u r-Rużarju.
Konverżjoni:
Bl-għajnuna tagħhom, Longo rrinunzja għal dejjem u b’mod determinat għall-involviment preċedenti tiegħu fis-Sataniżmu u rritorna lura lejn il-Knisja Kattolika.
Eventwalment, L-azzjonijiet ta’ Bartolo Longo kontra s-Sataniżmu kienu jinkludu li darba minnhom interrompa sessjoni satanika (seance) u ddenunzja s-sataniżmu bħala “labirint ta’ żball u gideb,” u li għamel rinunzja pubblika għall-passat tiegħu billi b’kuraġġ u determinazzjoni kbar żamm u wera l-Midalja ta’ Marija Santisima u Kuruna tar-Rużarju waqt waħda minn dawn is-sessjonijiet sataniċi li kien mar apposta biex iwettaq dil-azzjoni ta’ rinunzja solenni tiegħu quddiem kull min kien preżenti għal dil-laqgħa.
Wara li kkonverta għall-Kattoliċiżmu, iddedika ħajtu b’ruħu u ġismu għall-ġlieda kontra l-okkult u s-sataniżmu permezz ta’ xogħlijiet ta’ karità, jippromulga d-devozzjoni tar-Rużarju, u jwaqqaf istituzzjonijiet soċjali, edukattivi u karitattivi bħal orfanatrofji u skejjel.
Konverżjoni u Rikonċiljazzjoni:
Bartolomeo kien kiseb mill-ġdid l-Fidi Nisranija tiegħu, iżda meta rrealizza l-iskandli u l-ħsarat kbar li kien ikkawża lil ħafna nies, xtaq jagħmel riparazzjoni.
Sadanittant sar dejjem aktar konxju tal-faqar kbir tal-bdiewa u l-abitanti tal-pajjiż fejn kien joqgħod, fosthom priġunieri u l-familja tagħhom l-aktar uliedhom. Ried jara kif jagħmel biex jgħinhom.
Is-Santwarju f’Pompej:
Huwa emmen u ddeċida li minn dak il-ħin ‘il quddiem kien se jiddedika ħajtu biex ixerred id-devozzjoni lejn ir-Rużarju. L-ewwel pass tiegħu kien li jorganizza gruppi tar-Rużarju madwar santwarju li waqqaf fil-viċinat tiegħu.
Flimkien mal-Kontessa Marianna Farnararo De Fusco, Huwa waqqaf is-Santwarju tal-Verġni Mqaddsa tar-Rużarju Mqaddes ta’ Pompej.Huwa beda l-bini tiegħu fl-1876 permezz ta’ kampanja biex jiġbru fondi u ddedika ħajtu biex jippromwovi d-devozzjoni lejn ir-Rużarju u jibni s-santwarju f’ċentru ewlieni ta’ devozzjoni Marjana u xogħlijiet ta’ karità. Huwa organizza kampanja ta’ sottoskrizzjoni tal-popolazzjoni msejħa “sold fix-xahar” biex jiffinanzja l-bini tas-Santwarju.
Is-Santwarju kien iddedikat lill-Madonna del Rosario (il-Madonna tar-Rużarju) u serva bħala punt ċentrali għall-missjoni tiegħu li jxerred il-fidi u r-Rużarju. Longo stabbilixxa wkoll bosta istituzzjonijiet tal-karità madwar is-Santwarju, inklużi orfanatrofji għall-bniet abbużati sesswalment u djar għat-tfal tal-priġunieri, li għenu biex jittrasformaw iż-żona f’ċentru vibranti ta’ fidi, karità u progress soċjali.
Fis-sena 1901 das-Santwarju ġie elevat għal Bażilika ewlenija u ġibed eluf ta’ pellegrini kuljum, u għadu jagħmel dan sal-lum.
Istituzzjonijiet Karitattivi:
Bartolomeo Longo kompla jwaqqaf ukoll binjiet ta’ karità fl-inħawi, bħal:
Skejjel tan-nursery
Orfanatrofji u hospices għal nisa u tfal abbandunati
Djar tal-ħaddiema.
Simbolu tal-fidi u l-karità:
Is-Santwarju u l-karitajiet assoċjati miegħu kienu maħsuba biex jipprovdu kemm għajnuniet spiritwali kif ukoll soċjali għall-popolazzjoni lokali, li kienet tinsab fi stat ta’ “miżerja spiritwali u materjali”
Il-proġett issa hu tabilħaqq monument għall-paċi universali, iffinanzjat minn offerti minn nies madwar id- dinja.
Kif għidna fuq, Bartolomeo kien mgħejjun fix-xogħol tiegħu mill-Kontessa Marianna Farnararo di Fusco, armla devota. Il-Papa Ljun XIII issuġġerixxa li jiżżewġu minħabba xi xnigħat li x-xogħol tagħhom flimkien kien qed iwassal għal relazzjoni ta’ mħabba.
B’ubbidjenza lejn il-Papa, Longo u l-Kontessa għamlu dan iżda wegħdu li jgħixu fiċ-ċelibat.
Bartolomeo għex l-aħħar 20 sena ta’ ħajtu f’kundizzjoni ta’ saħħa fiżika xejn tajba, u attakki kontra r-reputazzjoni tiegħu minn dawk li kienu jgħiru għalih u għas-suċċess tal-Appostolat tiegħu.
Id-dipendenza u d-dedikazzjoni tiegħu għar-Rużarju kienu evidenti ħafna f’ħajtu, hekk kif dejjem irrikonoxxa kemm it-Trinità Divina u Marija Santissima kienu vitali fil-ħelsien tiegħu mill-ħażen tas-Sataniżmu u l-konverżjoni tiegħu għall-verità Nisranija.
L-Appostolat tiegħu kien iċċentrat fuq l-Evanġelizzazzjoni u l-għajnuna, billi minbarra li waqqaf dak is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pompej waqqaf ukoll skejjel vokazzjonali, u pprovda għajnuna legali lill-foqra bla ħlas.
Ħajtu u l-appostolat tiegħu jservu bħala xhieda tat-tama, u juru li anke minn passat mudlam, ħajja ta’ għan u fidi profondi tista’ toħroġ permezz tad-devozzjoni lejn Alla, il-Madonna u r-Rużarju. Huwa kellu rwol strumentali fit-tixrid tad-devozzjoni lejn ir-Rużarju, u saħansitra ġab aktar minn 180,000 ruħ fil-konfraternità tar-Rużarju. Huwa ra did-devozzjoni bħala triq għas-salvazzjoni, b’referenza għal wegħda mill-Verġni Marija Mqaddsa lil San Duminku. Ta’ min igħid li Bartolomeo Longo kien ukoll terzjarju Dumnikan.
Bartolomeo Longo miet fil-5 ta’ Ottubru 1926 fl-età ta’ 85 sena.
“Bir-Rużarju f’idu, il-Beatu Bartolomeo Longo jgħid lil kull wieħed u waħda minna: “Qajjem il-fiduċja tiegħek fil-Verġni l-Aktar Imqaddsa tar-Rużarju. Venerabbli Omm Qaddisa, fik inpoġġi l-inkwiet kollu tiegħi, il-fiduċja kollha tiegħi u t-tama kollha tiegħi!” Hekk qalil-Papa Ġwanni Pawlu II fiċ-ċerimonja tal-Beatifikazzjoni ta’ Bartolomeo Longo nhar is-26 ta’ Ottubru 1980. Dak in-nhar Il-Papa irrefera għall-Beatu Bartolomeo Longo bħala l-“Appostlu tar-Rużarju”
L-Appostolat tiegħu jkompli jispira billi juri kif wieħed jista’ jiġi ttrasformat mid-dlam għad-dawl permezz tal-Fidi u s-servizz u l-imħabba għall-oħrajn, u b’hekk jagħmilha simbolu qawwi ta’ tama. “L-unika xewqa tiegħi hi li nara lil Alla u lil Marija Santissima li salvawni minn idejn Satana.”
il-Beatu Bartolomeo Longo kien ukoll Membru tal-Ordni Ekwestru tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm ( EOHSJ) u huwa magħruf bħala l-ewwel lajk u membru tal-Ordni li ġie bbeatifikat u issa se jkun wkoll kkanonizzat.
Il-Beatu Bartolomeo Longo ġie investit bħala Kavallier Gran Croce tal-Ordni Ekwestru tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm fis-Sena Mqaddsa tal-1925 mill-Patrijarka Barlassina, tal-Patrijarkat Latin ta’ Ġerusalemm, fuq xewqa u l-approvazzjoni tal-Papa Piju XI.
Il-ġisem ta’ Bartolomeo Longo jinżamm f’qabar tal-ħġieġ ġewwa s-Santwarju Pontifiċju tal-Madonna tar-Rużarju f’Pompej, l-Italja. Jinsab f’kappella ddedikata lilu fis-Santwarju, bil-mantell u libsa ta’ Kavallier Gran Croce tal-Ordni Ekwestru tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm.
Kanonizzazzjoni:
Il-Beatu Bartolo Longo se jiġi kkanonizzat Nhar il-Ħadd li ġej, 19 ta’ Ottubru, 2025, mill-Papa Ljun XIV f’Ruma.
Il-Papa Franġisku kien approva l-vot favorevoli għall-kanonizzazzjoni tiegħu fil-25 ta’ Frar 2025, ftit xhur qabel il-mewt tiegħu fil-21 ta’ April 2025..
San Bartolomeo Longo (1841-1926) kien missjunarju veru tar-Rużarju, promotur kbir tad-devozzjoni Marjana, u Qaddis Patrun ta’ dawk li ħajjithom, qalbhom u moħħhom huma mqarrqa b’gideb, inganni, qerq u l-falzità.