2 ta’ Novembru
(Vanġelu: Gw. 6. 37-40): Santu Wistin jgħid li meta jitwieled tifel kulħadd jgħid:”Forsi jsir tabib, bennej, eċċ.” Ħadd ma jgħid: “Forsi jmut.” Din hi l-aktar ħaġa ċerta, imma ħafna minna jippreferu li qatt ma jsemmu l-kelma mewt. Imma jiħtieġ niffaċċjaw dan is-suġġett biex nagħtu valur u sens lil dawn il-ftit snin li se nkunu f’did-dinja.
- Bħal-lum, kemm l-insara u kemm oħrajn isaqsu: għaliex il-mewt? X’se jiġri minni wara? Mit-tieni seklu ‘l hawn, l-Insara bdew jidfnu l-mejtin tagħhom għalihom biex iżommu l-idea ta’ komunita’ anki wara li jirxuxtaw għall-ħajja ta’ dejjem. Il-post tad-difna bdew isejħulu “ċimiterju”, kelma li tfisser dormitorju. Dan għaliex min imut bit-tama tal-qawmien mill-imwiet, qisu raqad biss, għax se jerġa’ jqum. Anki Ġesu’: meta ġew jgħidulu li Lazzri miet, qal: Ma mietx, imma raqad.”
- Bħal-lum isiru ħafna quddies b’suffraġju għall-erwieħ. Jiħtieġ niftakru li għandna wkoll niżżu ħajr ‘l Alla talli silifna lil dan ħuna/oħtna għal tant żmien biex għexu qribna. Żgur li ma kinux perfetti imma żgur ukoll li ħallew fina l-effett tal-imħabba tagħhom.
- Wara li Ġesu’ tema l-ħamest elef ruħ b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, il-Lhud ġew biex jagħmluh sultan. L-iskop tagħhom kien li jkollhom profeta li jagħmel il-“magic” kull meta jkollhom bżonn, jipprovdilhom l-ikel u jsolvilhom il-problemi kollha tal-ħajja. Mhux hekk jagħmlu ħafna minna: nitolbu ħwejjeġ materjali u li nfiequ mill-mard speċjalment meta dan ikun se jwassal għall-mewt? Illum Ġesu’ jrid jagħmilha ċara li Hu ġie fid-dinja aktar biex itina l-Ħobż tal-Ħajja (i.e. li jwassalna għall-Ħajja ta’ dejjem) milli l-ħobż materjali. Dan ma jfissirx li joqgħod iħares lejna b’idejh marbuta, jarana nikbru, insofru u mmutu qisu xejn mhu xejn. Kif Alla dejjem ħa ħsieb il-poplu Lhudi u kien jgħinhom fl-inkwiet tagħhom, hekk ukoll għadu jagħmel sal-lum. “Inti prezzjuż għalija għax jistħoqqlok li jien nistmak u nħobbok” (Is. 43). “Ħabbejtek b’imħabba eterna, u nibqa’ dejjem fidil lejk” (Ġer. 31). “Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha u ma tħennx għal bin ġufha? Mqar jekk din tinsa, jien ma ninsik qatt. Ara naqqaxtek fuq il-keffa ta’ jdejja.” (Is. 49: 15-16)
- “Ir-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jien ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajmu fl-aħħar jum.” Aktarx li b’dan l-aħħar jum Ġesu’ kien qed jirreferi għall-aħħar jum tiegħu bħala bniedem bħalma, jiġifieri dak il-jum fuq is-salib li għalih Ġesu’ kien qal: “Meta nkun merfugħ, niġbed il-bnedmin kollha lejja.” Dak in-nhar, tana s-setgħa li lkoll kemm aħna jkollna l-ħajja ta’ dejjem tgħix fina. Għalhekk, għalkemm il-ħajja bijoloġika tagħna tispiċċa mal-mewt, il-ħajja Divina fina tibqa’ tgħix għal dejjem: “Għax ir-rieda ta’ Missieri hija din: li kull min jara l-Iben u jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum..”
(Sors: fernando armellini: omelia del 2 Novembre 2025)