ĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA MAL-ISTUDENTI TAL-UNIVERSITAJIET PONTIFIĊJI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
It-Tnejn 27 ta’ Ottubru 2025
Għeżież ħuti,
Li ninsabu hawn, tul din is-Sena Ġubilari, huwa don li ma nistgħux ma nagħtuhx l-importanza li tixraqlu. Huwa hekk fuq kollox għax il-pellegrinaġġ, biex ngħaddu mill-Bieb Imqaddes, ifakkarna li l-ħajja hija ħajja biss jekk hi f’mixja, biss jekk taf tagħmel il-“passaġġi”, jiġifieri jekk kapaċi tagħmel l-Għid.
Allura, kemm hi ħaġa sabiħa li naħsbu fil-Knisja, li f’dawn ix-xhur, hi u tiċċelebra l-Ġublew, qed tesperimenta din il-mixja, u tfakkar lilha nfisha li għandha bżonn kontinwament li tikkonverti, li għandha dejjem timxi wara Ġesù bla tlajjar żejjed u mingħajr it-tentazzjoni li taqbżu, li hi għandha dejjem bżonn tal-Għid, jiġifieri tal-“passaġġ” mill-jasar għal-libertà, mill-mewt għall-ħajja. Nittama li kull wieħed u waħda minnkom iħoss fuqu d-don ta’ din it-tama u li l-Ġublew ikun okkażjoni li permezz tagħha l-ħajja tagħkom tista’ tibda mill-ġdid.
Imma llum nixtieq indur fuqkom li tagħmlu parti mill-istituzzjonijiet universitarji u fuq dawk li, skont id-diversi ħidmiet tagħhom, jimpenjaw ruħhom fl-istudju, fit-tagħlim u fir-riċerka. Xi grazzja tista’ tmiss il-ħajja ta’ student, ta’ riċerkatur, ta’ studjuż? Nixtieq inwieġeb hekk għal din il-mistoqsija: il-grazzja ta’ ħarsa flimkien, ħarsa li kapaċi tara fix-xefaq, u tmur lil hemm minnu.
Suġġeriment bħal dan nistgħu nsibuh proprju fil-paġna tal-Vanġelu li għadu kemm ixxandar (Lq 13:10-17), li jagħtina x-xbieha ta’ mara mgħawġa li, imfejqa minn Ġesù, tista’ sa fl-aħħar tirċievi l-grazzja ta’ ħarsa ġdida, ħarsa ikbar. Il-kundizzjoni tal-injoranza, li spiss hi marbuta mal-għeluq u man-nuqqas ta’ tħassib spiritwali u intellettwali, tixbah il-kundizzjoni ta’ din il-mara: hi kollha mgħawġa, fuqha nfisha, u allura ma tistax tara lil hemm minnha nfisha. Meta l-bniedem ma hux kapaċi jħares lil hemm minnu nnifsu, mill-esperjenza tiegħu, mill-ideat u l-konvinzjonijiet tiegħu, mill-iskemi tiegħu, allura jibqa’ mjassar, jibqa’ lsir, mhux kapaċi jimmatura ġudizzju tiegħu.
Bħall-mara magħtuba tal-Vanġelu, ir-riskju hu dejjem dak li nibqgħu lsiera ta’ ħarsa ċċentrata fuqna nfusna. Imma fir-realtà bosta ħwejjeġ li jiswew fil-ħajja – nistgħu ngħidu l-ħwejjeġ fundamentali – ma nagħtuhomx aħna stess lilna nfusna; nirċevuhom mingħand l-oħrajn, jaslu għandna u nilqgħuhom mingħand l-għalliema, mil-laqgħat, mill-esperjenzi tal-ħajja. U din hi esperjenza ta’ grazzja, għax tfejjaq l-għeluq tagħna. Hu fejqan veru u proprju li, l-istess kif jiġrilha l-mara tal-Vanġelu, jippermettilna li jkollna mill-ġdid pożizzjoni wieqfa quddiem il-ħwejjeġ u quddiem il-ħajja u li nħarsu lejhom f’xefaq usa’. Din il-mara mfejqa tikseb it-tama, għax tista’ sa fl-aħħar terfa’ ħarsitha u tara xi ħaġa differenti, tara b’mod ġdid. Dan jiġri b’mod partikulari meta niltaqgħu ma’ Kristu fil-ħajja tagħna: ninfetħu għal verità li kapaċi tibdel il-ħajja, tiddistrana minna nfusna, toħroġna mill-għeluq tagħna.
Min jistudja, jogħla ’l fuq, iwessa’ l-orizzonti u l-perspettivi tiegħu, biex jirkupra ħarsa li ma tibqax imsammra biss fil-baxx, imma kapaċi tħares fil-għoli: lejn Alla, lejn l-oħrajn, lejn il-misteru tal-ħajja. Din hija l-grazzja tal-istudent, tar-riċerkatur, tal-istudjuż: li jirċievi ħarsa wiesgħa, li taf tmur ’il bogħod, li ma tissimplifikax il-kwistjonijiet, li ma tibżax mill-mistoqsijiet, li tegħleb id-djuq intellettwali u, hekk, jirbaħ ukoll id-deterjorament spiritwali.
Ejjew niftakru dejjem: l-ispiritwalità għandha bżonn ta’ din il-ħarsa li lejha l-istudju tat-teoloġija, tal-filosofija u tad-dixxiplini l-oħra jikkontribwixxi b’mod speċjali. Illum sirna esperti tal-iċken dettalji tar-realtajiet, imma ma aħniex kapaċi li jkollna mill-ġdid viżjoni ta’ flimkien, viżjoni li żżomm flimkien l-affarijiet permezz ta’ tifsira ikbar u iktar profonda; imma l-esperjenza Nisranija trid tgħallimna nħarsu lejn il-ħajja u r-realtà b’ħarsa magħquda, li kapaċi tħaddan kollox u twarrab kull loġika parzjali.
Għalhekk inħeġġiġkom – dan ngħidu lilkom l-istudenti u lil dawk kollha li jħabirku fir-riċerka u fit-tagħlim – biex ma tinsewx li ta’ din il-ħarsa ta’ flimkien għandha bżonn il-Knisja tal-lum u ta’ għada. U jekk inħarsu lejn l-eżempju ta’ rġiel u nisa bħal Wistin, Tumas, Tereża ta’ Avila, Edith Stein u ħafna oħrajn, li għarfu jintegraw it-tiftix fil-ħajja tagħhom u fil-mixja spiritwali, aħna wkoll imsejħin inkomplu l-ħidma intellettwali u t-tiftix tal-verità mingħajr ma nifirduhom fil-ħajja. Importanti li nrawmu din l-għaqda, biex dak li jiġri fl-awli tal-università u fl-ambjenti edukattivi ta’ kull ordni u grad ma jibqax taħriġ intellettwali astratt, imma jsir realtà li kapaċi tibdel il-ħajja, li tgħinna napprofondixxu r-relazzjoni tagħna ma’ Kristu, li tfehimna aħjar il-misteru tal-Knisja, li tagħmilna xhieda qalbiena tal-Vanġelu fis-soċjetà.
Għeżież, mal-istudju, mar-riċerka u mat-tagħlim hemm marbuta ħidma importanti edukattiva u nixtieq inħeġġeġ lill-Universitajiet biex iħaddnu b’passjoni u impenn din is-sejħa. Li nedukaw jixbah lill-miraklu li jirrakkonta dan il-Vanġelu, għax il-ġest ta’ min jeduka jfisser li terfa’ lill-persuna l-oħra, terġa’ ġġibha fuq saqajha bħalma Ġesù jagħmel ma’ din il-mara mgħawġa, tgħinha tkun hi u biex timmatura kuxjenza u ħsieb kritiku awtonomi. L-Universitajiet Pontifiċji għandhom ikomplu dan il-ġest ta’ Ġesù. Dan hu għemil veru u proprju ta’ mħabba, għax hemm karità li tgħaddi proprju mill-alfabett tal-istudju, tal-għarfien, tat-tiftix sinċier ta’ dak li hu veru u li jistħoqqlu li tgħix għalih. Li naqtgħu l-ġuħ tal-oħrajn għall-verità u għal sens fil-ħajja hi ħidma meħtieġa, għax mingħajr verità u sinifikati awtentiċi nistgħu nidħlu fil-vojt u nistgħu saħansitra mmutu.
F’din il-mixja, kull wieħed u waħda jista’ jsib ukoll l-akbar don: li nafu li m’aħniex waħidna u li aħna ta’ xi ħadd, kif jafferma l-Appostlu Pawlu: “Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: ‘Abba! Missier!’” (Rum 8:14-15). Allura, dak li nirċievu aħna u nfittxu l-verità u nħabirku għall-istudju jgħinna niskopru li m’aħniex ħlejjaq mixħuta kif ġie ġie fid-dinja, imma aħna ta’ xi ħadd li jħobbna u li għandu pjan ta’ mħabba għal ħajjitna.
Għeżież ħuti, nitlob lill-Mulej flimkien magħkom, li l-esperjenza tal-istudju u tar-riċerka fl-avventura universitarja li qed tgħixu, tista’ tagħnikom bil-ħila għal din il-ħarsa ġdida; li l-mixja akkademika tgħinkom taslu biex tgħidu, tirrakkontaw, tapprofondixxu u tħabbru r-raġunijiet tat-tama li għandna fina (ara 1 Piet 3:15); li l-università ssawwarkom biex tkun nisa u rġiel qatt magħluqa fuqkom infuskom imma dejjem wieqfa fuq riġlejkom, kapaċi twasslu fil-postijiet fejn tmorru u tgħixu l-ferħ u l-faraġ tal-Vanġelu.
Il-Verġni Marija, Tron tal-Għerf, isseħibkom u tindukrakom.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard