Niċċelebraw l-Evanġelju tad-dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran

Post tat-talb mhux tar-rikatt.
Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Tifraħ il-belt ta’ Alla!

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ’il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kienu jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed u lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom:
«Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!» Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura, “Il-ħeġġa għal darek fnietni.”
Imbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: «X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?»
Ġesù weġibhom: «Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu.» Għalhekk il-Lhud qalulu: «Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?» Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dan li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù.
Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel. Ġw 2:13-23.

  1. Riflessjoni/talba:

i. Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus.

Kien qorob l-Għid tal-Lhud
il-festa fejn jidħlu mill-ġdid fl-istorja tal-ħelsien
fejn ikunu preżenti għall-inizjattiva sorprendenti t’Alla li jisma’ l-karba tal-poplu mjassar
u jmexxih lejn il-libertà b’impenn, konsistenza u mħabba kbira.

Imma Ġesù, fit-tempju,
kulma jsib huwa kummerċ u rikatt
ta’ min jaħseb li jista’ jixtri lil Alla
jew isir sinjur minn fuq daru.

Irrifletti:
• X’inhi l-immaġini tiegħek ta’ Alla?

ii. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ’il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom. … Qalilhom: «Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!» Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura, “Il-ħeġġa għal darek fnietni.”.

Lil Ġesù konna immansajnieh
ġibnieh gustuż,
imma bla togħma

bħal melħ li qata’

Imma d-dixxipli jiftakru
li Alla mhux hekk:
bozza li qatgħet!

imma nar li jsaffi.

Irrifletti
• Fejn immansajt u qed iġorrok l-ambjent ta’ madwarek?

iii. Imbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: «X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?»
Ġesù weġibhom: «Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu.» Għalhekk il-Lhud qalulu: «Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?» Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dan li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù.

Dak li permezz tieġħU
flok ix-xejn, irċevejna l-ħolqien
flok il-kaos, nistagħġbu bl-armonija

Dak li permezz tiegħU
minn skjavi, sirna ħielsa
minn ħidma sfurzata, ngħaddu għall-liġi tal-imħabba

Huwa Dak li permezz tiegħU
flok il-mewt, irċevejna l-ħajja t’Alla fina
flok talb ta’ rikatt, niskopru l-preġju ta’ Kristu li qed jaħdem fina.

Irrifletti

• Fejn qed tiskopri aħjar il-Knisja bħala l-komunità fejn Kristu Rxoxt jibqa’ jsalva u jagħti l-ħajja? X’inhu s-sehem tiegħek?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading