Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Il-Mulej jagħmel ħaqq mill-popli.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx”. U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?”. Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: ‘Jien hu’, u: ‘Iż-żmien wasal’. Tmorrux warajhom! Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux, għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih”.
Imbagħad qalilhom: “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, l-art titheżżeż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali tal-għaġeb. Imma qabel dan kollu jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.
U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”. Lq 21:5-19.
- Riflessjoni/talba:
i. F’dak iż-żmien, kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx”.
Hemm dak li jonfoħna
u jżommna mwaħħlin,
aljenati.
Hemm dak li jaqa’ u ifalli
sigurtajiet li jisparixxu …
tfakkira li nistgħu intiru.
Irrifletti:
• Esperjenzajt xi falliment li għenek tiskopri xi ħaġa ġdida?
ii. U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?”. Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: ‘Jien hu’, u: ‘Iż-żmien wasal’. Tmorrux warajhom! Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux, għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih”.
Tgħaġġilx biex issolvi l-misteru tal-ħajja
tinħasadx quddiem dak li qed jaqa’
isserraħx fuq l-ewwel tibna.
Veru li hemm ħafna li qed jaqa’,
imma mhux mexjin lejn id-dlam
iżda lil hinn minnu.
Irrifletti
• X’qed tara jaqa’ madwarek – fil-Knisja, fis-soċjetà? X’iqajjem fik?
iii. Imma qabel dan kollu jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda … U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!
Fil-qalba tar-realtà se ssib ir-risposta,
mhux meta taħrab minnha
mhux meta titmexxa mill-biża’ jew mid-disfatta.
Ir-reżistenzi għat-tajjeb
isiru l-post fejn turi b’ħajtek
li t-tajjeb għandu qawwa fih innifsu
mhux skont il-gwadann.
Għax taf li hemm Dawl lil hinn mid-dlam
il-perseveranza ittik saħħa
anke meta dawk l-aktar qrib mhux qed jifhmu
għax taf fuq Min qed tistrieħ!
Irrifletti
• Xi tfisser għalik li tistrieħ fuq Alla?
- Missierna