X’jiġi f’moħħna meta nisimgħu l-kelma sultan? Żgur li ma jiġix f’moħħna lil Ġesù msallab. Normalment is-slaten issibhom fil-palazzi u mhux fuq salib, fuq rashom issibilhom kuruna tad-deheb u djamanti, u mhux kuruna tax-xewk, is-sudditi jservu lilhom u mhux huma jagħtu ħajjithom għas-sudditi tagħhom. Illum, l-aħħar Ħadd tas-Sena liturġika, qegħdin nagħmlu l-festa tas-Sultan tagħna.
B’liema mod Ġesù hu Sultan? Fil-prefazju tal-quddiesa tal-lum, jiġifieri f’dak l-innu sabiħ li jgħid is-saċerdot qabel ma ngħidu flimkien il-‘Qaddis’, insibu dan il-kliem, ‘… jagħti lilek (lill-Missier) is-saltna fuq kollox u għal dejjem: saltna ta’ qdusija u grazzja, saltna ta’ ġustizzja, imħabba u sliem’. Minn dawn il-kelmiet nistgħu nifhmu min hu s-Sultan li qegħdin niċċelebraw illum. Dan m’huwiex Sultan li jiddomina, iżda li jħobb bi mħabba bla qies, ma huwiex Sultan li s-suldati tiegħu jagħtu ħajjithom għalih iżda hu jagħti ħajtu għalina lkoll, ma huwiex Sultan li jilbes kuruna ta’ deheb fin, ħwejjeġ fini u joqgħod fuq tron majestuż, iżda huwa Sultan imdendel fuq salib.
Infatti l-Evanġeju tal-lum joffrilna l-aqwa xena li tirrivelalna min hu dan is-sultan tagħna. Quddiem it-tgħajjir tal-għedewwa tiegħu u tas-suldati ma jirreaġixxix, quddiem l-insulti tal-ħalliel msallab miegħu ma jweġibx iżda quddiem l-qalb miftuħa tal-ħalliel l-ieħor iwieġeb kliem tal-akbar imħabba; ‘Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi’. Is-Sultan tagħna l-qawwa tiegħu hija l-imħabba bla limitu li għandu lejn kull bniedem u mhux biss lejn dawk li jħobbuh, ir-rebħa tiegħu hija l-qawwa tal-maħfra, il-ġlorja tiegħu hija ħajja bla tmiem għalina lkoll.
Fil-ħajja tagħna ma aħniex imdorrijin nassoċjaw l-imħabba mal-poter, jew mal-qawwa, anzi forsi aktar naħsbu li l-imħabba tagħmlek dgħajjef, l-aktar fil-konfront ta’ min tkun tħobb. Ġesù llum jaqleb kollox ta’ taħt fuq: huwa jurina li l-aqwa poter huwa dak tal-imħabba, u li mhemmx qawwa akbar minn dik li wieħed iħobb. Infatti min iħobb ikun rebaħ l-akbar battalja, mhux battalja kontra xi forża esterna, bħalma jsir fil-gwerrer ta’ din id-dinja, iżda ikun rebaħ il-battalja kontra tiegħu nnifsu, min iħobb jasal biex jagħti lilu nnifsu lill-oħrajn. Ilkoll nafu li l-akbar battalja li jkollna niġġieldu fil-ħajja hija kontra tagħna nfusna u tal-egoiżmu l-ħażen li hemm fina: din il-battalja jiraħha biss minn iħobb bħal Ġesù.
Quddiem Ġesù Sultan imsallab kulħadd jirreaġixxi bil-mod tiegħu; xi wħud għajruh, il-folla baqgħet indifferenti, il-ħalliel it-tajjeb rebaħ miegħU. Int u jien kif nirreaġixxu quddiem is-Sultan tagħna msallab? Niftakru li għad li s-saltniet ta’ din id-dinja jidhru ħafna aktar attraenti, iżda l-ebda sultan ma baqa’ jsaltan għal dejjem, u s-saltniet kollha tad-dinja ġew fi tmiemhom. Wieħed biss joffri Saltna fuq kollox u għal dejjem, Saltna ta’ qdusija u grazzja, Saltna ta’ ġustizzja, imħabba u sliem. Int parti minn liema saltna trid tagħmel, dik ta’ din id-dinja jew ta’ Ġesù?
Mulej Ġesù illum nieqfu quddiem s-salib tiegħek, illum nistagħġbu b’dak li Alla l-Missier kien lest li jagħmel għall-ġid tad-dinja, illum niċċassaw inħarsu lejk u sa fejn wasslitek l-imħabba tiegħek lejna. Għinna Mulej ħalli mal-ħalliel it-tajjeb ngħidulek ‘Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek’. Ammen
Innu
Int kont qabel ma tnissel
u twieled il-ħolqien:
inti s-Sultan tas-slaten,
inti s-Sid tas-sidien.
Minn żmien għall-ieħor, Kristu,
il-ġnus mexxejthom int:
ġarraft il-qawwa mkabbra,
il-ħaqq u l-jedd weżint.
Billi l-kobor ta’ nislek
fil-faqar tagħna ħbejt,
u bħal ħaddiem u fqajjar
qalb il-fqajrin imxejt.
Ma fehmitekx id-dinja,
daħħlitek fit-tiġrib,
b’sultan tad-daħk għaddietek,
sammritek fuq salib.
Iżd’int mill-għuda mbierka
li fuqha kont mislub
ħaddant id-dinja ħatja
u sirt Sultan tal-qlub.
Ħa tqimek, mela, d-dinja,
għax int Sultan ħanin,
u tibqa’ l-ħniena tiegħek
sa kemm itulu s-snin. Amen.