F’dirgħajn Marija. Kitba ta’ P. Juan De Bono ocd

Daqt nibdew in-Novena li għandha tħejjijna biex infakkru t-Tnissil bla tebgħa ta’ Marija.

Nirriflettu kemm nirriflettu dwar Marija u r-rwol tagħha fil-proġett tal-Missier għas-salvazjoni tagħna, QATT MA AĦNA SE NKUNU RRIFLETTEJNA BIŻŻEJJED DWARHA.

Alla l-Missier bgħatt lil Ibnu fid-dinja biex ifakkarna fl-imħabba tal-Missier u jistedinna nirritornaw għandu.

B’danakollu Alla l-Missier biex jagħmilha aktar appettibli għalina din l-istedina ħallilna lil Ommu Marija biex din tkun tista’ żżommilna jdejna fil-mixja tagħna lejn Binha Ġesu’.

Marija hi dik il-mara li b’paċenzja kbira tinsab dejjem hemm magħna u ma tkunx kuntenta sa ma tarana mixjin fit-triq ta’ Binha Ġesu’.

Marija ma għandhiex bżonn l-għajat tagħna, Marija mhix qiegħdha tistenna minna xi ċurkett tad-deheb b’xi djamant kbir, Marija MOĦĦHA U ĦSIEBHA BISSSSSSSSSSSSS LI AĦNA NGĦIXU DAK LI GĦALLIMNA BINHA ĠESU’.

Marija taf x’hemm fil-qalb tiegħek, għalaq għajnejk għalhekk u idħol f’kuntatt magħha,

Itlobha taqbadlek idejk.
Itlobha tgħattik kollok kemm int taħt il-mant tagħha.
Itlobha tkun l-avukata tiegħek ma’ Binha Ġesu’.

Irrikonoxxi li MARIJA HI OMMOK.

Illum il-Knisja tfakkar meta Sant’Anna u San Ġwakkin ippreżentaw lil binthom Marija fit-Tempju. Huma ppreżentaw lil Missier lil dik li huwa kien għażel sa mill-eternita’.

Kien bħallum 121 sena li Santa Eliżabetta tat-Trinita’ kitbet din it-Talba sabiħa li nsibu parti minnha fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.

O Alla tiegħi, Trinità li nadura

Ġ.M. † Ġ.T.

O Alla tiegħi, Trinità li nadura, għinni ninsa lili nnifsi għal kollox biex nitqiegħed fis-sod fik, bla ma nitħarrek u fil-paċi bħallikieku ruħi ġa tinsab fl-eternità! Jalla xejn ma jkun jista’ jħawwad il-paċi tiegħi, jew joħroġni minnek, O Dak li ma jinbidilx, imma li kull minuta ddaħħalni aktar ‘il ġewwa fil-profondità tal-Misteru tiegħek! Agħti s-sliem lil ruħi, agħmel fiha s-Sema tiegħek, għamartek l-għażiża, u l-post tal-mistrieħ tiegħek. Ma jkun qatt li jien inħallik waħdek, imma li nkun hemm, kollni kemm jien, kollni mqajma fil-fidi tiegħi, kollniadoranti, kollni mitluqa għall-Azzjoni ħallieqa tiegħek.

O maħbub Kristu tiegħi, imsallab għall-imħabba, jiena rrid inkun għarusa għall-Qalbek, jiena rrid ngħattik bil-glorja, jiena rrid inħobbok… sa ma mmut! Imma jiena nħoss id-djugħfija tiegħi, u nitolbok ‘tlibbisni bik innifsek’, li tidentifika lil ruħi ma’ kull ċaqliqa ta’ ruħek, li tgħaddasni, li taħkimni bil-qawwa, li tieħu posti, sabiex ħajti ma tkunx ħlief raġġ ta’ ħajtek. Ejja ġewwa fija bħala Adoratur, bħala Riparatur u bħala Salvatur. O Verb Etern, Kelma ta’ Alla tiegħi, irrid ngħaddi ħajti nisimgħek, irrid inkun miftuħa dejjem biex nitgħallem. Imbagħad, permezz tal-iljieli kollha [tal-ispirtu], il-vojt kollu, in-nuqqas ta’ ħila kollha tiegħi, irrid inwaħħal dejjem ħarsti fik u ngħix taħt id-dawl kbir tiegħek; O Kewkba maħbuba tiegħi, saħħarni lejk sabiex qatt aktar ma nkun nista’ noħroġ mid-dija tar-raġġi tiegħek.

O Nar li jikkonsma, Spirtu ta’ mħabba, ‘inżel fuqi’ (ara Lq 1, 35) ħalli sseħħ f’ruħi bħal inkarnazzjoni tal-Verb, li jiena nkun għaliH umanità miżjuda li fiha jġedded il-Misteru kollu tiegħu. U int, O Missier, mil lejn il-ħlejqa fqajra ċkejkna tiegħek, ‘għattiha bid-dell tiegħek’, tarax fiha ħlief il-Maħbub tiegħek li ‘fih int qegħidt l-għaxqa kollha tiegħek’ (Mt 17, 5).

O Tlieta tiegħi, il-Kollox tiegħi, Hena tiegħi, Solitudni infinita, Immensità li fiha nintilef, jien ningħata lilkom bħal priża. Indifnu fija ħalli jien nindifen fikom, waqt li nistenna li mmur nikkontempla fid-dawl tagħkom l-abbiss tal-kobor tagħkom.

21 ta’ Novembru 1904

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading