Nittamaw ifisser nipparteċipaw. Udjenza Ġubilari mill-Papa Ljun XIV

UDJENZA ĠUBILARI
KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Pjazza San Pietru
Is-Sibt 6 ta’ Diċembru 2025

Katekeżi. 10. Nittamaw ifisser nipparteċipaw – Alberto Marvelli

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

M’ilniex li dħalna fil-perjodu liturġiku tal-Avvent, li jedukana biex inkunu attenti għas-sinjali taż-żminijiet. Fil-fatt aħna nfakkru l-ewwel miġja ta’ Ġesù, Alla-magħna, biex nitgħallmu nagħrfuh kull darba li jiġi u biex nitħejjew għal meta jerġa’ jiġi. Dakinhar inkunu għal dejjem miegħu. Flimkien miegħu, u ma’ ħutna, ma’ kull ħlejqa oħra, f’din id-dinja sa fl-aħħar mifdija: il-ħolqien ġdid.

Din l-istennija mhijiex passiva. Fil-fatt, it-Twelid ta’ Ġesù jurina Alla li jinvolvina: Marija, Ġużeppi, ir-ragħajja, Xmun, Anna, u ’l quddiem Ġwanni l-Battista, id-dixxipli u dawk kollha li jiltaqgħu mal-Mulej huma involuti, huma msejħa jipparteċipaw. Huwa unur kbir, u x’eċċitament! Alla jdaħħalna fl-istorja tiegħu, fil-ħolm tiegħu. Li nittamaw, allura, ifisser nipparteċipaw. Il-motto tal-Ġublew, “Pellegrini tat-tama”, mhuwiex slogan li xahar ieħor jgħaddi! Hu programm ta’ ħajja: “pellegrini tat-tama” jfisser nies li jimxu u li jistennew, mhux b’idejhom vojta, imma billi jipparteċipaw.

Il-Konċilju Vatikan II għallimna naqraw is-sinjali taż-żminijiet: hu jurina li ħadd ma jirnexxilu jagħmel dan waħdu, imma flimkien, fil-Knisja u ma’ tant aħwa, naqraw is-sinjali taż-żminijiet. Huma sinjali ta’ Alla, ta’ Alla li jiġi bis-Saltna tiegħu, permezz taċ-ċirkustanzi storiċi. Alla mhuwiex ’il barra mid-dinja, ’il barra minn din il-ħajja: mill-ewwel miġja ta’ Ġesù, Alla magħna, tgħallimna kif infittxuh qalb ir-realtajiet tal-ħajja. Infittxuh b’intelliġenza, qalb u kmiem imxammra! U l-Konċilju qalilna li din il-missjoni hi b’mod partikulari tal-fidili lajċi, irġiel u nisa, għax Alla li jinkarna jiġi jiltaqa’ magħna fis-sitwazzjonijiet ta’ kuljum. Fil-problemi u fil-ħwejjeġ sbieħ tad-dinja, Ġesù qed jistenniena u jinvolvina, jitlobna naħdmu id f’id miegħu. Għalhekk li nittamaw ifisser nipparteċipaw!

Illum nixtieq infakkar isem: dak ta’ Alberto Marvelli, żagħżugħ Taljan li għex fl-ewwel nofs tas-seklu li għadda. Edukat f’familja skont il-Vanġelu, iffurmat fl-Azzjoni Kattolika, ħa l-lawrja fl-inġinerija u ħabbat wiċċu mal-ħajja soċjali fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, li hu kkundanna bil-qawwa. F’Rimini u l-madwar hu ħabrek b’saħħtu kollha biex jaqbeż għall-miġruħa, il-morda, dawk li tilfu darhom. Ħafna ammirawh għal din id-dedikazzjoni diżinteressata tiegħu u, wara l-gwerra, ġie elett assessur u inkarigat mill-kummissjoni għall-alloġġi u għar-rikostruzzjoni. Hekk daħal fil-ħajja politika attiva, imma proprju huwa u sejjer bir-rota għal laqgħa politika ġie mtajjar minn trakk militari. Kellu 28 sena. Alberto jurina li tittama jfisser tipparteċipa, li taqdi s-Saltna ta’ Alla jimliek bil-ferħ anki qalb ir-riskji kbar. Id-dinja ssir aħjar, jekk aħna nitilfu xi ftit miċ-ċertezzi u t-trankwillità tagħna biex nagħżlu dak li hu tajjeb. Hekk ifisser tipparteċipa.

Nistaqsu ftit lilna nfusna: jiena qed nieħu sehem f’xi inizjattiva tajba, li biha nħaddem it-talenti tiegħi? Meta nagħti xi servizz, għandi x-xefaq u n-nifs tas-Saltna ta’ Alla? Jew dan nagħmlu bit-tgemgim, ingerger li kollox sejjer ħażin? It-tbissima fuq ix-xofftejn hija s-sinjal tal-grazzja fina.

Nittamaw ifisser nipparteċipaw: dan huwa don li jagħmlilna Alla. Ħadd ma jsalva d-dinja waħdu. U lanqas Alla ma jrid isalvaha waħdu: seta’ kieku ried, imma ma jridx, għax flimkien inkunu aħjar. Li nipparteċipaw jgħinna nesprimu u nagħmlu aktar tagħna dak li fl-aħħar għad nikkontemplaw għal dejjem, meta Ġesù jiġi lura darba għal dejjem.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading